Il-pellegrinaġġ tassew huwa dak tal-Fidi: dak tal-Qalb
Meta nisimgħu l-kelma pellegrinaġġ, ħafna drabi moħħna jmur immedjatament għal vjaġġ fiżiku lejn xi santwarju jew post qaddis. Niftakru f’min jimxi kilometri twal lejn Compostela, lejn Lourdes jew lejn il-Belt Imqaddsa. Dawn il-vjaġġi għandhom valur kbir u sinifikat profond, iżda hemm pellegrinaġġ ieħor, aktar essenzjali u ta’ kuljum, li spiss ma nagħtuhx l-importanza li jistħoqqlu: il-pellegrinaġġ spiritwali.
Il-ħajja tal-fidi hija, fil-qalba tagħha, pellegrinaġġ kontinwu. Aħna lkoll pellegrini li mexjin lejn Alla, mhux biss b’saqajna, imma b’qalbna, b’moħħna u bl-għażliet li nagħmu. Dan il-vjaġġ mhux immarkat minn toroq jew mapep, iżda minn mumenti ta’ riflessjoni, ta’ konverżjoni, ta’ waqgħat u ta’ konverżjoni.
Il-pellegrinaġġ spiritwali jfisser li nagħrfu li m’aħniex wieqfa, imma dejjem fi triqitna. Ifisser li nħallu lil Alla jmexxina, anke meta t-triq tidher diffiċli jew mhux ċara. Huwa pellegrinaġġ li jitlob minna li nħallu warajna piżijiet bħal egoiżmu, biża’, mibegħda u nuqqas ta’ tama, u nieħdu magħna l-fidi, it-tama u l-imħabba.
B’differenza mill-pellegrinaġġ fiżiku, li jibda u jispiċċa f’ċertu żmien, il-pellegrinaġġ spiritwali ma jieqaf qatt. Kull ġurnata hija opportunità ġdida biex nagħmlu pass ieħor ’il quddiem: fil-mod kif nitkellmu, kif naħfru, kif naqdu lill-oħrajn u kif nafdaw lil Alla fil-ħajja tagħna.
Sfortunatament, ma nistgħux ninjoraw ukoll il-fatt li f’xi każi l-enfasi żejda fuq il-pellegrinaġġ fiżiku twassal biex il-fidi tiġi, b’xi mod, ikkommerzjalizzata. Hemm min jieħu vantaġġ ekonomiku minn xewqa ġenwina tan-nies li jersqu aktar lejn Alla, u l-pellegrinaġġ jispiċċa jitqies aktar bħala prodott jew esperjenza li trid tinxtara, aktar milli bħala mixja ta’ konverżjoni. Meta jiġri dan, hemm ir-riskju li l-attenzjoni tinbidel minn dak li hu essenzjali — il-laqgħa ma’ Alla — għal dak li hu sekondarju, bħall-organizzazzjoni, l-ispejjeż jew l-aspett estern tal-vjaġġ. Spiss, il-pellegrinaġġ jinbidel f’sempliċi ġita.
Il-pellegrinaġġi fiżiċi, meta jkunu pellegrinaġġi tassew, jistgħu jgħinuna nsaħħu dan il-vjaġġ interjuri, iżda ma jistgħux jieħdu postu. Jekk il-qalb tibqa’ magħluqa, lanqas l-itwal mixja lejn l-aktar post qaddis ma tibdilna tassew. Imma jekk il-qalb tkun miftuħa, anke l-ħajja ta’ kuljum issir pellegrinaġġ qaddis.
Meta l-qalb tkun miftuħa għal Alla, anke l-ġrajjiet ordinarji tal-ħajja ta’ kuljum isiru passi f’dan il-pellegrinaġġ qaddis. Żjara lil marid jew lil xi ħadd li jgħix waħdu ssir mixja ta’ ħniena; kelma ta’ faraġ lil min hu mtaqqal bil-piżijiet tal-ħajja ssir att ta’ tama; ħin mogħti biex nisimgħu lil min hu minsi jsir talb ħaj. Anke s-sagrifiċċji żgħar, bħall-paċenzja fil-familja, l-onestà fix-xogħol jew il-maħfra mogħtija meta tiġi mweġġa’, isiru passi konkreti lejn Alla. Hekk, mingħajr ma nbiddlu post, il-ħajja kollha tagħna tinbidel f’pellegrinaġġ li jqaddes il-preżenza tagħna fid-dinja.
Għalhekk, bħala pellegrini tal-fidi, aħna msejħin mhux biss biex nimxu lejn postijiet qaddisa, imma biex insiru aħna stess post fejn Alla jista’ jgħammar. Dan hu l-veru pellegrinaġġ: dak tal-qalb li tfittex lil Alla f’kollox u f’kulħadd.
Ara aktar dwar il-Ġublew Pellegrini tat-Tama … https://laikos.org/g2025/
