Omelija tal-Quddies fi sbieħ il-Milied. Kitba ta’ Fr Michael A. Galea

Don Mario kien qassis żagħżugħ, jgħix f’Napli fis-snin ta’ wara l-gwerra. Beltu kienet mimlija żgħażagħ bla familja u bla dar. L-isqof kien qed jagħmel li jista’ biex iħajjarhom jiġu għal-laqgħat li kien jagħmel għalihom għax sema’ bis-serq u diżordnijiet oħra li kienu qegħdin jagħmlu dawn it-talin. Iżda l-istediniet tiegħu baqgħu bla tweġiba.

Don Mario mar iżuru u qallu: “Ħallini nsir wieħed minnhom…bla dar bħalhom…bla familja bħalhom…Irrid ngħix ħajjithom biex nikseb il-fiduċja tagħhom. Imbagħad nistedinhom għal-laqgħat tagħhom.”

L-isqof ma tantx kien favur din l-inizjattiva iżda aċċetta. U għal bosta xhur, Don Mario għex ħajja ta’ fqir…ipejjep il-biċċiet tas-sigaretti li jsib fit-triq, jiekol dak li jiddobba…jilbes imqatta’. Iżda b’qalb tad-deheb, lest li jgħin lil kulħadd. Bil-mod il-mod kiseb il-fiduċja ta’ dawk kollha li bħalu kienu jgħixu fil-kmamar tal-landa jew fil-kaxxi tal-kartun. U don Mario rnexxielu jressaq bosta minnhom lejn il-Mulej; tahom dar deċenti u ppreparahom għall-ħajja. Fi kliem ieħor sar l-appostlu taż-żgħażagħ.

Illum qegħdin niċċelebraw il-birthday ta’ DAK li ftit iktar minn elfejn sena ilu sar wieħed bħalna biex ma jħalliniex mexjin fit-triq tat-telfien. Ried jifdina. U għax għex ħajjitna, irnexxielu jifhimna, jagħdirna fin-nuqqasijiet kollha tagħna u jaħfrilna meta niżbaljaw. Beda jibki bħalna, jifraħ bħalna, jbati bħalna, jiddeverti bħalna, tgħabba bid-dnubiet tagħna…insomma kollox bħalna barra mid-dnub, kif jgħid l-awtur tal-ittra lil-Lhud.

Fl-ittra tiegħu lill-Filippin San Pawl għandu dak l-innu sabiħ li jgħid għal Ġesu’: “Hu, għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bniedem, u deher minn barra bħala bniedem…” (2,6.7)

Dan għandu l-ħsieb wara l-attivitajiet speċjali li nagħmlu f’dawn il-jiem. Li nifhmu kemm ħabbna Ġesu’ meta sar bniedem bħalna…niftakru li Ġesu’ huwa ċ-ĊENTRU TA’ KULL ŻMIEN!

Għalhekk importanti għalina lkoll li ma nħallu lil ħadd u xejn itellef il-post ċentrali li dan Ġesu’ għandu jgawdi fil-Milied. Il-kartolini sbieħ, it-tiżjin sabiħ, ir-rigali sbieħ, il-parties u l-ikliet sbieħ ukoll, iżda ċ-ċentru għandu jibqa’ HU. Inkella l-Milied tagħna jista’ jkun vojt mill-paċi li ħabbru l-anġli fi twelidu. Pero’ ħa nispjega ftit il-vanġelu li għadni kemm ħabbartilkom: huwa l-vanġelu msejjaħ tas-sebħ…

San Luqa qalilna: “Meta l-anġli ħallewhom u telgħu s-sema…” Dawn l-erba’ kelmiet jorbtu mal-vanġelu li smajna dal-lejl. Xi smajna? Smajna hekk: “U f’daqqa waħda ngħaqdu ma’ l-anġlu (dan kien l-anġlu li lir-ragħajja qegħdin jgħassu l-imrieħel tagħhom bil-lejl) ħabbrilhom li fil-belt ta’ David kien twieled is-Salvatur tal-bnedmin, daqsxejn ta’ tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura, u kienu l-anġli  li f’għadd kbir bdew ifaħħru lil Alla u jgħidu: “Glorja ‘l Alla fl-għola tas-smewwiet u sliem fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba!” Nistaqsi kemm hawn sliem u paċi fid-dinja tal-lum? Jiddispjaċini ngħid li għaddew iktar minn elfejn sena ta’ storja u fid-dinja tal-lum għad m’hawnx il-paċi li ħabbru l-anġli fuq l-għar ta’ Betlem. Biss biss il-bnedmin għaddew minn żewġ gwerer dinjija. Illum ninsabu fil-qilla ta’ żewġ gwerer oħra: waħda bejn ir-Russja u l-Ukraina u l-oħra bejn Iżrael u l-Palestina, propju fejn twieled u trabba Ġesu’! Jeżistu gwerer oħra, mhux daqshekk mifruxa, imma xorta qerrieda. Għandi f’moħħi l-ġwerra bejn familja u oħra kultant minħabba dak l-imbierek wirt. X’se nieħdu magħna wara ħajja ta’ 70, 80, l-iżjed 90 sena? Għandi f’moħħi wkoll gwerer interni, fil-qalb ta’ qalbi, ġewwa ruħi. F’waħda mill-ittri tiegħu, San Pawl jgħid: “Nixtieq kieku nagħmel it-tajjeb, imma nsib ruħi nagħmel il-ħażin li ma rriedx.” Issa dan jgħidu San Pawl, nisrani kbir, aħseb u ara jien jew int! Inkompli nispjega…

Ir-ragħajja bdew jgħidu lil xulxin: “Imxu mmorru Betlehem ħa naraw dan li ġara u li l-Mulej għarrafna bih.” Nistaqsi u nibda minni nnifsi: “Kemm huma dawk l-insara li jippruvaw jidħlu fil-fond tat-tagħlim nisrani? Kemm huma dawk l-insara li jgħaddu ħin, anki jekk mhux twil, quddiem Ġesu’ Ewkaristija jaduraw lil Ġesu’ ħaj taħt l-ispeċi tal-Ħobż ikkonsagrat?” Inkomplu nispjegaw…

Marija, min-naħa tagħha baqgħet iżżomm sewwa f’qalbha dan kollu u toqgħod taħseb fuqu bejnha u bejn ruħha. Niġi li nistaqsikom: “Il-meditazzjoni tafu x’inhi?” Il-meditazzjoni hija forma ta’ talb, mhux talb bix-xofftejn imma talb bil-moħħ, bil-qalb, bl-ispirtu…Il-kurat t’Ars, u nispiċċha biha kien jgħid li meta t-talb huwa magħmul sewwa, għandek qisu żewġ xemgħat maħlulin f’waħda…mur ħollhom minn xulxin!!!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading