X’ma qalx u x’ma wettaqx il-konċilju, imma ħallih għalina biex inwettquh aħna?
Waqt l-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa, 7 ta’ Jannar 2026, il-Papa Ljun XIV beda sensiela ġdida ta’ katekeżijiet iddedikat lill-Konċilju Vatikan II u lill-qari mill-ġdid tad-dokumenti tiegħu[i].

Nistqarr minnufih li għalija, li niftakar sewwa ż-żmien tal-konċilju, din id-deċiżjoni tal-papa preżenti kienet tassew sorpriża sabiħa li qajjmet fija entużjażmu ġdid biex wara li għaddew aktar minn sittin sena, nerġa’ niskopri mill-ġdid mhux biss dik il-ġrajja u d-dokumenti li l-padri konċiljarji ħallewlna, imma fuq kollox in-nar u l-ispirtu ta’ ħeġġa li l-Knisja għaddiet minnu b’riżultat ta’ dak li seħħ.
Imma wara t-tieni u t-tielet katekeżi tal-Papa Ljun, dawk tal-14 u l-21 ta’ Jannar, intbaħt li dak li esperjenzajt jiena fil-jiem li għaddew, ma kienx biss riżultat ta’ nostalġija tal-jiem taż-żgħożija tiegħi, imma wkoll esperjenza li ħassew persuni oħra, ferm iżgħar minni u li tkellmu miegħi, fosthom ukoll saċerdot żagħżugħ. Huma wkoll esprimew miegħi x-xewqa li llum ukoll, il-Knisja terġa’ tgħix l-esperjenza ta’ dak iż-żmien. Nagħmilha ċara mill-ewwel, ma’ kienux qed jirreferu għal konċilju ieħor, forsi Vatikan III, għaliex kif qalli s-saċerdot, qabel konċilju ġdid, l-ewwel irridu niskopru dak ta’ qablu.
Il-konċilju u r-riforma fil-Knisja
Kelma komuni f’interventi dwar Vatikan II, hija “riforma”. Ma nemminx li kien hemm drabi meta Ġwanni XXIII, il-Papa li ta bidu għal din il-ġrajja storika fil-Knisja, uża din il-kelma fil-kuntest tal-konċilju. Dan forsi bir-raġun, għaliex storikament nafu li r-Riforma ġabet warajha Kontroriforma u b’riżultat ta’ dawn tfaċċaw firdiet fost l-insara li għadhom hemm sal-lum. Minflok, dak il-Papa t-twajjeb kien juża l-kelma, “aġġornamento”, deskritt minnu stess bħala l-ftuħ ta’ tieqa fuq il-Knisja biex minnha tidħol żiffa ta’ arja friska. Imma minkejja l-ħlewwa fi kliemu u l-ġentilezza fil-proposti tiegħu, kien hemm bosta li ħaduha kontra l-ħsieb tal-Papa Ġwanni, li jkun hemm konċilju. L-argument tagħhom kien dak li fi Knisja mmexxija minn papa infallibli, mhemmx bżonn ta’ konċilju. Huma kienu għal kollox kontra l-ideja protestanta ta’ Ecclesia semper reformanda est, Knisja li hija kontinwament fi stat ta’ tibdil u ta’ riforma.
Sa mill-25 ta’ Jannar 1959, meta fil-Bażilika San Paolo fuori le Mura, il-Papa Ġwanni kien ħabbar il-ħsieb tiegħu li jsejjaħ konċilju, huma kienu rreżistewh. Fosthom kien hemm ukoll bosta mill-kardinali tal-Kurja Rumana. L-effett ta’ dik ir-reżistenza għadu jinħass fil-Knisja, saħansitra tal-lum.
Minkejja kull tfixkil u kull reżistenza, bejn il-11 ta’ Ottubru 1962 u l-8 ta’ Diċembru 1965, madwar elfejn u ħames mitt isqof minn madwar id-dinja kollha, bis-sehem ukoll ta’ bosta teoloġi, iltaqgħu fil-Bażilika ta’ San Pietru f’erba’ sessjonijiet ta’ madwar tliet xhur kull waħda, u b’riżulat ta’ dawn il-laqgħat il-Knisja għandha sittax-il dokument[ii], li l-papa preżenti qed jerġa’ jħeġġiġna niskopru mill-ġdid.
Bla dubju ta’ xejn, il-Konċilju Vatikan II ma qalx kollox[iii] u ma wettaqx kollox. Sa mill-ewwel Għid il-Ħamsin, l-istorja kollha tal-Kristjaneżmu, hija ġrajja waħda u kontinwa ta’ tiġdid u għalhekk niżbaljaw jekk inqisu xi ġrajja storika, tkun liema tkun bħala fatt komplut fih innifsu. Jeħtieġ li nkomlu nibnu fuq dak li wettqu ta’ qabilna, filwaqt li aħna persważi kif ħajjitna hija tarġa oħra bejn il-wirt li ksibna minn għand l-antenati tagħna u l-leġat li lkoll ser inħallu lil ta’ warajna.
Il-Knisja ta’ żmien Vatikan II wkoll, bniet fuq dak li wirtet minn sekli tal-istorja, fosthom ukoll l-għoxrin konċilju ekumeniku li kienu tlaqqgħu qabel. Imma hija kienet taf ukoll li l-wirt li ħalliet, ma kienx ser jinqafel f’arkivju biex jibqa’ preservat fl-istat li ħallietu, imma ried jibqa’ jikber u jiżviluppa mill-ġenerazzjonijiet kollha ta’ wara.
Dan huwa l-obligu tagħna llum, li niskopru dak li rċevejna, li nibnu fuqu bl-istess spirtu ta’ ħeġġa li kien tqiegħed, u li b’imħabba u ġenerożità nħalluh lil ta’ warajna, ħaj u sabiħ kif irċevejnih minn għand dawk ta’ qabilna.
[i] Katekeżijiet mill-Papa Ljun XIV dwar id-dokument tal-Konċilju Vatikan II: https://laikosblog.org/category/papa-ljun-xiv/lxiv-udjenzi/lxiv_vat2/page/2/
[ii] Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II bil-Malti: https://www.laikos.org/Vat-II_Docs_Index.htm
[iii] Ara l-ktieb ta’ Dun Ġużepp Pace, “X’ma qalx il-Konċilju”: https://www.laikos.org/dgp_koncilju.htm