Mill-istorja tal-Knisja Nisranija
Kitba ta’ Joe Galea
Bħala storja tal-Knisja, tajjeb li nippruvaw nifhmu kif l-istat Ruman u l-Insara kienu jħarsu lejn xulxin. L-idea ta’ stat kienet differenti minn dak li nifhmu llum, u rwol ta’ l-Imperatur kien differenti mir-rwol ta’ mexxej kif jeżisti fl-istati tal-lum. Fl-istess waqt irridu nifhmu li l-Insara kienu qed jipprovdu problemi legali u kulturali lill-istat Ruman li bħalhom qatt ma kien ra, u kienu dawn il-problemi li wasslu għal persekuzzjonijiet tant ħarxa. Kif iż-żewġ naħat raw lil xulxin b’mod hekk differenti?

L-Imperatur bħala Divin
L-akbar tentazzjoni hi li nużaw il-mentalità tagħna u napplikawha għal dawn iż-żminijiet. L-idea tal-istat sovran, b’min imexxi bħala impjegat u bis-sovranità toqgħod hija riżultat tal-iżvilupp fis-soċjetà tal-Punent f’dawn l-aħħar 200 sena. L-istess l-idea ta’ suċċessjoni, fejn re jmut u ieħor jilħaq ma’ kenitx daqshekk ċara fost ir-Rumani. Fi ftit kliem l-ebda imperatur ma kellu l-leġittimità għax wiret it-tron, imperatur kien isir għax kien hemm minn lest li jgħinu jsir (eż. l-armata). Għalhekk l-idea li l-imperatur kien divin kienet tgħin xi ftit f’dik li hija stabbilità politika.
Suspetti u iżolament
Kif kienu jaraw lill-insara u l-pagani? U kif ħarsu lejn il-politika l-insara? X’aktarx li l-ewwel insara la kienu jqisu ruħhom bħala Lhud u lanqas bħala pagani, iżda kienu jaraw lilhom infushom bħala xi t-tielet poplu bejn dawn it-tnejn. Żgur li l-attitudni tagħhom sat-tielet seklu kienet waħda ta’ iżolament, bħal ċertu setet fi żmienna. Dan wassal biex is-soċjetà ta’ madwarhom tħares lejhom b’suspett. Barra min hekk il-fatt li twemminhom kien relattivament ġdid għal bosta wasal biex jitqies perikoluż. Dan għaliex ir-Rumani kienu jqisu leġittimu twemmin li l-għeruq tiegħu imur lura fl-istorja.
Anke xi kittieba ta’ żmienhom ikkumentaw b’mod negattiv. Skond Svetonju l-Insara kienu jipprattikaw tagħlim ġdid u ħażin. Min-naħa l-oħra Ċelsu kien iqishom bħala nies li riedu jiżolaw ruħhom mill-kumplament tas-soċjetà tant li “kieku kulħadd kien irid isir nisrani, l-insara ma kinux ikunu jriduhom.”
Anke l-Insara kienu xi drabi jgħinu f’din l-attitudni, il-Ktieb tal-Apokalissi jitkellem fuq għażla radikali bejn il-Qaddisin t’Alla u l-kumplament tal-umanità. Xi nsara, speċjalment membri ta’ setet estremisti u awsteri bħal Montanisti kienu ostili lejn dak kollu li kien fid-dinja ta’ madwarhom. Għalkemm kien hemm xi nsara bħal San Ġustinu li kienu aktar lesti li jiddjalogaw mad-dinja ta’ madwarhom.
L-Insara u L-Imperatur
L-attitudni tal-insara lejn l-Imperatur u l-Awtorità Imperjali tidher f’din il- Kwotazzjoni: “Għalhekk jiena nonura l-mexxej, mhux billi nitolbu lilu imma billi nitlobgħalih. Iżda jiena nemmen lil Alla l-veru, għaliex naf li l-mexxej ġie maħluq minnu. Iżda inti tgħidli: “Għaliex ma tadurax lill-Mexxej tiegħek?” Għaliex hu ma nħalaqx biex lilu tingħata l-adorazzjoni, iżda biex imexxi b’mod ġust.” (Teofilu ta’ Antijokja, Isqof u teologu fit-Turkija)
Fi ftit kliem in-nisrani huwa leali u ubbidjenti lejn l-awtorità ċivili, iżda qabel kollox huwa leali lejn Alla tiegħu. Kienet din l-attitudini tal-parti l-kbira ta’ l-insara, attitudni ta’ minoranza żgħira f’imperu kbir li kellha ddaħalha f’numru ta’ kunflitti ma’ l-awtorità ta’ żmienha.