Omelija tal-Lejl tal-Milied minn D. Edward Vella.

Kien lejl verament kiesaħ f’Londra – temp li wieħed jistennieħ fil-lejl tal-Milied. Ebenezer kien qiegħed iħoss il-bart; bart mhux biss tal-kesħa li kien hemm barra iżda qalbu kienet kiesħa. Ebenezer raġel anzjan, sinjur, ossessjonat bil-flus, jgħix għalihom. Jobgħod il-Milied; għalih dawk ir-rigali huma ħala ta’ flus. Ma jridx jagħti ġurnata leave lill-ħaddiem tiegħu għall-Milied biex jifraħ mal-familja tiegħu, ma jridx jgħin minn ġidu lil organizazzjoni tal-karità – għalih il-foqra huma kollha għażżenin.

Fil-lejl tal-Milied wara li jingħalaq ġo daru, waħdu, jiġi jżuru l-ispirtu ta’ l-ex sieħeb tiegħu fil-business, Jacob Marley, kien miet ftit ilu: huwa jwissih li l-ħajja tiegħu (ta’ Jacob) ta’ egoiżmu u xeħħa kienet il-forġa li fiha nħmew il-ktajjen li llum huwa marbut bihom. Jacob jgħidlu li dak il-lejl kienu ser iżuruh tliet spirti biex jagħtuh l-aħħar opportunità biex ma jiġrilux bħalu.

L-ewwel jiġi jżuru l-ispirtu tal-Milied passat: jara lilu nnifsu tifel waħdu, kif ukoll jara kif tilef l-opportunità ta’ mħabba li offrietlu tfajla, sempliċement minħabba x-xeħħa tiegħu. Wara jiġi l-ispirtu tal-Milied preżenti jara l-familja Cratchits, familja fqira iżda li qiegħda tgawdi Milied umli, sempliċi u mimli ferħ għad li t-tifel iż-żgħir Tim marid ħafna għaliex ma għandhomx biex jixtru l-mediċina meħtieġa biex ifiq. Jara wkoll lil nepputih jiċċelebra l-Milied fil-ferħ. Fl-aħħar iżuru l-ispirtu tal-Milied futur: jara n-nies jitkellmu fuqu issa mejjet; kliemhom juri li huma jħossuhom li ħelsu minnu, qabru ma fih l-ebda isem, ħadd ma jimpurtah.

Ebenezer iqum nhar il-Milied filgħodu raġel mibdul: huwa mimli rimors iżda determinat li ser jinbidel. Jibgħat dundjan kbir lill-Familja Cratchits biex ikollhom ikla tajba fil-Milied, joffri li jixtri l-mediċina lit-tifel tagħhom Tim biex ifiq. Huwa jagħti donazzjoni kbira lill-organizazzjoni tal-karità biex tkun tista’ tgħin ħafna nies, imur ukoll jiċċelebra man-nepputi tiegħu, issa l-Milied sar għalih festa ta’ veru ferħ. Jiddeċiedi li fil-kumplament ta’ ħajtu huwa ser ikun ħanin ma’ kulħadd.

Sabiħa ħafna din l-istorja ta’ Scrooge, li naħseb li lkoll kemm aħna rajna xi film jew dramm tiegħu. Charles Dickens fil-ktieb tiegħu A Christmas Carol kiteb storja ta’ fantasija b’tagħlima sabiħa, għad li ħalla l-aktar ħaġa importanti nieqsa: ħalla barra lil Ġesù Bambin. It-tajjeb kulħadd jagħrfu, it-tajjeb sabiħ, iżda qatt ma naslu għalih mingħajrU. Huwa Ġesù biss li mhux biss jurina x’inhi l-vera mħabba, iżda jagħtina l-qawwa biex inħobbu. Dan nifhmuh ħafna meta nħarsu lejn id-dinja ta’ madwarna u nirriflettu. Sirna dinja mimlija bi Scroogijiet, kull wieħed u waħda minna ġo fina hemm xi ftit jew wisq Scrooge. Kulħadd jitkellem mill-imħabba, iżda fir-realtà iktar ma għandna anqas inħobbu. Tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: jien meta tiġi l-opportunità li ngħin, x’nagħmel, nibda naħseb għaliex ma għandix ngħin jew kif ser ngħin?  

Dan il-lejl ta’ Dawl, dan il-lejl l-aktar qaddis għandu tagħlima mhux importanti, iżda neċessarja għalina jekk irridu ngħixu ħajja bis-sens, jekk irridu nkunu nsara mhux tal-qoxra ta’ barra, mhux insara melħ li qatgħa jew dawl moħbi, iżda melħ tal-art u dawl tad-dinja. Interessanti ħafna dak li għażel Ġesù dak inhar li twieled għalina u dak li warrab. Huwa għażel dak li nwarrbu aħna u warrab dak li nagħżlu aħna:

  • Għażel il-faqar biex jersaq lejn il-faqar tagħna
  • Għażel l-umilta biex jgħallimna li l-imħabba mingħajr umiltà ma teżistix.
  • Għażel iċ-ċkunija biex ħadd ma jħossu eskluż.
  • Għażel maxtura biex jurina li hu biss l-Ikel li jagħti sens lil ħajjitna.

Fl-ewwel parti tal-quddiesa smajna l-qari tal-Papa San Ljun il-Kbir: li tassew hu kbira għaliex tana l-Milied. Fil-bidu l-Knisja kienet tiċċelebra biss l-Għid: biż-żmien il-Knisja bdiet tifhem li hemm mumenti kbar oħra fl-istorja tas-salvazzjoni tagħna, l-akbar fosthom huwa t-Twelid tal-Mulej. Huwa jgħidilna li l-Milied huwa sagrament: hija xi ħaġa verament interessanti. Huwa ried jgħid li filwaqt li għalina l-grajja tal-Milied seħħet fil-passat, madwar 2025 sena ilu, għal Alla, li għalih ma hemmx żmien, la passat u lanqas futur, il-Milied qed iseħħ issa, Ġesù qed jitwieled għalina issa, Alla qiegħed jidħol fl-istorja tagħna l-bnedmin issa. Mela filwaqt li aħna naħsbu li qed niċċelebraw xi ħaġa tal-passat, aħna qed naraw sempliċement xbieha tal-Bambin, jekk tabilħaqq nemmnu l-Mulej qiegħed jitwieled għalina issa.

Tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: il-Mulej qed jitwieled f’qalbi? Biex il-Mulej jitwieled f’qalbi rrid inkun jien li nistiednu, jien li nħallih. Il-Mulej ma jistax jitwieled fija jekk jien ma inhiex lest li ninbidel: j’Alla nkunu nsara ta’ veru, nsara li lil Ġesù jistednuh jitwieled fihom kuljum, Ġesù jgħix fihom kuljum.

Mulej Int l-akbar rigal li qatt ingħatalna; għinna u iftħilna moħħna u qalbna biex nifhmu l-misteru ta’ din il-ġrajja, għinna biex nersqu lejk bl-umiltà u sempliċità biex tkun int li tkebbes f’qalbna dik l-imħabba li tant aħna neqsin minnha u li int biss tista’ tnissel fina, biex hekk il-lum ukoll l-anġli ikantaw “Glorja ’l Alla fl-għola tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu”. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading