Il-Familja Mqaddsa ta’ Ġesu’. Kitba ta’ Patri Juan De Bono ocd

Il-Festi li l-Knisja tistedinna ngħixu matul dik li tissejjaħ ‘sena liturġika’, tgħinna nagħtu ħarsna sħiħa madwarna, madwar min aħna, min fejn ġejjin u fejn sejrin, u dan nagħmluh billi nħarsu lejn Ġesu’ u dak li Hu għallimna.

Nhar il-25 ta’ Diċembru l-Knisja tħeġġiġna biex niftakru meta l-Iben ta’ Alla sar bniedem.

Ġimgħa wara (nhar tal-1 ta’ Jannar), il-Knisja tħeġġiġna nonoraw lil Marija bħala Omm Alla. L-1 ta’ Jannar hija Festa Marjana (tal-Madonna), imma hi aktar u aktar Festa li permezz tagħha niddikjaraw il-fidi tagħna li dik it-tarbija li tieldet ġewwa Betlehem lil Marija, hija veru bniedem u veru Alla, u għalhekk Marija hija Omm Alla, għax dik it-tarbija hija Alla, u mhux għax Marija kienet qabel Alla. Marija hija Omm Ġesu’, li huwa veru bniedem u veru Alla. Imma Marija tnisslet bħalna f’ġurnata partikolari tal-istorja fil-ġuf ta’ ommha Anna permezz ta’ missierha Ġwakkin u għalhekk l-eżistenza tagħha (bħal tagħna) kellha bidu fiż-żmien, għad li t-tarbija li twelldet filwaqt li kienet tassew bniedem, kienet u hi tassew Alla.

F’dan il-Ħadd li jiġi bejn iż-żewġ Festi msemmija, il-Knisja tħeġġiġna li nħarsu lejn il-Familja sħiħa ta’ Ġesu’.

Ġesu’, li huwa t-Tieni Persuna tat-Trinita’, jiġifieri li sa mill-eternita’ huwa Persuna Distinta mil-Missier u mill-Ispirtu s-Santu, imma li sa minn dejjem, u bla me kellhom bidu fiż-żmien, huwa parti mil-Familja Trinitarja, ġie mibgħut fid-dinja biex ifakkarna fl-imħabba tal-Missier u biex jistedinna nirritornaw għandu.

Il-Missier ried li Ġesu’ jkun ukoll parti minn familja umana. Għad li t-tnissil fil-ġuf ta’ Marija kien wieħed mirakoluż, imma xejn ma żamm lil Alla l-Missier li Ġesu’ jkollu hu wkoll missier putattiv, lil Ġużeppi.

B’hekk issa kull familja umana tista’ tħares lejn il-Familja ta’ Nażareth waqt li tkun miexja fuq din l-art, waqt li fl-istess ħin tkun qiegħdha tħares ‘il fuq lejn il-Familja Trinitarja li qiegħdha tistenniena biex ġurnata tħaddanna magħha.

Mil-Familja Trinitarja għal familja umana li fiha twelidna, għal familja umana li nibnu, f’mixja lejn id-destinazjoni finali u dejjiema tagħna: il-familja Trinitarja. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading