Jumejn biss għall-ewwel konċistorju tal-Papa Ljun XIV
8 ta’ Jannar 2026: Skont Colleen Dulle tar-Rivista tal-Ġiżwiti, “America”, is-7 ta’ Jannar 2026 kien, f’ċerti aspetti, il-bidu uffiċjali tal-pontifikat ta’ Ljun XIV. Minn mindu l-konklavi tat-8 ta’ Mejju tas-sena li għaddiet eleġġa lill-Papa Ljun XIV, l-aġenda tal-Papa l-ġdid kienet marbuta primarjament mal-attivitajiet tas-Sena Ġubilari stabbiliti mill-predeċessur tiegħu, il-Papa Franġisku. Imma bis-siġillar tal-Bieb Imqaddes fit-6 ta’ Jannar, li mmarka t-tmiem tal-Ġublew, infetħet fażi ġdida f’dan il-pontifikat li għadu fil-bidu tiegħu. Mis-7 ta’ Jannar ’il quddiem, Ljun se jkun jista’ jiddetermina aktar l-aġenda tad-djarju tiegħu, u kif tħabbar mill-Vatikan stess fl-20 ta’ Diċembru li għadda, huwa kien beħsiebu jdaħħal din il-fażi b’pass deċiżiv, billi jlaqqa’ l-kulleġġ kardinalizju kollu f’Ruma għal laqgħa ta’ jumejn.
Din il-laqgħa magħluqa bdiet l-Erbgħa, 7 ta’ Jannar stess u tintemm illum 8 ta’ Jannar. Fid-diskors tal-ftuħ, il-Papa Ljun ħabbar li d-dibattiti kienu se jsiru f’gruppi żgħar u jiffokaw fuq erba’ temi: il-missjoni ekkleżjali kif imfissra fid-dokument programmatiku ta’ Papa Franġisku Evangelii Gaudium; ir-riforma tal-Kurja Rumana; is-Sinodu; u l-liturgija. Madankollu, minħabba limitazzjonijiet ta’ ħin, talab lill-kardinali jagħżlu żewġ temi biss biex jiġu eżaminati “b’mod speċifiku.”
Skont il-Vatican News, “maġġoranza ċara” fost is-170 kardinal preżenti għażlet li tiddedika l-konsistorju għad-diskussjoni tas-“Sinodu u s-sinodalità” u tal-“Evangelizzazzjoni u l-missjoni fil-Knisja fid-dawl ta’ Evangelii gaudium.”
Ara aktar dwar Sinodu u Sinodalita: https://www.laikos.org/sinodu/
Ara wkoll l-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku: Evangelii Gaudium: https://www.laikos.org/EG.htm
Kitba minn Joe Farrugia