FESTA TAL-FAMILJA MQADDSA TA’ NAZARET
IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 28 ta’ Diċembru, 2025
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Illum qed niċċelebraw il-festa tal-Familja Mqaddsa u l-Liturġija ttina r-rakkont “tal-Ħarba lejn l-Eġittu” (cfr Mt 2,13-15.19-23).
Hu mument ta’ prova għal Ġesù, Marija u Ġużeppi. Fl-isfond imdawwal tal-Milied, infatti, naraw xena, kważi mhix mistennija, tad-dell ta’ theddida mortali inkwitanti, li għandha l-bidu fil-ħajja turmentata ta’ Erodi, bniedem krudil u sangwinarju, li l-krudeltà tiegħu kienet tat-twerwir, imma propju li minħabba f’hekk kien iżolat u ossessjonat mill-biża’ li jitlef il-ħakma. Meta l-Maġi jinfurmawh li twieled “is-Sultan tal-Lhud” (cfr Mt 2,2), iħoss is-setgħa tiegħu mhedda u jordna l-qtil tat-tfal kollha tal-età tampar Ġesù. Fis-saltna tiegħu Alla qed iwettaq l-akbar miraklu tal-istorja, li fih naraw it-twettiq tal-wegħdiet l-antiki kollha tas-salvazzjoni, imma li hu ma jirnexxilux jara għax mogħmi mill-biża’ li jitlef it-tron, l-għana li kellu, il-privileġġi. F’Betlehem hemm id-dawl, il-ferħ: xi ragħajja semgħu l-aħbar ċelesti u quddiem il-Presepju taw glorja ‘l Alla (cfr Lq 2,8-20), imma xejn minn dan ma jirnexxilu jinfed il-ħitan tad-difiża tal-palazz irjali, jekk mhux ħilef eku falz ta’ theddida li jeħtieġ li l-vjolenza għamja toħnoqha.
Hi propju din l-ebusija ta’ qalb li toħroġ għad-dawl il-valur tal-preżenza u l-missjoni tal-Familja Mqaddsa. F’dinja despotika u rgħiba personifikata fit-tirann, il-Familja Mqaddsa hi l-bejta u l-benniena tal-unika tweġiba għas-salvazzjoni: Alla, li bi gratwità totali jingħata għall-bnedmin bla riservi u bla ebda pretensjoni. U fil-ġest ta’ Ġużeppi, li ubbidjenti għal-leħen tal-Mulej, jeħles mill-għawġ lill-Għarusa u lit-Tarbija, tidher ċar u bis-sħiħ it-tifsira redentiva kollha. Infatti, fl-Eġittu, il-fjamma tal-imħabba domestika li lilha l-Mulej fada l-preżenza tiegħu fid-dinja, tikber u tikseb saħħa akbar biex tagħti d-dawl lid-dinja kollha.
Aħna u nħarsu lejn dal-misteru, bi stgħaġib u bi gratitudni, niftakru fil-familji tagħna u fid-dawl li minnhom ukoll jista’ jilħaq is-soċjetà li ngħixu fiha. Sfortunatament, id-dinja dejjem kellha “l-Erodijiet” tagħha, il-miti tas-suċċess jiswa’ x’jiswa, tal-poter bla skrupli, ta’ għana vojt u superfiċjali, li spiss il-konsegwenzi tagħhom issarrfu fis-solitudni, fid-disperazzjoni, il-firda u l-kunflitti. Ma nħallux dawn il-miraġġi joħonqu l-fjamma tal-imħabba fil-familji nsara. Għall-kuntrarju ejjew nindukraw fihom il-valuri tal-Evanġelju: it-talb, il-frekwentazzjoni tas-Sagramenti – speċjalment il-Qrar u t-Tqarbin – l-għożża sana, id-djalogu sinċier, il-fedeltà, il-konkretezza sempliċi u sabiħa tal-kliem u tal-ġesti tajba fil-ħajja ta’ kuljum. Dan iġib id-dawl tat-tama fl-ambjenti fejn ngħixu, skola ta’ mħabba u strument ta’ salvazzjoni f’idejn Alla (cfr Franġisku Omelija tal-Quddiesa fl-X Laqgħa Dinjija tal-Familji, 25 ta’ Ġunju, 2022).
Nitolbu lill-Missier tas-Sema, bl-interċessjoni ta’ Marija u ta’ San Ġużepp, ibierek il-familji tagħna u l-famlji kollha tad-dinja, biex filwaqt li huma jissaħħu permezz tal-mudell ta’ dik ta’ Ibnu magħmul bniedem, ikunu sinjal effikaċi tal-preżenza tiegħu u tal-karità bla tmiem għal kulħadd.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
insellem b’għożża lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn bosta pajjiżi. Insellem b’mod partikolari lill-adoloxxenti minn Clusone, Gerenzano u San Bartolomeo in Bosco, lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Adrara San Martino, liż-żgħażagħ u ministranti minn Brescia, lill-parteċipanti fil-pellegrinaġġ tal-preadoloxxenti mill-Unità Pastorali ta’ Sarezzo u l-iscouts minn Treviso.
Insellem ukoll lill-edukaturi tal-Azzjoni Kattolika minn Limena u lil dawk minn Morciano di Romagna, lill-animaturi tal-Oratorju San Piju X minn Portogruaro, lill-grupp ta’ volontarji minn Borgomanero, lill-fidili minn San Cataldo u Serradifalco u lill-membri tal-Pro Loco ta’ Sant’Egidio ta’ Monte Albino.
Fid-dawl tal-Milied tal-Mulej, inkomplu nitolbu għall-paċi. Illum b’mod partikolari, nitolbu għall-familji li qed isofru minħabba l-gwerra, għat-tfal, għall-anzjani, għall-persuni fraġli. Nafdaw ruħna lkoll flimkien fl-interċessjoni tal-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret!
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber