Michael Caruana
L-aħħar ħarġa tar-rivista Knisja 2000 tiskopri s-salmi b’diversi artikli li juru u jispjegaw is-sbuħija u l-importanza tagħhom fit-talb tal-Knisja. L-editorjal jawgura li “s-Salmi jressquna aktar lejn Alla li minnu ġej kull ġid”.

L-editorjal isemmi li fit-Testment il-Qadim insibu l-Ktieb tas-Salmi li jagħmel parti mill-ġabra ta’ kotba tal-Għerf. Dan il-ktieb jiġbor fih mal-150 Salm: innijiet poetiċi ta’ xeħta reliġjuża.
Dawn is-Salmi inkitbu f’diversi żminijiet u l-awtur/i li kitibhom juri minn xiex il-poplu kien għaddej: żmien ta’ ferħ jew niket, ta’ rebħ jew telf, talb ta’ tifħir u ringrazzjament lil Alla. Fis-Salmi, jissokta l-editorjal, għandna diversi modi kif il-Lhud u wara l-Insara setgħu jduru lejn Alla u jitolbuh matul il-jum.
Is-Salmi huma mqasmin f’ħames taqsimiet prinċipali. Dawn l-innijiet reliġjuzi ma nkitbux f’daqqa u huma x-xogħol ta’ diversi awturi matul l-istorja ta’ Iżrael bejn is-sena 1000 Q.K. (żmien is-sultan David) sas-sena 400 Q.K. (tmiem il-jasar tal-Babilonja). It-tradizzjoni Lhudija u Nisranija żżomm lis-sultan David bħala wieħed mill-awturi.
Kull wieħed mis-Salmi għandu forma poetika maħduma fuq ir-regoli tal-poeżija Lhudija u Semitika. Dawn huma mqasmin f’ħames taqsimiet ewlenin jiġifieri Salmi ta’ tifħir, ta’ talb, ta’ radd il-ħajr, ta’ tagħlim u ta’ eskatoloġija/profetiċi. Is-Salterju bħala ktieb ta’ talb u għana tal-poplu ta’ Alla, jiġbor fih t-twemmin u s-sentimenti reliġjużi ta’ dawk li aċċettaw li jimxu wara Alla tagħhom. It-tagħlim li fihom jikkonċentra ħafna fuq Alla, il-bniedem u l-Messija.
Il-ktieb tas-Salmi mill-ewwel beda jiġi wżat mill-Knisja u l-Insara tal-bidu. L-ewwel Insara li kienu Lhud kienu jafu sew is-Salmi billi kienu jieħdu sehem fil-liturġija tat-Tempju u fil-laqgħat fis-Sinagogi. Ġesù nnifsu kien jitlob bihom u anki fit-tagħlim tiegħu tkellem fuq l-importanza tas-Salmi. Għal ħabta tas-sena 200 W.K. is-Salmi kienu daħlu sew fit-talb u l-kant tal-liturġija Nisranija u wara fil-ħajja monastika li xterdet f’diversi postijiet. Fil-Medjuevu, l-Ordnijiet Mendikanti komplew iżommu s-Salmi bħala l-ktieb tat-talb f’dik li bdiet tissejjaħ il-Liturġija tas-Sigħat.
Għalhekk il-Knisja għamlet is-Salterju bħala l-ktieb tat-talb u l-kant tagħha. Is-Salmi bdew jiġu interpretati fid-dawl tal-misteru kollu ta’ Kristu: tal-persuna u l-ħidma tiegħu. Il-Knisja primitiva kienet tara u tħoss lill-Mulej Ġesù. Iktar ma beda jgħaddi ż-żmien, is-Salmi bdew jiġu studjati minn Missirijiet il-Knisja u l-għorrief il-kbar li ġew warajhom. Il-Konċilju Vatikan II (1963-65) ħeġġeġ biex l-Insara (saċerdoti, reliġjuzi u lajċi) jirreċitaw l-Uffiċċju Divin li hu magħmul mis-Salterju u l-qari tal-Kelma ta’ Alla biex b’hekk iqaddsu il-jum tagħhom, itemm l-editorjal.
Ir-rivista Knisja Elfejn – pubblikazzjoni tal-patrijiet Dumnikani – kull tliet xhur titratta temi ta’ duttrina Biblika, dommatika, morali u xjenzi umani.
Jikkontribwixxu dwar is-suġġett Dr Fr Sinclair Bugeja, Dr Dorianne Buttigieg, Fr Professur Jonathan Farrugia, Professur Anthony J. Frendo, Patri Raymond Gatt OP, Fr Professur Martin Micallef, Fr Dr Noel Muscat OFM, Fr Dr Justin Schembri OP u Fr Professur Paul Sciberras.