Minn D. Edward Vella
Kull wieħed u waħda minna jixtieq li jkollu l-ħbieb. Ħbiberija sinċiera, għad li diffiċli ħafna wieħed isibha, hija waħda mill-isbaħ esperjenzi tal-ħajja. Ħafna drabi kulħadd jixtieq isib ħbiberija vera però il-bniedem tal-lum kulma jmur donnu dejjem aktar qiegħed isir diżappuntat mir-relazzjonijiet u ħbiberiji. Ġesù ukoll kellu l-ħbieb tiegħu; fosthom l-aktar imsemmija huma Marta, Marija u ħuhom Lażżru. Il-Vanġelu tal-lum jgħidilna, ‘Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lażżru.’ Madankollu, meta Ġesù sema li Lażżru kien marid, ‘baqa’ jumejn oħra fejn kien,…’, u qal lid-dixxipli tiegħu, “Din m’hijiex marda tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta’ Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta’ Alla”. Ġesù jaf li din il-mewt ta’ ħabibu kienet l-mument ta’ grazzja li permezz tiegħu Alla kien ser juri l-glorja tiegħu. Iżda fuq kollox hija l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù li tibdel definittivament l-istorja tal-bniedem.
Quddiem il-mewt ta’ ħuhom Lażżru, Marta u Marija, u anke Ġesù stess, bkew. Il-mewt hija esperjenza iebsa li tidher li ttemm ir-relazzjonijiet sbiħ li jkollna u anke iġġib fix-xejn il-ħajja. Iżda Ġesù jgħidilna, “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?” Wasalna qrib l-Għid, l-akbar festa għalina l-insara; quddiem Ġesù li jbati, imut u jqum mill-imwiet għalina, jeħtiġilna nagħmlu l-aktar għażla fundamentali tal-ħajja, għażla bejn il-ħajja u l-mewt. Nistaqsu lilna nfusna: jien il-ħajja tiegħi hija bħal sqaq li fit-tmiem tiegħu hemm l-abbiss tal-baħħ, jien ser nispiċċa fix-xejn, jew, għax nemmen f’Ġesù, u lil Ġesù, riesaq lejn il-milja tal-ħajja bla tmiem, fejn ma hemmx iżjed tbatija, dnub u mewt, fejn hemm biss l-imħabba perfetta u l-ħajja bla tmiem?
Il-qaddej ta’ Alla d. Mikiel Attard kien jgħidilna; ‘fil-ħajja trid tieħu riskju, jew tafda dak li jgħid xi ħadd, hu min hu, xi kittieb, filosofu, kantant, player tal-football eċċ…; jew tafda dak li jgħidlek moħħok, u ħafna hekk jagħmlu; jew tafda dak li jgħidlek Ġesù u din hi l-Fidi.’ Illum jeħtieġ li tagħżel/nagħżel; jien f’ħajti riesaq lejn il-mewt jew lejn il-ħajja? Din hija l-aktar deċiżjoni fundamentali fil-ħajja li qiegħda tpoġġi quddiemna llum il-Kelma t’Alla. Id-deċiżjoni li nagħmlu quddiem din l-akbar mistoqsija li għandu l-bniedem taffettwa b’liema spirta nersqu lejn l-Għid il-kbir li niċċelebraw ġimgħatejn oħra.
Mulej Ġesù, illum inti turina li inti Sid il-ħajja, int mhux biss bniedem li jibki quddiem il-mewt, iżda Alla li kapaċi ssejjeħ lill-bniedem mill-mewt għall-ħajja. Nitolbuk għinna ħalli nemmnu tabilħaqq Fik; għinna ħalli nagħrfu li Fik aħna, għad li rridu ngħaddu mill-esperjenza iebsa tal-mewt, iżda għalik u bik il-mewt hija biss għalina passaġġ għall-ħajja bla tmiem fi ħdan il-Missier. Ammen.