Marija Immakulata. Kitba ta’ Patri Juan De Bono ocd

Titlu ‘diffiċli’

Viva Marija Immakulata.

Bħala tifel qatt ma stajt nifhem xi tfisser IMMAKULATA.

Issa smajt paniġierċi kontra paniġierċi, noveni kontra noveni, imma xorta qatt ma stajt nifhem eżattament xi tfisser Immakulata.

Ilkoll naqgħu fid-dnub tan-nisel

Bdejt nifhem xi jfisser it-titlu ‘Marija Immakulata’ meta bdejt nikber u meta bdejt ninduna kemm hija mħassra, korrotta n-natura tagħna l-bnedmin.

ALLA ĦALAQNA PERFETTI.

ALLA ĦALAQNA BLA DNUB.

IMMA ALLA ĦALAQNA WKOLL LIBERI.

L-imħabba dejjem tħalli lil persuna l-oħra libera.

L-imħabba ma toħnoq qatt lil persuna maħbuba.

Meta bl-iskuża tal-imħabba, il-persuna li tgħid li tħobb iddaħħlek f’nassa wara l-oħra, toħnoqlok l-ispazju tiegħek, dik ma hiex imħabba.

Alla ħalaqna liberi fuq ix-xbieha tiegħU

Alla ħalaqna liberi.

Ċert, Alla kien qiegħed jirriskja meta ħalaqna liberi.

Stajna nduru kontra tiegħU, imma Alla ħabbna u għadu jħobbna, u ma riedx suldati, imma ried ‘partners’, ‘sieħba’ tiegħU.

Alla ried lil bniedem, maħluq fuq xbieha tiegħU, li jaqsam miegħU l-istess ħajja divina.

Għaliex ngħidu xbieha ta’ Alla ?

Alla mhux spirtu perfett, mela kif nistgħu nixbħuH ?

Dak li jagħmel lil Alla Alla, huwa l-fatt li huma tliet Persuni f’Alla wieħed u li l-karatteristika li tiddistingwihom hija l-imħabba, jiġifieri r-relazjoni li teżisti bejn it-Tliet Persuni Divini.

TLIET PERSUNI LI FILWAQT LI BĦAL MIRJA JĦARSU LEJN XULXIN, IL-MISSIER META JĦARES LEJN L-IBEN, JARA LIL IBEN, JARA LILU NNIFSU RIFLESS FL-IBEN U JARA L-ISPIRTU S-SANTU RIFLESS FL-IBEN.

L-istess l-Ispirtu s-Santu u l-Iben innifsu.

ALLA RIED LI JOĦLOQ LIL BNIEDEM BĦALU, MHUX TLIETA IMMA ĦALAQNA TNEJN: RAĠEL U MARA, ŻEWĠ PERSUNI IMMA BNIEDEM WIEĦED.

Ir-raġel iħares lejn il-mara, u jara lilu nnifsu rifless fil-mara u jara lil mara direttament, u l-istess tagħmel il-mara.

ALLA XTAQ LI DAWK IT-TLIET MIRJA JSIRU ĦAMSA, U ISSA BIEX NIFHMU LILNA NFUSNA RRIDU BILFORS DEJJEM INĦARSU LEJN ALLA.

Inħarsu lejna nfusna flok lejn Alla u lejn xulxin

U din hija l-problema tas-soċjeta’ tallum, GĦATTEJNA LIL ALLA B’ĦAJT LI TELLAJNIEH AĦNA STESS BĦAL ĦAJT TA’ BERLIN.

Biex tagħqad il-bniedem ‘modern’, il-bniedem tallum lanqas għadu jħares lejn il-mara jew ir-raġel biex jifhem lilu nnifsu, IMMA QIEGĦED IĦARES LEJH INNIFSU BISS.

U META INT TĦARES BISS LEJN IL-MERA, IL-VIŻJONI TIEGĦEK TA’ L-GĦALA TEŻISTI U FEJN INT SEJJER JITLEF IT-TOGĦMA KOLLHA KEMM HI.

Meta d-demonju u sħabu, jiġifieri meta terz mill-Anġli maħluqa minn Alla biex ikantaw il-kobor u l-ġmiel ta’ Alla, irribbellaw kontra Alla, huma għażlu li ma jibqgħux jgħixu l-Ġenna.

Dik hija s-SUPPERVJA, li wasslet lil dawn l-anġli ribelli li jigdmu mneħirhom biex mingħalihom jinku lil wiċċhom.

