Kitba ta’ Dun Pawl Sciberras
Il-profeta Malakija jgħidilna li l-Mulej “joqgħod bilqiegħda bħal ħaddiem id-dehem u l-fidda, u jnaddaf lil ulied Levi u jirraffinahom bħad-deheb u l-fidda” (Mal 3:3). Xbieha ta’ delikatezza straordinarja. Ir-raffinatur ma jgħaġġilx. Joqgħod bilqiegħda. Josserva. Fl-arti antika, ir-raffinatur kien jaf li x-xogħol kien ikun lest meta seta’ jara wiċċu stess rifless b’mod ċar fil-metall imdewweb. Dak il-ħin biss kien jintemm il-bżonn tan-nar. Dak il-ħin biss id-deheb kien ikun tassew dak li hu.
Fil-Milied, aħna mistiedna naraw din il-profezija titwettaq b’mod mhux mistenni u tassew tal-għaġeb… f’ħajjitna.
Għal sekli sħaħ, Alla rraffina lill-poplu tiegħu permezz tan-nar tal-patt, tal-liġi, tal-profezija, tal-eżilju u tat-tama. Qatt biex jeqred, dejjem biex jirrivela. In-nar ma kienx kastig fih innifsu, imma tħejjija: ix-xogħol bil-mod u bil-paċenzja tal-imħabba, li jfassal poplu kapaċi jġorr il-preżenza ta’ Alla. U madankollu, lanqas dan ma kien biżżejjed. Ix-xbieha ta’ Alla fil-bniedem, għalkemm qatt ma tħassret għal kollox, kienet ġiet imċajpra, mgħawġa, midruba mid-dnub u mill-biża’.
Għalhekk Alla għamel xi ħaġa li qatt ma kien għamel ebda raffinatur qabel.
Minflok ma baqa’ barra min-nar u jistenna li tidher ix-xbieha tiegħu, Alla daħal hu stess fil-metall. Fl-Inkarnazzjoni, l-Iben etern mhux biss fittex ir-rifless tiegħu fl-umanità: sar hu stess dak ir-rifless. “Il-Verb sar laħam u waqqaf it-tinda tiegħu fostna” (Ġw 1:14). F’Ġesù Kristu, ix-xbieha ta’ Alla m’għadhiex xi ħaġa li nistinkaw biex nerġgħu niksbuha; hija xi ħaġa li nikkontemplaw.
It-tarbija fil-maxtura hija wiċċ ir-Raffinatur magħmul viżibbli.
Fi Kristu, naraw x’inhi l-umanità meta x-xbieha ta’ Alla tiddi mingħajr ċpar u tgħawwiġ: ħajja umana trasparenti għall-imħabba divina, għall-ubbidjenza, għall-ħniena u għall-għotja sħiħa. Ġesù mhux biss Alla rrivelat lilna; hu wkoll l-umanità rrivelata lilha nfisha. Kif kiteb Girgor Nazjanzenu: “Quod non assumptum non sanatur” (Dak li ma jitteħidx għal kollox, ma jitfejjaqx). Billi ħa fuqu l-ġisem tagħna, Alla fejqu. Billi daħal fl-umanità tagħna, Alla jerġa’ jġeddidha minn ġewwa.
Għalhekk, il-Milied mhuwiex ħarba sentimentali min-nar: huwa ċ-ċertezza li n-nar għandu tifsira. L-istess Alla li joqgħod bilqiegħda bil-paċenzja bħala Raffinatur issa jersaq lejna bħala Għimmanu-el. Il-fjammi li jnaddfuna m’għadhomx sinjali ta’ abbandun, imma ta’ kura u attenzjoni. Ir-Raffinatur ma qalax għajnejh minn fuqna. La se jneħħina min-nar qabel iż-żmien, u lanqas se jħallina fih iżżejjed. L-iskop tiegħu hu ċar: li x-xbieha tiegħu terġa’ tiddi fina. U din hi t-tama tagħna.
Għax Alla ħa n-natura umana tagħna fih innifsu, ir-raffinament tagħna m’għadux taqtigħa li nagħmlu waħidna. Kull att ta’ mħabba, kull “ikun li trid int”, kull mument ta’ fiduċja fit-tbatija jqarribna lejn dak il-waqt meta Kristu “jissawwar fina” (Gal 4:19). Ix-xbieha ssir aktar ċara. Ir-rifless isir aktar ġenwin. Qegħdin ninbidlu, bil-mod u b’mod żgur, f’dak li diġà aħna fi Kristu.
Fil-Milied, ir-Raffinatur iħares lejn l-umanità… u jitbissem.
Għax fil-wiċċ tat-Tarbija Kristu Ġesù, Alla jara x-xbieha tiegħu stess riflessa b’mod perfett, u f’dak l-istess wiċċ, jara lilna restawrati, imġedda, u destinati għall-glorja.