Bħall-Iben il-ħali telaq mid-dar u wara ftit taż-żmien jiekol dak li missieru kien tbażwar għalih, huwa spiċċa fil-maqjel tal-qżieqes.

Alla jibgħat lil Ibnu

Alla l-Missier xtaq li lil bniedem li dineb:

JFAKKRU FL-IMĦABBA TA’ ALLA U

JISTIEDNU JIRRITORNA LEJN ALLA.

BIEX DAN IL-ĦSIEB JITWETTAQ ALLA L-MISSIER BAGĦAT LIL IBNU BĦALA BNIEDEM BĦALNA.

Mhix ċajta tafx, Alla li hu l-Ħallieq tal-Univers li lanqas biss għadna nafu sa fejn jasal, jsir embrijun ċkejken bi tmien ċelloli li baqa’ jikber sa ma twieled fil-għar ta’ Betlehem.

Imwieled minn mara

BIEX HUWA JKUN JISTA’ JSIR BNIEDEM BĦALNA ALLA GĦAŻEL MARA.

BL-IVA TA’ MARIJA L-IBEN TA’ ALLA SAR BNIEDEM, VERBUM DEI CARO FACTUM EST.

MARIJA KIENET DIK IL-MARA LI LIL ALLA QALTLU DEJJEM IVA.

ALLA KIEN JAF MINN QABEL LI MARIJA KIENET DEJJEM SE TGĦIDLU IVA, U ALLA BI PRIVILEĠĠ ĦELISHA MID-DNUB LI NITWIELDU LKOLL BIH, DAK LI NSEJĦULU D-DNUB TAN-NISEL.

DIN HIJA L-FESTA TALLUM.

Kif Marija setgħet titnissel mingħajr tebgħa tad-dnub ?

Ħafna studjużi kienu fehmu dan, imma oħrajn ma setgħux jifhmuha.

Ġesu’ ġie biex isalva lil bnedmin kollha, mela la Marija kienet mingħajr tebgħa tad-dnub, dawn bdew jgħidu mela Ġesu’ ma salvax lil Marija wkoll……

L-eżempju li jintuża huwa dan biex jispjegaw kif Marija ġiet UKOLL salvata minn Ġesu’:

MELA EJJEW NIMMAĠINAW LI JKUN HEMM TAPPIRA MIFTUĦA U KULL KAROZZA LI BDIET TGĦADDI BDIET TAQBDILHA R-ROTA FIHA, IL-KAROZZA JOĦORĠULHA L-AIRBAG U L-KAROZZA TIĠI SCRAPPED.

ALLA JAGĦMEL TABELLA MITT METRU QABEL DIN IT-TAPPIRA, IMMA KULĦADD JINJORA DIK IT-TABELLA U JIBLAGĦHA DIK IT-TAPPIERA.

IMMA MARIJA LE

MARIJA KIENET DEJJEM MOĦĦHA F’DAK LI ALLA KIEN QIEGĦED JGĦIDILHA U META WASLET ĦDEJN IT-TAPPIERA EVITATA.

ISSA KULL MIN JAQA’ FIT-TAPPIERA ĠESU’ JIĠU JTELLGĦU U JOĦORĠU MINNHA, IMMA MA MARIJA MA KELLUX GĦALFEJN JIĠI JTELLGĦAHA MINN DIK IT-TAPPIERA, GĦAX HIJA MA WAQGĦETX FIHA GĦAX KIENET GĦAJNEJHA GĦASSA GĦAT-TABELLI TA’ ALLA.

Marija għalhekk bi privileġġ speċjali, imma wkoll għax MARIJA HIJA L-MARA TAL-IVA, ma waqgħetx fid-dnub li lkoll nitnisslu bih.

Nitolbu lil Marija biex ngħixu bla dnub u mmutu bla dnub

Issa m’hemmx x’tagħmel, il-froġa lesta, aħna waqajna fid-dnub.

Imma issa nistgħu NITOLBU LIL MARIJA BIEX HIJA TGĦINNA BIEX NGĦIXU MINGĦAJR DNUB U BIEX ITTINA L-GRAZZJA LI NOĦORĠU MINN DIN ID-DINJA BLA DNUB.

Dik hija l-Festa li qegħdin niċċelebraw illum.

O MARIJA LI DĦALT FID-DINJA MINGĦAJR TEBGĦA AQLAGĦLNA L-GRAZZJA LI NOĦORĠU MINNHA MINGĦAJR ĦTIJA.

Viva Marija Immakulata (bla tebgħa)

Il-festa t-tajba lid-devoti kollha ta’ Marija.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading