“Jiena lilek ħabbejtek“
EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA
DILEXI TE
TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
DWAR L-IMĦABBA LEJN IL-FOQRA
1. “Jiena lilek ħabbejtek” (Apok 3:9), jgħid il-Mulej lil komunità Nisranija li, b’differenza minn oħrajn, ma kellha ebda rilevanza jew riżorsa u kienet esposta għall-vjolenza u għall-istmerrija: “Għad li l-ħila tiegħek hija dgħajfa […] jiena se nġagħalhom jiġu jinxteħtu quddiemek f’riġlejk” (Apok 3:8-9). Dan it-test ifakkarna fil-kelmiet tal-Kantiku ta’ Marija: “Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn” (Lq 1:52-53).
2. Id-dikjarazzjoni ta’ mħabba tal-Apokalissi tfakkarna fil-misteru bla qies li l-Papa Franġisku niżel aktar fil-fond tiegħu fl-Enċiklika Dilexit nos dwar l-imħabba divina u umana tal-Qalb ta’ Kristu. Fiha ammirajna l-mod li bih Ġesù jidentifika ruħu “maż-żgħar nett fis-soċjetà” u kif, bl-imħabba tiegħu mogħtija sal-aħħar, juri d-dinjità ta’ kull bniedem, fuq kollox “aktar ma hu dgħajjef, fqir u batut”.[1] Meta nikkontemplaw l-imħabba ta’ Kristu, dan “jgħinna nagħtu iktar attenzjoni lit-tbatijiet u lill-ħtiġijiet tal-oħrajn, jagħmilna iktar b’saħħitna biex nistgħu nieħdu sehem fl-opra tiegħu ta’ ħelsien, bħala strumenti għat-tixrid ta’ mħabbtu”.[2]
3. Għal din ir-raġuni, f’kontinwità mal-Enċiklika Dilexit nos, il-Papa Franġisku kien qed iħejji, fl-aħħar xhur tal-ħajja tiegħu, Eżortazzjoni appostolika fuq l-għożża tal-Knisja għall-foqra u mal-foqra, intitolata Dilexi te, huwa u jistħajjel lil Kristu jdur fuq kull wieħed u waħda minnhom u jgħidlu: Ftit għandek saħħa, ftit setgħa, imma “jiena lilek ħabbejtek” (Apok 3:9). Billi jiena rċivejt bħal f’wirt dan il-proġett, bil-ferħ kollu qed nagħmlu tiegħi – u nżid xi riflessjonijiet – u nerġa’ nipproponih fil-bidu tal-pontifikat tiegħi, waqt li naqsam ix-xewqa tal-Predeċessur maħbub tiegħi li l-Insara kollha jistgħu jħossu r-rabta qawwija li hemm bejn l-imħabba ta’ Kristu u s-sejħa tiegħu biex nersqu qrib tal-foqra. Jiena wkoll fil-fatt inħoss li hija ħtieġa nisħqu fuq din il-mixja ta’ qdusija, għax “f’din is-sejħa biex nagħrfuh fil-foqra u f’dawk li qed ibatu, tidher il-qalb ta’ Kristu nnifsu, is-sentimenti tiegħu u l-għażliet l-aktar profondi tiegħu, li magħhom kull qaddis ifittex li jsir ħaġa waħda”.[3]
L-EWWEL KAPITLU
XI KELMIET INDIPENSABBLI
4. Id-dixxipli ta’ Ġesù kkritikaw lil dik il-mara li kienet sawbet fuq rasu żejt ifuħ jiswa ħafna: “Dan il-ħala kollu għalfejn?”, bdew jistaqsu. “Dan sata’ jġib prezz tajjeb u jingħata karità lill-foqra”. Imma Ġesù qalilhom: “Il-foqra ssibuhom dejjem magħkom, imma lili mhux se ssibuni dejjem magħkom” (Mt 26:8-9,11). Dik il-mara kienet fehmet li Ġesù kien il-Messija umli u sofferenti li fuqu riedet issawwab imħabbitha: x’faraġ kienet dik id-dilka fuq ir-ras li xi ftit taż-żmien wara kellha tiġi tturmentata mix-xewk! Tassew, kien ġest ċkejken, imma min qed ibati jaf kemm hu kbir imqar ġest ċkejken ta’ mħabba u kemm serħan jista’ jġib. Ġesù jifhmu u juri li għad jibqa’ għal dejjem: “Kull fejn jixxandar dan l-Evanġelju fid-dinja kollha, li għamlet din jingħad ukoll, b’tifkira tagħha” (Mt 26:13). Is-sempliċità ta’ dak il-ġest turi xi ħaġa kbira. L-ebda ġest ta’ mħabba, imqar l-iċken wieħed, ma jintesa, speċjalment jekk isir ma’ min jinsab fit-tbatija, fis-solitudni, fil-bżonn, kif kien il-Mulej f’dak il-ħin.
5. U hu proprju f’din il-perspettiva li l-imħabba għall-Mulej tingħaqad ma’ dik għall-foqra. Dak li jgħid Ġesù: “Il-foqra ssibuhom dejjem magħkom” (Mt 26:11) jesprimi l-istess tifsira meta lid-dixxipli jwegħidhom: “Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20). U fl-istess waqt ifakkarna f’dawk il-kelmiet tal-Mulej: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Hawn m’aħniex fuq ix-xefaq tal-benefiċenza, imma tar-Rivelazzjoni: il-kuntatt ma’ min la għandu setgħa u lanqas kobor huwa mod fundamentali ta’ kif niltaqgħu ma’ Sid l-istorja. Fil-foqra hu għad għandu xi ħaġa x’jgħidilna.
San Franġisk
6. Il-Papa Franġisku, meta fakkar l-għażla ta’ ismu, irrakkonta li, wara l-elezzjoni tiegħu, wieħed Kardinal ħabib tiegħu mar jgħannqu, biesu u qallu: “Tinsiex lill-foqra!”.[4] Hija l-istess rakkomandazzjoni li l-awtoritajiet tal-Knisja għamlu lil San Pawl meta hu tela’ Ġerusalemm biex jivverifika l-missjoni tiegħu (ara Gal 2:1-10). Wara xi snin, l-Appostlu seta’ jafferma: “Ħaġa li fittixt nagħmilha minn qalbi” (Gal 2:10). U din kienet ukoll l-għażla ta’ San Franġisk ta’ Assisi: fl-imġiddem, kien Kristu nnifsu li għannqu, u bidillu ħajtu. Il-figura kollha dawl tal-Fqajjar ta’ Assisi qatt ma tieqaf tispirana.
7. Kien hu, tmien sekli ilu, li qanqal qawmien ġdid evanġeliku fl-Insara u fis-soċjetà ta’ żmienu. Għall-ewwel għani u moħħ ir-riħ, iż-żagħżugħ Franġisku twieled mill-ġdid wara l-impatt li kellu mar-realtà ta’ min hu mwarrab għall-ġenb mill-ħajja tal-bnedmin. L-ispinta li hu ta ma tieqaf qatt iċċaqlaq l-erwieħ ta’ dawk li jemmnu u ta’ tant li ma jemmnux u “bidlet l-istorja”.[5] L-istess Konċilju Vatikan II, kif jafferma San Pawlu VI, mexa f’din it-triq: “L-istorja antika tas-Samaritan it-tajjeb kienet il-mudell tal-ispiritwalità tal-Konċilju”.[6] Jiena konvint li l-għażla prijoritarja favur il-foqra tnissel tiġdid straordinarju kemm fil-Knisja u kemm fis-soċjetà, meta nkunu kapaċi ninħelsu mill-awtoreferenzjalità u jirnexxilna nisimgħu l-karba tagħhom.
Il-karba tal-foqra
8. Dwar dan hemm test tal-Iskrittura Mqaddsa li minnu għandna dejjem nerġgħu nitilqu. Hija r-rivelazzjoni ta’ Alla lil Mosè mis-siġra tal-għollieq taqbad bla ma tinħaraq: “Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġigħ tagħhom. Issa nżilt biex neħlishom […] Ejja, mela, ħa nibagħtek” (Eż 3:7-8,10).[7] Alla juri li huwa attent għall-ħtiġijiet tal-foqra: “U wlied Iżrael għajtu lill-Mulej, u l-Mulej qajmilhom salvatur” (Mħ 3:15). Għalhekk, waqt li nisimgħu l-karba tal-fqir, aħna msejħin nitwaħħdu mal-qalb ta’ Alla, li huwa attent għall-ħtiġijiet ta’ wliedu u speċjalment ta’ dawk l-aktar fil-bżonn. Imma jekk nibqgħu indifferenti għal dik il-karba, il-fqir iktar jgħajjat quddiem il-Mulej kontra tagħna u jkollna d-dnub fuqna (ara Dewt 15:9) u nkunu nitbiegħdu mill-istess qalb ta’ Alla.
9. Il-qagħda tal-foqra tirrappreżenta karba li, fl-istorja tal-umanità, tisfida l-ħin kollu l-ħajja tagħna, is-soċjetajiet tagħna, is-sistemi politiċi u ekonomiċi u, fl-aħħar imma mhux l-inqas, anki lill-Knisja. Fuq il-wiċċ miġruħ tal-foqra nsibu stampata t-tbatija tal-innoċenti u, għalhekk, l-istess tbatija ta’ Kristu. Fl-istess waqt, forsi għandna nitkellmu b’mod iktar korrett dwar l-għadd kbir ta’ wċuħ tal-foqra u tal-faqar, għax dan hu fenomenu varjat; fil-fatt, jeżistu bosta xejriet ta’ faqar: dak ta’ min ma għandux mezzi biex isostni ruħu materjalment, il-faqar ta’ min hu emarġinat soċjalment u ma għandux l-istrumenti biex jagħti leħen lid-dinjità tiegħu u għall-ħiliet tiegħu, il-faqar morali u spiritwali, il-faqar kulturali, dak ta’ min jinsab f’qagħda ta’ dgħufija personali jew soċjali, il-faqar ta’ min ma għandux drittijiet, ma għandux spazju, ma għandux libertà.
10. F’dan is-sens, nistgħu ngħidu li l-impenn b’risq il-foqra u biex inxejnu l-kawżi soċjali u strutturali tal-faqar, imqar jekk sar importanti fl-aħħar għexieren ta’ snin, qatt ma hu biżżejjed; anki għaliex is-soċjetajiet li fihom ngħixu spiss jipprivileġġjaw kriterji ta’ orjentament tal-ħajja u tal-politika mmarkati minn għadd ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza u, għalhekk, flimkien ma’ faqar antik li sirna konxji tiegħu u li nippruvaw nitqabdu kontrih, qed jiżdied ieħor ġdid, xi drabi iktar sottili u perikoluż. Minn din il-perspettiva, ta’ min jirrikonoxxi l-fatt li l-Ġnus Magħquda qiegħdu t-temma tal-faqar bħala wieħed mill-għanijiet tal-Millennju.
11. Flimkien mal-impenn konkret b’risq il-foqra rridu nassoċjaw ukoll bidla ta’ mentalità li jista’ jkollha effett fuq livell kulturali. Fil-fatt, l-illużjoni ta’ kuntentizza li ġejja minn ħajja komda twassal lil ħafna persuni għal viżjoni tal-eżistenza li ddur ma’ kemm wieħed jiġma’ ġid u mas-suċċess soċjali jkun xi jkun il-prezz, li wieħed għandu jfittxu anki b’dannu tal-oħrajn u billi japprofitta minn ideali soċjali u sistemi politiċi-ekonomiċi inġusti, li jiffavorixxu lil min hu l-iktar b’saħħtu. Hekk, f’dinja fejn il-foqra huma dejjem iżjed fil-għadd, paradossalment qed naraw ukoll jikbru ċerti élite ta’ nies għonja, li jgħixu fil-bużżieqa ta’ kundizzjonijiet ta’ kumdità u lussu kbir, kważi f’dinja oħra meta mqabbla man-nies komuni. Dan ifisser li għadha tippersisti – xi drabi wara maskra tajba – kultura li tarmi lill-oħrajn mingħajr biss tintebaħ, u li tittollera b’indifferenza li miljuni ta’ persuni qed imutu bil-ġuħ jew qed iżommu ħajjin f’kundizzjonijiet xejn denji tal-essri uman. Xi snin ilu, ir-ritratt ta’ tfajjel rasu ’l isfel bla ħajja fuq xtajta tal-Mediterran ħoloq għagħa kbir; b’xorti ħażina, taqta’ barra xi emozzjoni tal-mument, fatti bħal dan qed isiru dejjem iżjed irrilevanti bħala aħbarijiet marġinali.
12. Dwar il-faqar ma għandniex inbaxxu l-mira. B’mod partikulari jħassbuna l-kundizzjonijiet gravi li fihom jgħixu ħafna persuni minħabba n-nuqqas ta’ ikel u ta’ ilma. Ta’ kuljum imutu eluf ta’ nies minħabba kawżi marbuta mal-malnutrizzjoni. Anki fil-pajjiżi għonja ċ-ċifri fejn jidħol l-għadd tal-foqra mhumiex b’inqas ta’ tħassib. Fl-Ewropa qed jiżdiedu dejjem aktar il-familji li ma jirnexxilhomx jaslu sa tmiem ix-xahar. B’mod ġenerali ninnotaw li żdiedu d-diversi manifestazzjonijiet tal-faqar. Dan ma għadux jidher biss bħala kundizzjoni waħda omoġenja, imma qed joħroġ f’diversi għamliet ta’ tfaqqir ekonomiku u soċjali, u jirrifletti l-fenomenu ta’ nuqqas dejjem akbar ta’ ugwaljanza anki f’kuntesti ġeneralment benestanti. Ejjew niftakru li “doppjament foqra huma n-nisa li qed ibatu minn sitwazzjoni ta’ esklużjoni, trattament ħażin jew vjolenza, għax spiss isibu ruħhom fi ftit li xejn possibbiltajiet biex jiddifendu l-jeddijiet tagħhom. Minkejja dan, fosthom xorta qegħdin kontinwament insibu l-aktar ġesti ammirevoli ta’ eroiżmu tal-ħajja ta’ kuljum fid-difiża u l-għożża taad-dgħufija tal-familji tagħhom”.[8] Imqar jekk f’xi pajjiżi qed jidhru xi bidliet, “l-organizzazzjoni tas-soċjetajiet fid-dinja kollha għadha mbiegħda milli tirrifletti b’mod ċar li n-nisa għandhom eżattament l-istess dinjità u drittijiet tal-irġiel. Bil-paroli jingħadu ċerti affarijiet, imma d-deċiżjonijiet u r-realtà jgħajtu messaġġ ieħor”,[9] fuq kollox jekk naħsbu fin-nisa l-aktar foqra.
Preġudizzji ideoloġiċi
13. Lil hemm mill-istatistiċi – li xi drabi jiġu “interpretati” b’mod li jikkonvinċuna li l-qagħda tal-foqra mhijiex daqshekk gravi –, ir-realtà ġenerali hi pjuttost ċara: “Hemm regoli ekonomiċi li rriżultaw effikaċi biex ikun hemm tkabbir, imma ma ġarax l-istess fil-każ tal-iżvilupp uman sħiħ. Kiber il-ġid, imma mingħajr ugwaljanza, u allura qed jiġri li ‘qed jitwieldu għamliet ġodda ta’ faqar’. Meta jingħad li d-dinja moderna xejnet il-faqar, il-kejl li jkun jintuża hu bi kriterji ta’ żminijiet oħra li ma tistax tqabbilhom mar-realtà tal-lum. Fil-fatt, fi żminijiet oħra, ngħidu aħna, li ma jkollokx aċċess għad-dawl elettriku ma kienx meqjus xi sinjal ta’ faqar u ma kienx raġuni ta’ xi skumdità kbira. Il-faqar tista’ tanalizzah u tifhmu dejjem fil-kuntest tal-possibbiltajiet reali ta’ mument storiku konkret”.[10] Madankollu, lil hemm mis-sitwazzjonijiet speċifiċi u kuntestwali, f’dokument tal-Komunità Ewropea, fl-1984, ġie affermat li “b’persuni foqra nifhmu: l-individwi partikulari, il-familji u l-gruppi ta’ persuni li r-riżorsi tagħhom (materjali, kulturali u soċjali) huma hekk skarsi li jeskluduhom mil-livell minimu tal-ħajja aċċettabbli fl-Istat membru li fih jgħixu”.[11] Imma jekk nirrikonoxxu li l-bnedmin kollha għandhom l-istess dinjità, indipendentement mill-post fejn twieldu, ma nistgħux nagħlqu għajnejna għad-differenzi kbar li jeżistu bejn il-pajjiżi u r-reġjuni.
14. Il-foqra ma jeżistux b’kumbinazzjoni jew minħabba xi destin għami jew qares. Wisq inqas il-faqar, għall-parti l-kbira tagħhom, ma hu xi għażla. Madankollu, għadek issib min jissogra jafferma dan, u hekk juri għama u kefrija. Ovvjament, fost il-foqra hemm ukoll min ma jridx jaħdem, forsi għax l-antenati tiegħu, li ħadmu ħajjithom kollha, mietu foqra. Imma hemm ħafna – irġiel u nisa – li xorta jaħdmu minn filgħodu sa filgħaxija, forsi jiġbru l-kartun jew jagħmlu xogħlijiet oħra tal-istess xorta, imqar jekk jafu li dan l-isforz se jservi biss biex kemm kemm jgħadduha u qatt biex itejbu tassew ħajjithom. Ma nistgħux ngħidu li l-parti l-kbira tal-foqra huma hekk għax ma kisbux “merti”, skont dik il-viżjoni falza tal-meritokrazija fejn donnu għandhom merti biss dawk li kellhom suċċess fil-ħajja.
15. Anki l-Insara, f’tant okkażjonijiet, jiddakkru minn atteġġjamenti mmarkati minn ideoloġiji mondani jew minn orjentamenti politiċi u ekonomiċi li jwasslu għal ġeneralizzazzjonijiet inġusti u għal konklużjonijiet qarrieqa. Il-fatt li t-tħaddim tal-karità jiġi mżeblaħ jew imwaqqa’ għaċ-ċajt, bħallikieku kien jittratta xi fissazzjoni ta’ xi wħud u mhux tal-qalba mdawla tal-missjoni ekkleżjali, iġagħalni naħseb li hemm bżonn dejjem naqraw mill-ġdid il-Vanġelu, biex ma nirriskjawx li floku tidħol il-mentalità mondana. Ma nistgħux ninsew lill-foqra, jekk ma rridux noħorġu ’l barra mill-kurrent ħaj tal-Knisja li jnixxi mill-Vanġelu u jagħmel il-frott f’kull mument tal-istorja.
IT-TIENI KAPITLU
ALLA JAGĦŻEL LILL-FOQRA
L-għażla tal-foqra
16. Alla huwa mħabba u l-pjan tiegħu ta’ mħabba, li jinfirex u jseħħ fl-istorja, hu qabelxejn il-fatt li hu jinżel u jiġi f’nofsna biex jeħlisna mill-jasar, mill-biża’, mid-dnub u mis-setgħa tal-mewt. B’ħarsa ta’ ħniena u qalb mimlija mħabba, hu dar fuq il-ħlejjaq tiegħu, ħa ħsieb tal-qagħda umana tagħhom u, għalhekk, tal-faqar tagħhom. Proprju biex jaqsam fil-limiti u d-dgħufijiet tan-natura umana tagħna, hu stess ftaqar, twieled fil-ġisem bħalna u għarafnieh fiċ-ċokon ta’ tarbija mqiegħda f’maxtura u fl-umiljazzjoni estrema tas-salib, hemm fejn hu qasam fil-faqar radikali tagħna, li huwa l-mewt. Allura nistgħu nifhmu sewwa għaliex nistgħu anki teoloġikament nitkellmu fuq għażla preferenzjali min-naħa ta’ Alla favur il-foqra, espressjoni li nibtet fil-kuntest tal-kontinent Latin-Amerikan u b’mod partikulari fl-Assemblea ta’ Puebla, imma li ġiet integrata tajjeb fil-maġisteru ta’ wara tal-Knisja.[12] Din il-“preferenza” qatt ma tindika esklussiviżmu jew diskriminazzjoni lejn il-gruppi l-oħra, li f’Alla huma impossibbli; hi trid tagħfas fuq l-aġir ta’ Alla li jitqanqal bil-ħniena lejn il-faqar u d-dgħufija tal-umanità sħiħa u li, fit-tnedija tiegħu ta’ Saltna ta’ ġustizzja, ta’ fraternità u ta’ solidarjetà, għandu partikularment għal qalbu lil dawk li huma ddiskriminati jew magħkusin, u jitlob minna wkoll, il-Knisja tiegħu, għażla determinata u radikali li nitqabdu b’risq dawk l-aktar dgħajfa.
17. F’din il-perspettiva wieħed jifhem l-għadd ta’ paġni tat-Testment il-Qadim li fihom Alla jiġi ppreżentat bħala ħabib u ħellies tal-foqra, dak li jagħti widen għall-karba tal-fqir u jindaħal biex jeħilsu (ara Salm 34:7). Alla, kenn ta’ min hu fqir, permezz tal-profeti – niftakru b’mod partikulari f’Għamos u Iżaija – jikkundanna l-inġustizzja li tagħmel ħsara lil dawk l-aktar dgħajfa u jsejjaħ lil Iżrael biex iġedded minn ġewwa anki l-kult, għax ma jistax jitlob u joffri s-sagrifiċċju waqt li jħalli jiġu maħqura dawk li huma l-aktar dgħajfa u foqra. Sa mill-bidu l-Iskrittura turi b’intensità hekk qawwija l-imħabba ta’ Alla għall-ħarsien tad-dgħajfa u dawk li huma neqsin mill-ġid, sal-punt li wieħed jista’ jitkellem fuq xorta ta’ “dgħufija” ta’ Alla lejhom. “Fil-qalb ta’ Alla hemm post preferenzjali għall-foqra […]. Il-mixja kollha tal-fidwa tagħna hi mmarkata mill-foqra”.[13]
Ġesù, Messija fqir
18. Il-ġrajja kollha tal-preferenza ta’ Alla għall-foqra fit-Testment il-Qadim u x-xewqa divina li l-karba tagħhom tinstema’ – li għadni kemm fakkart fil-qosor – issib f’Ġesù ta’ Nazaret il-milja sħiħa tagħha.[14] Fl-inkarnazzjoni tiegħu, hu “xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem” (Fil 2:7) u f’dik is-sura ġabilna s-salvazzjoni tagħna. Hu faqar radikali, imsejjes fuq il-missjoni tiegħu li jirrivela l-veru wiċċ tal-imħabba divina (ara Ġw 1:18; 1 Ġw 4:9). Għalhekk, b’waħda mill-isbaħ sinteżijiet tiegħu, San Pawl jasal biex jafferma: “Intom tafu l-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, li għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom, sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu” (2 Kor 8:9).
19. Fil-fatt, il-Vanġelu juri li dan il-faqar kien imiss kull aspett tal-ħajja tiegħu. Sa mid-dħul tiegħu fid-dinja, Ġesù għamel esperjenza tad-diffikultajiet li jmissu mar-rifjut. L-evanġelista Luqa, meta jirrakkonta l-wasla f’Betlehem ta’ Ġużeppi u Marija, li kienet issa waslet biex teħles, josserva b’diqa: “Ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (Lq 2:7). Ġesù twieled f’kundizzjonijiet umli; malli twieled ġie mqiegħed f’maxtura; u malajr, biex isalvawh minn ħalq il-mewt, il-ġenituri tiegħu ħarbu lejn l-Eġittu (ara Mt 2:13-15). Fil-bidu tal-ħajja pubblika tiegħu ġie mkeċċi minn Nazaret wara li fis-sinagoga kien ħabbar li fih se titwettaq is-sena tal-grazzja li biha jithennew il-foqra (ara Lq 4:14-30). Mank kien hemm post li laqgħu fil-mewt tiegħu: ħaduh barra minn Ġerusalemm għat-tislib (ara Mk 15:22). Huwa f’din il-qagħda li jista’ jinġabar b’mod ċar il-faqar ta’ Ġesù. Din hi l-istess esklużjoni li tikkaratterizza d-definizzjoni tal-foqra: dawn huma l-esklużi tas-soċjetà. Ġesù huwa r-rivelazzjoni ta’ dan il-privilegium pauperum. Hu jippreżenta ruħu quddiem id-dinja mhux biss bħala Messija fqir, imma anki bħala Messija tal-foqra u għall-foqra.
20. Jeżisti xi ħjiel dwar il-qagħda soċjali ta’ Ġesù. Qabelxejn, huwa jwettaq il-mestier ta’ bniedem tas-sengħa jew mastrudaxxa, téktōn (ara Mk 6:3). Hi kategorija ta’ persuni li jgħixu mix-xogħol ta’ jdejhom. Billi ma kellhomx art, kienu meqjusa inferjuri għall-bdiewa. Meta ċ-ċkejken Ġesù ġie ppreżentat fit-Tempju minn Ġużeppi u Marija, il-ġenituri tiegħu offrew par gamiem jew ħamiem (ara Lq 2:22-24), li skont il-preskrizzjonijiet tal-Ktieb tal-Levitiku (ara 12:8) kienet l-offerta tal-foqra. Episodju mill-Vanġelu pjuttost sinifikattiv hu dak li jirrakkontalna kif Ġesù, flimkien mad-dixxipli tiegħu, qatgħu xi żbul biex jieklu huma u għaddejjin minn qalb l-għelieqi (ara Mk 2:23-28), u dan – li taqta’ l-iżbul mill-għelieqi – kien permess biss lil min kien fqir. Imbagħad, Ġesù nnifsu jgħid dwaru nnifsu: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom, u l-għasafar tas-sema l-bejtiet; iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu” (Mt 8:20; Lq 9:58). Fil-fatt, huwa mgħallem li jimxi minn post għall-ieħor, li l-faqar u l-prekarjetà tiegħu huma sinjal tar-rabta mal-Missier u huma mitluba wkoll minn min irid jimxi warajh fit-triq tad-dixxipulat, proprju biex iċ-ċaħda tal-ġid, tal-għana u tas-sigurtajiet ta’ din id-dinja ssir sinjal li jidher tal-fiduċja f’Alla u fil-providenza tiegħu.
21. Fil-bidu tal-ministeru pubbliku tiegħu, Ġesù jippreżenta ruħu fis-sinagoga ta’ Nazaret u jaqra mir-romblu tal-profeta Iżaija waqt li japplika għalih innifsu l-kelma tal-profeta: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani. Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin” (Lq 4:18; ara Iż 61:1). Għalhekk, huwa jidher bħala dak li, fl-illum tal-istorja, jiġi jwettaq il-qrubija kollha mħabba ta’ Alla, li hi qabelxejn opra ta’ ħelsien għal min hu lsir tad-dnub, għad-dgħajfin u għall-foqra. Fil-fatt, is-sinjali li jsieħbu l-predikazzjoni ta’ Ġesù huma manifestazzjonijiet tal-imħabba u tal-mogħdrija li bihom Alla jħares lejn il-morda, il-foqra u l-midinbin li, minħabba l-qagħda tagħhom, kienu mwarrbin mhux biss mis-soċjetà imma anki mir-reliġjon; hu jiftaħ għajnejn l-għomja, ifejjaq lill-imġiddmin, iqajjem il-mejtin u lill-foqra jħabbrilhom il-bxara t-tajba: Alla ġie qrib, Alla jħobbkom (ara Lq 7:22). Dan ifisser għaliex huwa jħabbar: “Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla” (Lq 6:20). Fil-fatt, għall-foqra Alla juri preferenza: qabelxejn lilhom hi indirizzata l-kelma ta’ tama u ta’ ħelsien tal-Mulej u, għalhekk, imqar fil-qagħda tal-faqar jew id-dgħufija, ħadd ma għandu jħossu aktar abbandunat. U l-Knisja, jekk trid tkun ta’ Kristu, għandha tkun Knisja tal-Beatitudnijiet, Knisja li tagħmel wisa’ għaċ-ċkejknin u timxi fqira mal-foqra, post fejn il-foqra għandhom post ipprivileġġjat (ara Ġak 2:2-4).
22. Foqra u morda, li ma għandhomx biex jiksbu l-meħtieġ għall-ħajja, spiss kienu jsibu ruħhom f’qagħda li jkollhom jittallbu. Ma’ dan kien jiżdied il-piż tal-mistħija soċjali, imtaqqal aktar mill-konvinzjoni li l-mard u l-faqar kellhom rabta ma’ xi dnub personali. Ġesù ħadha qatta’ bla ħabel kontra dan il-mod ta’ ħsieb, u afferma li Alla “jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex” (Mt 4:45). Anzi, hu qaleb għalkollox ta’ taħt fuq dak il-kunċett, kif insibu b’eżempju tajjeb fil-parabbola tal-għani u l-fqajjar Lazzru: “Ibni, ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati” (Lq 16:25).
23. Allura hu ċar li “mill-fidi tagħna fi Kristu li sar fqir, u kien dejjem qrib tal-foqra u l-imwarrbin, tiġi l-għożża tagħna għall-iżvilupp sħiħ ta’ dawk l-aktar imwarrbin mis-soċjetà”.[15] Tant drabi nistaqsi lili nnifsi għaliex, imqar jekk għandna tant ċarezza fl-Iskrittura Mqaddsa dwar il-foqra, ħafna jkomplu jaħsbu li jistgħu jeskludu lill-foqra mill-attenzjoni tagħhom. Għalissa ħa nibqgħu fil-qasam bibliku u nippruvaw nirriflettu fuq ir-relazzjoni tagħna ma’ dawk li jinsabu fl-aħħar skaluna tas-soċjetà u fuq il-post fundamentali tagħhom fil-poplu ta’ Alla.
Il-ħniena mal-foqra fil-Bibbja
24. L-Appostlu Ġwanni jikteb: “Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?” (1 Ġw 4:20). Bl-istess mod, fit-tweġiba tiegħu lill-għaref tal-liġi, Ġesù jerġa’ jaqbad iż-żewġ kmandamenti antiki: “Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha” (Dewt 6:5) u “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Lev 19:18), u jiġborhom fi kmandament wieħed. L-evanġelista Marku jagħtina t-tweġiba ta’ Ġesù b’dawn il-kelmiet: “Isma’, Iżrael; il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn” (Mk 12:29-31).
25. Is-silta kkwotata mil-Levitiku ssejħilna biex inweġġħu lin-nies tal-istess pajjiż tagħna, waqt li f’testi oħra hemm tagħlim li jistieden għar-rispett – jekk mhux ukoll għall-imħabba – anki tal-għadu: “Jekk int issib il-gendus jew il-ħmar mitluf ta’ min jobogħdok, roddhulu lura. Jekk tara l-ħmar ta’ min jobogħdok mixħut fl-art taħt it-tagħbija, tibqax għaddej bla ma tgħinu; imma għinu biex iqajmu” (Eż 23:4-5). Minn hawn joħroġ il-valur intrinsiku tar-rispett lejn il-persuna: kull min isib ruħu f’diffikultà, imqar jekk ikun l-għadu, jixraqlu dejjem l-għajnuna tagħna.
26. Ma nistgħux niċħdu l-fatt li l-primat ta’ Alla fit-tagħlim ta’ Ġesù hu msieħeb mill-punt l-ieħor qawwi li ma nistgħux inħobbu lil Alla mingħajr ma nwessgħu mħabbitna għall-foqra. L-imħabba lejn il-proxxmu tirrappreżenta l-prova tanġibbli tal-awtentiċità tal-imħabba lejn Alla, kif jgħid l-Appostlu Ġwanni: “Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma jekk inħobbu ’l xulxin hu jgħammar fina, u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina. […] Alla hu mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla fih” (1 Ġw 4:12,16). Huma żewġ imħabbiet distinti, imma ma jistgħux jinfirdu minn xulxin. Anki fil-każi fejn ir-relazzjoni ma’ Alla ma hix espliċita, il-Mulej innifsu jgħallimna li kull għemil ta’ mħabba lejn il-proxxmu hu b’xi mod mera tal-imħabba divina: “Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).
27. Għal din ir-raġuni huma rrakkomandati l-opri tal-ħniena, bħala sinjal tal-awtentiċità tal-kult li, filwaqt li jagħti ġieħ lil Alla, għandu wkoll id-dmir li jiftħilna qalbna għall-bidla li l-Ispirtu jista’ jwettaq fina, biex insiru lkoll xbieha ta’ Kristu u tal-ħniena tiegħu ma’ dawk l-aktar dgħajfa. F’dan is-sens, ir-relazzjoni mal-Mulej, li tesprimi ruħha fil-kult, trid teħlisna wkoll mir-riskju li ngħixu r-relazzjonijiet tagħna fil-loġika tal-kalkolu u tal-profitt, biex ninfetħu għall-gratwità li tiċċirkola bejn dawk li jinħabbu u li, għalhekk, iżommu kollox komuni bejniethom. Dwar hekk, Ġesù jagħtina dan il-parir: “Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir” (Lq 14:12-14).
28. Is-sejħa tal-Mulej għall-ħniena mal-foqra sabet espressjoni sħiħa fil-parabbola kbira tal-Ġudizzju finali (ara Mt 25:31-46), li hija wkoll illustrazzjoni ħajja tal-beatitudni ta’ dawk li jħennu. Hemmhekk il-Mulej offrielna l-muftieħ biex nilħqu l-milja tagħna, għax “jekk qed infittxu dik il-qdusija li hi mogħġuba f’għajnejn Alla, f’dan it-test se nsibu sewwasew regola ta’ mġiba li fuqha għad isir ħaqq minna”.[16] Il-kliem qawwi u ċar tal-Vanġelu għandna ngħixuh “mingħajr kummenti, mingħajr artikulazzjoni ta’ ħsibijiet u skużi li jisirqulhom il-qawwa tagħhom. Il-Mulej ħallielna ċar ħafna li l-qdusija ma nistgħux nifhmuha u lanqas ngħixuha jekk nitbiegħdu minn dawn l-esiġenzi tagħha”.[17]
29. Fl-ewwel komunità Nisranija l-programm ta’ karità ma kienx ikun il-frott ta’ analiżijiet jew proġetti, imma kien ġej direttament mill-eżempju ta’ Ġesù, mill-istess kelmiet tal-Vanġelu. L-Ittra ta’ Ġakbu tiddedika ħafna spazju lill-problema tar-relazzjoni bejn għonja u foqra, u lil dawk li jemmnu tagħmlilhom żewġ appelli qawwija ħafna li jisfidaw il-fidi tagħhom: “X’jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu? Jaqaw tista’ ssalvah din il-fidi? Jekk ħuk jew oħtok ma jkollhomx x’jilbsu u jonqoshom l-ikel ta’ kuljum, u wieħed minnkom jgħidilhom: ‘Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa tixbgħu’, bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem, dan x’jiswa? Hekk ukoll il-fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-għemil, tkun mejta fiha nfisha” (Ġak 2:14-17).
30. “Id-deheb u l-fidda tagħkom rabbew is-sadid, u s-sadid tagħkom għad jixhed kontra tagħkom u jiklilkom ġisimkom bħan-nar. Ħżintu l-ġid fl-aħħar jiem! Ara, il-ħlas tal-ħaddiema li ħasdu l-għelieqi tagħkom – ħlas li intom żammejtuhulhom bil-qerq – qiegħed jgħajjat kontra tagħkom, u l-biki ta’ dawk li ħasdu wasal f’widnejn il-Mulej tal-eżerċti. Fuq l-art għextu fix-xalar u l-lussu; qgħadtu tissemmnu għall-jum tal-qatla” (Ġak 5:3-5). X’qawwa fihom dawn il-kelmiet, imqar jekk aħna nippreferu nagħmluha ta’ torox! Fl-Ewwel Ittra ta’ Ġwanni nsibu appell jixxiebah: “Jekk wieħed għandu biex jgħix fid-dinja u jara ’l ħuh fil-bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tista’ l-imħabba ta’ Alla tgħammar fih?” (1 Ġw 3:17).
31. Dak tal-Kelma rivelata hu “messaġġ tassew ċar, hekk dirett, hekk sempliċi u elokwenti, li l-ebda ermenewtika ekkleżjali m’għandha d-dritt tirrelativizza. Ir-riflessjoni tal-Knisja fuq dawn it-testi m’għandhiex iddallam jew iddgħajjef is-sens eżortattiv tagħhom, imma pjuttost tgħinna biex bil-kuraġġ u ż-żelu kollha nagħmluhom tagħna. Għaliex nikkumplikaw dak li hu hekk sempliċi? L-għodda konċettwali qiegħda hemm biex tiffavorixxi l-kuntatt mar-realtà li trid tispjega aħjar u mhux biex tbegħidna minnha”.[18]
32. Min-naħa l-oħra, eżempju ċar ekkleżjali ta’ qsim ta’ ġid u ta’ attenzjoni għall-foqra nsibuh fil-ħajja ta’ kuljum u fl-istil tal-ewwel komunità Nisranija. Nistgħu niftakru b’mod partikulari fil-mod kif issolviet il-kwistjoni tat-tqassim ta’ kuljum ta’ għajnuna lin-nisa romol (ara Atti 6:1-6). Ma kinitx problema faċli, anki għax xi wħud minn dawn ir-romol, li kienu ġejjin minn pajjiżi oħra, xi kultant kienu jiġu ttraskurati għax kienu barranin. Fil-fatt, l-episodju rrakkuntat mill-Atti tal-Appostli jixħet dawl fuq ċertu nuqqas ta’ kuntentizza min-naħa tal-Ellenisti, il-Lhud ta’ kultura Griega. L-Appostli jwieġbu mhux b’xi diskors astratt, imma billi jerġgħu jqiegħdu fiċ-ċentru l-karità ma’ kulħadd, u jerġgħu jorganizzaw l-assistenza lir-romol billi jitolbu lill-komunità tfittex persuni għorrief u stmati li lilhom tista’ tafda l-organizzazzjoni tal-imwejjed tal-foqra, waqt li huma jkunu jistgħu jieħdu ħsieb tal-predikazzjoni tal-Kelma.
33. Meta Pawlu mar Ġerusalemm biex jikkonsulta mal-Appostli “biex ma nkunx ġrejt jew qiegħed niġri għalxejn” (Gal 2:2), talbuh biex ma jinsiex lill-foqra (ara Gal 2:10). Għalhekk hu organizza bosta ġabriet biex jgħin lill-komunitajiet foqra. Fost il-motivazzjonijiet li joffri għal dan il-ġest hu jisħaq fuq din: “Għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ” (2 Kor 9:7). Lil dawk fostna li ftit li xejn huma inklinati lejn ġesti b’xejn, mingħajr ebda interess, il-Kelma ta’ Alla tindikalna li l-ġenerożità mal-foqra hi ġid veru għal min jagħmlu: fil-fatt, meta nġibu ruħna hekk, niġu maħbuba minn Alla b’mod speċjali. Fil-fatt, il-wegħdiet bibliċi magħmula lil min jagħti mill-qalb huma bosta: “Min iħenn għall-fqir ikun qed jislef lill-Mulej, u hu jroddhulu bi ħlas tajjeb” (Prov 19:17). “Agħtu, u jingħatalkom: […] għax bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom” (Lq 6:38). “Imbagħad ifiġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek, u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek” (Iż 58:8). L-ewwel Insara kienu konvinti minn dan.
34. Il-ħajja tal-ewwel komunitajiet ekkleżjali, irrakkontata fil-kanoni bibliku u li waslet għandna bħala Kelma rivelata, hi offruta lilna bħala eżempju li għandna nixbhu u bħala xhieda tal-fidi li taħdem permezz tal-karità, u tibqa’ bħala twissija permanenti għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Matul is-sekli, dawn il-paġni ħeġġu l-qalb tal-Insara biex iħobbu u biex inisslu opri ta’ karità, bħala żerriegħa għammiela li ma tehdiex tagħmel il-frott.
IT-TIELET KAPITLU
KNISJA GĦALL-FOQRA
35. Tlitt ijiem wara l-elezzjoni tiegħu, il-Predeċessur tiegħi esprima mar-rappreżentanti tal-midja x-xewqa tiegħu li l-għożża u l-attenzjoni għall-foqra jkunu preżenti b’mod iżjed ċar fil-Knisja: “O kemm nixtieq Knisja fqira u għall-foqra!”.[19]
36. Din ix-xewqa tirrifletti l-għarfien li l-Knisja “tagħraf fil-fqar u f’dawk li jsofru x-xbieha tal-Fundatur taghha, fqir u mġarrab, u taħdem biex tnaqqas il-ħtiġijiet tal-fqar u fihom tfittex li taqdi lil Kristu”.[20] Fil-fatt, ladarba hi msejħa biex issir ħaġa waħda ma’ dawk li jinsabu fl-aħħar post, fi ħdanha “m’għandux jifdal dubju u lanqas ikun hemm spjegazzjonijiet li jdagħjfu dan il-messaġġ hekk ċar. […] Jeħtieġ li naffermaw mingħajr tidwir ta’ kliem li hemm rabta inseparabbli bejn il-fidi tagħna u l-foqra”.[21] Dwar dan għandna xhieda kotrana matul l-istorja kważi bimillenarja tad-dixxipli ta’ Ġesù.[22]
Il-veru għana tal-Knisja
37. San Pawl jgħid li fost il-fidili tal-komunità Nisranija li kienet għadha titwieled ma kienx hemm “ħafna għorrief skont il-qies tad-dinja, mhumiex ħafna s-setgħana, mhumiex ħafna n-nobbli” (1 Kor 1:26). Madankollu, minkejja l-faqar tagħhom, l-ewwel Insara żgur kienu konxji mill-ħtieġa li jieħdu ħsieb ta’ dawk li kienu suġġetti għal ċaħdiet ikbar. Diġà sa miż-żerniq tal-Kristjaneżmu l-Appostli qiegħdu jdejhom fuq sebat irġiel magħżula mill-komunità u, f’ċertu grad, integrawhom fil-ministeru tagħhom, u istitwewhom għas-servizz – diakonía bil-Grieg – tal-iktar foqra (ara Atti 6:1-5). Hu sinifikattiv li l-ewwel dixxiplu li ta xhieda tal-fidi tiegħu fi Kristu sa biċ-ċarċir ta’ demmu stess kien Stiefnu, li kien jagħmel parti minn dan il-grupp. Fih jingħaqdu flimkien ix-xhieda tal-ħajja fl-għożża tal-foqra u l-martirju.
38. Ftit aktar minn żewġ sekli wara, djaknu ieħor wera r-rabta tiegħu ma’ Ġesù Kristu b’mod jixxiebah, billi għaqqad ħajtu mal-qadi lill-foqra u l-martirju: San Lawrenz.[23] Minn dak li jgħidilna Sant’Ambroġ nifhmu li Lawrenz, djaknu f’Ruma matul il-pontifikat tal-Papa Sistu II, imġiegħel mill-awtoritajiet Rumani biex jgħaddi t-teżori tal-Knisja, “l-għada ħadilhom il-foqra. Mistoqsi fejn kienu t-teżori mwiegħda, uriehom il-foqra waqt li qalilhom: ‘Dawn huma t-teżori tal-Knisja’”.[24] Huwa u jirrakkonta dan l-episodju, Ambroġ jistaqsi: “X’teżori aktar prezzjużi għandu Ġesù minn dawk li fihom iħobb juri ruħu?”.[25] U filwaqt li jfakkarna li l-ministri tal-Knisja ma għandhom qatt jittraskuraw l-attenzjoni għall-foqra u wisq inqas jiġimgħu ġid għalihom infushom, jgħid: “Hemm bżonn li din il-ħidma ssir b’fidi sinċiera u viżjoni għarfa. Ċertament, jekk wieħed ifittex vantaġġ personali minnha, ikun jagħmel delitt; imma jekk iqassam mid-dħul lill-foqra, ikun jifdi priġunier, iwettaq opra ta’ ħniena”.[26]
Missirijiet il-Knisja u l-foqra
39. Sa mill-ewwel sekli, Missirijiet il-Knisja kienu jagħrfu fil-foqra triq ipprivileġġjata ta’ aċċess għal Alla, mod speċjali kif jiltaqgħu miegħu. Il-karità ma’ dawk l-aktar fil-bżonn ma kinitix mifhuma bħala sempliċi virtù morali, imma bħala espressjoni konkreta tal-fidi fil-Verb inkarnat. Il-komunità tal-fidili, imwieżna mill-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, kellha l-għeruq tagħha fil-qrubija lejn il-foqra, li ma kinitix tqisha bħala appendiċi, imma bħala parti essenzjali mill-Ġisem ħaj tagħha. Sant’Injazju ta’ Antjokja, ngħidu aħna, huwa u sejjer għall-martirju, ħeġġeġ lill-fidili tal-komunità ta’ Żmirna biex ma jittraskurawx id-dmir tal-karità lejn dawk l-aktar fil-bżonn, u wissiehom biex ma jġibux ruħhom bħal dawk li jeħduha kontra Alla: “Lil dawk li għandhom fehma oħra fuq il-grazzja ta’ Ġesù Kristu li ġie għandna, qisuhom li qed jeħduha kontra l-pjan ta’ Alla. Ma jagħtux kas tal-karità, lanqas tal-armla, jew tal-iltim, jew tal-magħkus, u lanqas ta’ min hu priġunier jew ħieles, u lanqas ta’ min hu bil-ġuħ u bil-għatx”.[27] L-Isqof ta’ Żmirna, Polikarpu, kien jirrakkomanda b’mod ċar lill-ministri tal-Knisja biex jieħdu ħsieb tal-foqra: “Il-presbiteri għandhom juru tjieba u ħniena ma’ kulħadd, iseħju lura lil dawk li tilfu t-triq u jżuru lill-morda kollha mingħajr ma jittraskuraw l-armla, l-iltim u l-fqir, imma attenti biex jagħmlu l-ġid quddiem Alla u quddiem il-bnedmin”.[28] Minn dawn iż-żewġ xhieda naraw li l-Knisja tidher bħala omm tal-foqra, post ta’ akkoljenza u ta’ ġustizzja.
40. San Ġustinu, min-naħa tiegħu, fl-ewwel Apoloġija tiegħu, indirizzata lill-imperatur Adrijanu, lis-Senat u lill-poplu Ruman, fisser li l-Insara kienu jieħdu dak kollu li jistgħu lil min kien ikun fil-ħtieġa, għax kienu jilmħu fihom aħwa fi Kristu. Meta jikteb fuq il-ġemgħa miġbura fit-talb fl-ewwel jum tal-ġimgħa, jisħaq li, fil-qalba tal-liturġija Nisranija, ma tistax tifred il-qima lil Alla mill-attenzjoni għall-foqra. Għalhekk, f’ċertu punt taċ-ċelebrazzjoni, “dawk li jistgħu u dawk li jridu, jagħtu minn jeddhom dak li jixtiequ; u l-ġabra tingħata lill-kap, li minnha jgħin lill-iltiema, lir-romol, lil min hu fil-bżonn minħabba mard jew ħaġa oħra, lill-ħabsin u lill-barranin li jinqalgħu; f’kelma waħda, hu jgħin lil kull min isib ruħu fil-bżonn”.[29] Dan juri li l-Knisja li kienet għadha titwieled ma kinitx tifred it-twemmin mill-azzjoni soċjali: il-fidi li ma kinitx imsieħba mix-xhieda tal-opri, kif jgħallem San Ġakbu, kienet meqjusa mejta (ara Ġak 2:17).
San Ġwann Kriżostmu
41. Fost il-Missirijiet tal-Lvant, l-aktar predikatur imħeġġeġ tal-ġustizzja soċjali aktarx kien San Ġwanni Kriżostmu, Arċisqof ta’ Kostantinopli bejn is-sekli 4 u 5. Fl-omeliji tiegħu, hu kien iħeġġeġ lill-fidili biex jagħrfu lil Kristu f’dawk fil-bżonn: “Trid tagħti ġieħ lill-Ġisem ta’ Kristu? Tistmellx l-għera tiegħu: tlibbsux hawn fil-knisja b’ħaririjiet u dehbijiet, u mbagħad tħallih ibati l-għera u l-ksieħ barra mill-knisja. [Il-ġisem ta’ Kristu li jinsab fuq l-altar] m’għandux bżonn ilbies, imma biss qlub safja; barra mill-knisja jeħtieġ ħafna ’l min jieħu ħsiebu. Nitgħallem mela nirraġuna u ’l Kristu nagħtih il-ġieħ kif iridu hu, għax lil min tagħti ġieħ iqis tassew għal qalbu l-ġieħ li jrid hu u mhux dak li jidhirlek int. […] Int ukoll, mela, agħti lill-Mulej dak il-ġieħ li jordnalek skond il-liġi, jiġifieri li tqassam ġidek lill-foqra. Alla ma jeħtieġx tagħmir tad-deheb imma qlub tad-deheb”.[30] Waqt li jafferma ċar daqs il-kristall li, jekk il-fidili ma jiltaqgħux ma’ Kristu fil-foqra li jinsabu wara biebhom, ma jistgħux jagħtuh qima lanqas fuq l-Altar, jissokta: “X’jiswa li l-mejda tal-Mulej tkun mgħobbija b’ħafna kalċijiet tad-deheb, meta Kristu mbagħad qed imut bil-ġuħ fil-fqar tiegħu? L-ewwel itma’ ’l min hu bil-ġuħ, u mbagħad b’dak li jibqagħlek żejjed, żejjen il-mejda tal-Mulej”.[31] Allura, hu kien qed jifhem l-Ewkaristija anki bħala espressjoni sagramentali tal-karità u tal-ġustizzja li kienu jiġu qabilha, jimxu magħha u kellhom ikompluha, fl-imħabba u fl-attenzjoni għall-foqra.
42. B’konsegwenza ta’ dan, il-karità mhix triq li int tista’ tagħżel jew le, imma l-kriterju tal-kult veru. Il-Kriżostmu kien jikkundanna b’qawwa l-lussu żejjed, li kont issibu id f’id mal-indifferenza lejn il-foqra. L-attenzjoni li jixirqilhom, iktar milli sempliċi esiġenza soċjali, hija kundizzjoni għas-salvazzjoni, u dan jattribwixxi lill-għana miksub b’mod inġust bħala piż ta’ kundanna: “Hemm kesħa kbira u l-fqir li mhux liebes sewwa jinsab mixħut fuq fl-art, nofsu mejjet bir-reżħa, iċekċek snienu, u biżżejjed tħares lejh biex tħoss qalbek titqanqal. U int, imsaħħan tajjeb u fis-sakra, tgħaddi minn ħdejh u tibqa’ miexi dritt; u kif tista’ tippretendi li Alla jeħilsek meta tkun fis-saram? […] Spiss lil katavru li ma jħoss xejn aktar u li mhux ħa jintebaħ b’dak il-ġieħ, inti tgeżwru f’ħafna ħwejjeġ prezzjużi; u dak il-ġisem li qed ibati turmenti u uġigħ u jħossu jirtogħod bil-ġuħ u l-kesħa, int tistkerrhu, u iktar ħsiebek fil-frugħa milli fil-biża’ ta’ Alla”.[32] Dan is-sens qawwi ta’ ġustizzja soċjali jwasslu biex jafferma li “jekk ma tagħtix lill-foqra sehem mill-ġid tiegħek, tkun qed iċċaħħadhom mill-istess ħajja tagħhom; u li dak li nippossedu mhuwiex tagħna, imma tagħhom”.[33]
Santu Wistin
43. Wistin kellu bħala mgħallem spiritwali lil Sant’Ambroġ, li kien jisħaq fuq l-esiġenza etika tal-qsim tal-ġid flimkien: “Lill-fqir int ma tkunx tagħtih minn dak li hu tiegħek, imma tkun qed troddlu dak li hu tiegħu: għax dak li kien ingħata lil kulħadd biex jużawh flimkien, int ħtaftu għalik waħdek”.[34] Għall-Isqof ta’ Milan, l-elemożina hija r-radd lura tal-ġustizzja, mhux ġest ta’ paternaliżmu. Fil-predikazzjoni tiegħu, il-ħniena tassumi karattru profetiku: tikkundanna l-istrutturi tal-ġmigħ tal-ġid u tafferma mill-ġdid il-komunjoni bħala vokazzjoni ekkleżjali.
44. Iffurmat f’din it-tradizzjoni, l-Isqof qaddis ta’ Ippona min-naħa tiegħu għallimna l-imħabba preferenzjali għall-foqra. Ragħaj attent u teologu ta’ viżjoni rari fil-bogħod, hu jintebaħ li l-komunjoni ekkleżjali vera tidher anki fil-komunjoni tal-ġid. Fil-Kummentarju tiegħu għas-Salmi, ifakkar li l-Insara veri ma jittraskurawx l-imħabba lejn dawk l-aktar fil-bżonn: “Intom, jekk tħarsu lejn ħutkom, tagħrfu jekk għandhomx bżonn ta’ xi ħaġa, imma jekk fikom jgħammar Kristu, tagħmlu l-ġid imqar lill-barranin”.[35] Għalhekk dan il-qsim tal-ġid jitnissel mill-karità teologali u għandu bħala għan aħħari tiegħu l-imħabba ta’ Kristu. Għal Wistin, il-fqir mhuwiex biss persuna li għandha tiġi megħjuna, imma l-preżenza sagramentali tal-Mulej.
45. Fl-attenzjoni għall-foqra, id-Duttur tal-Grazzja kien jara prova konkreta tas-sinċerità tal-fidi. Min jgħid li jħobb lil Alla u ma tiġihx ħniena minn dawk fil-bżonn hu giddieb (ara 1 Ġw 4:20). Meta jikkummenta l-laqgħa ta’ Ġesù maż-żagħżugħ għani u t-“teżor fis-sema” li hemm għal dawk li jqassmu ġidhom lill-foqra (ara Mt 19:21), Wistin iqiegħed fuq fomm il-Mulej dawn il-kelmiet: “Jien irċivejt l-art, imma nagħti s-sema; irċivejt il-ġid tal-art, u rrodd il-ġid etern; irċivejt il-ħobż, u nagħti l-ħajja. […] Ġejt milqugħ fid-dar, imma jien nagħti d-dar; ġejt miżjur meta kont marid, imma jien nagħti s-saħħa; ġejt miżjur fil-ħabs, imma jien nagħti l-ħelsien. Il-ħobż li intom tajtu lill-fqajrin tiegħi ġie mikul, waqt li l-ħobż li nagħti jien, mhux biss iseddaqkom, imma ma jintemm qatt”.[36] L-Aktar Għoli ma jħalli lil ħadd jgħaddih fil-ġenerożità ma’ dawk li jaqduh f’min hu l-aktar fil-bżonn: ikbar ma hi l-imħabba għall-foqra, ikbar hu l-premju min-naħa ta’ Alla.
46. Din il-perspettiva Kristoċentrika u profondament ekkleżjali twassalna biex nisħqu li l-offerti, meta jiġu mill-imħabba, mhux biss itaffu l-ħtiġijiet tal-aħwa, imma jsaffu wkoll il-qalb ta’ min jagħtihom, jekk ikun lest li jinbidel: “Fil-fatt l-elemożina sservi biex tħassar id-dnubiet tal-ħajja l-imgħoddija jekk wieħed jibdel ħajtu”.[37] Din hija, biex ngħidu hekk, it-triq ordinarja lejn il-konverżjoni għal min irid jimxi wara Kristu b’qalb sħiħa.
47. Fi Knisja li tagħraf il-foqra fil-wiċċ ta’ Kristu u fil-ġid tara l-istrument tal-karità, il-ħsieb Agostinjan jibqa’ dawl fiż-żgur. Illum il-fedeltà għat-tagħlim ta’ Wistin tesiġi mhux biss l-istudju tal-opri tiegħu, imma l-prontezza li wieħed jgħix b’mod radikali l-istedina tiegħu għall-konverżjoni, li bilfors tinkludi s-servizz tal-karità.
48. Ħafna Missirijiet oħra tal-Knisja, tal-Lvant u tal-Punent, tkellmu fuq il-primat tal-attenzjoni għall-foqra fil-ħajja u fil-missjoni ta’ kul fidil Nisrani. Minn din il-perspettiva, biex niġbru kollox, nistgħu ngħidu li t-teoloġija Patristika kienet prattika, timmira lejn Knisja fqira u għall-foqra, u tfakkar li l-Vanġelu hu mħabbar tajjeb biss meta jwassalna biex immissu l-ġisem tal-fqajrin u meta jwissi li l-istrettezza duttrinali mingħajr ħniena hija diskors battal.
Kura tal-morda
49. Il-kompassjoni Nisranija dehret b’mod partikulari fil-kura tal-morda u ta’ dawk li jbatu. Fid-dawl tas-sinjali preżenti fil-ministeru pubbliku ta’ Ġesù – il-fejqan tal-għomja, l-imġiddma u l-magħtuba –, il-Knisja tifhem kemm il-kura tal-morda, li fihom hi tagħraf minnufih lill-Mulej Mislub, hija parti importanti mill-missjoni tagħha. Matul imxija tal-pesta fil-belt ta’ Kartaġni, fejn kien Isqof, San Ċiprijanu fakkar lill-Insara fl-importanza tal-kura tal-morda: “Din il-pesta u din l-epidemija, li minn barra jidhru hekk tal-biża’ u traġika, jaċċertaw il-ġustizzja ta’ kull wieħed u jistħarrġu s-sentimenti tal-bnedmin! Din il-pesta turi jekk min hu b’saħħtu hux jgħin lill-morda, jekk il-qraba humiex iħobbu lil nieshom kif imiss, jekk is-sidien humiex juru mogħdrija mal-ilsiera tagħhom milquta mid-deni, jekk it-tobba humiex jittraskuraw lill-morda li jeħtieġu l-għajnuna”.[38] It-tradizzjoni Nisranija li nżuru l-morda, indewwu l-ġrieħi tagħhom u nfarrġu lill-magħkusa ma tirriduċix ruħha sempliċiment għal opra ta’ filantropija, imma hi azzjoni ekkleżjali li permezz tagħha, fil-morda, il-membri tal-Knisja “jmissu l-ġisem sofferenti ta’ Kristu”.[39]
50. Fis-seklu 16, San Ġwann ta’ Alla, meta waqqaf l-Ordni Ospidalier li jġib ismu, ħoloq sptarijiet-mudell li kienu jilqgħu lil kulħadd, indipendentement mill-qagħda soċjali jew ekonomika. L-espressjoni ċelebri tiegħu “Agħmlu l-ġid, ħuti!” saret motto għall-karità attiva mal-morda. Fl-istess żmien, San Kamillu de Lellis waqqaf l-Ordni tal-Ministri tal-Morda – il-Kamilljani – u għamel tiegħu l-missjoni li jaqdi lill-morda b’dedikazzjoni sħiħa. Ir-regola tiegħu tordna: “Kull wieħed għandu jitlob il-grazzja lill-Mulej li jagħtih imħabba ta’ omm lejn il-proxxmu tiegħu biex nistgħu naqduh b’kull imħabba kemm tar-ruħ u tal-ġisem, għax nixtiequ bil-grazzja ta’ Alla naqdu lill-morda kollha b’dik l-imħabba li omm kollha mħabba biss jaf ikollha għall-iben marid waħdieni tagħha”.[40] Fl-isptarijiet, fuq il-kampijiet tal-battalja, fil-ħabsijiet u fit-toroq, il-Kamilljani inkarnaw il-ħniena ta’ Kristu Tabib.
51. Ħafna nisa kkonsagrati żvolġew rwol iktar mifrux fl-assistenza sanitarja lill-foqra, billi ħadu ħsieb tal-morda bi mħabba materna, bħalma omm tieħu ħsieb tat-tarbija tagħha. Ulied il-Karità ta’ San Viċenz de Paul, is-Sorijiet Ospidalieri, is-Sorijiet Ċkejkna tal-Providenza Divina, u ħafna kongregazzjonijiet oħra femminili saru preżenza materna u diskreta fl-isptarijiet, fid-djar tal-kura u fid-djar tal-anzjani. Ġabu magħhom serħan, smigħ, preżenza u, fuq kollox, ħlewwa. Bnew, spiss b’idejhom stess, strutturi sanitarji f’żoni nieqsa minn assistenza medika. Għallmu l-iġjene, assistew fil-ħlas u taw mediċini b’għerf naturali u fidi profonda. Id-djar tagħhom saru oasijiet ta’ dinjità fejn ħadd ma kien eskluż. Il-kompassjoni kienet l-ewwel mediċina. Santa Luisa de Marillac kitbet lis-sorijiet tagħha, Ulied il-Karità, u fakkrtihom li kienu “rċivew barka speċjali minn Alla biex jaqdu lill-foqra morda fl-isptarijiet”.[41]
52. Illum, dan il-wirt qed jissokta fl-isptarijiet Kattoliċi, fil-postijiet tal-kura miftuħa f’reġjuni mbiegħda, fil-missjonijiet sanitarji li jaħdmu fil-foresti, fiċ-ċentri ta’ akkoljenza għal dawk dipendenti mix-xorb jew drogi, u fl-isptarijiet imwaqqfa apposta fiż-żoni ta’ gwerra. Il-preżenza Nisranija qrib il-morda turi li s-salvazzjoni mhijiex xi idea astratta, imma għemil konkret. Fl-għemil ta’ min idewwi ferita, il-Knisja tħabbar li s-Saltna ta’ Alla tibda qalb dawk l-iżjed vulnerabbli. U meta tagħmel hekk, hi tibqa’ fidila lejn Dak li qal: “Kont marid u ġejtu żżuruni” (Mt 25:35,36). Meta l-Knisja tinżel għarkupptejha biswit xi ħadd imġiddem, tfajjel marid minħabba n-nuqqas ta’ ikel jew xi ħadd bla isem li qed imut, hi tkun twettaq il-vokazzjoni l-aktar profonda tagħha: li tħobb lill-Mulej hemm fejn hu l-iżjed sfigurat.
Il-kura tal-foqra fil-ħajja monastika
53. Il-ħajja monastika, li twieldet fil-ħemda tad-deżert, kienet sa mill-bidu xhieda ta’ solidarjetà. Il-monaċi kienu jħallu kollox – għana, prestiġju, familja – mhux biss għax kienu jistkerrhu l-ġid tad-dinja – contemptus mundi – imma biex jiltaqgħu, f’dan id-distakk radikali, ma’ Kristu fqir. San Bażilju l-Kbir, fir-Regola tiegħu, ma kien jara ebda kontradizzjoni bejn il-ħajja tat-talb u tal-ġabra tal-monaċi u l-ħidma tagħhom b’risq il-foqra. Għalih, l-ospitalità u l-kura ta’ min hu fil-bżonn kienu parti integrali mill-ispiritwalità monastika u l-monaċi, anki wara li jħallu kollox biex iħaddnu l-faqar, kellhom jgħinu lill-aktar foqra bil-ħidma tagħhom, għax “biex ikollok x’tagħti lil min għandu bżonn […] huwa ċar kif wieħed għandu jaħdem b’għaqal […]. Din ir-regola ta’ ħajja mhix siewja biss biex tikkastiga l-ġisem, imma anki għall-imħabba lejn il-proxxmu, biex, permezz tagħna Alla jipprovdi anki lill-aħwa dgħajfa dak li huma għandhom bżonn”.[42]
54. F’Ċesarija, fejn kien Isqof, bena post magħruf bħala Bażiljade, li kien fih akkomodazzjonijiet, sptarijiet u skejjel għall-foqra u l-morda. Għalhekk, il-monaku ma kienx biss axxeta, imma qaddej. Hekk Bażilju wera li, biex inkunu qrib ta’ Alla, hemm bżonn li nkunu qrib tal-foqra. L-imħabba konkreta kienet il-kriterju tal-qdusija. Titlob u ddewwi, tikkontempla u tfejjaq, tikteb u tilqa’: kollox kien espressjoni tal-istess imħabba lejn Kristu.
55. Fil-Punent, San Benedittu ta’ Norcia fassal Regola li kellha ssir ix-xewka tad-dahar tal-ispiritwalità monastika Ewropea. Fiha, l-akkoljenza tal-foqra u tal-pellegrini tokkupa l-ewwel post: “Il-fqar u l-pellegrini għandhom jingħataw merħba b’ħeġġa u attenzjoni liema bħalha, għaliex huwa fihom, l-aktar, li jidher Kristu”.[43] Ma kienx biss kliem: għal sekli sħaħ il-monasteri Benedittini kienu postijiet ta’ kenn għal romol, tfal abbandunati, pellegrini u tallaba. Għal Benedittu, il-ħajja komunitarja kienet skola ta’ karità. Ix-xogħol tal-idejn ma kellux biss funzjoni prattika, imma kien jifforma wkoll il-qalb għas-servizz. Il-qsim bejn il-monaċi, l-attenzjoni għall-morda u s-smigħ tal-iktar vulnerabbli kienu jħejjuhom biex jilqgħu lil Kristu li jżurhom fil-persuna tal-fqir u tal-barrani. L-ospitalità monastika Benedittina tibqa’ sal-lum sinjal ta’ Knisja li tiftaħ il-bibien tagħha, li tilqa’ bla ma titlob lura, li tfejjaq bla ma tfittex xejn bħala ħlas.
56. Matul iż-żmien, il-monasteri Benedittini saru postijiet li kienu jidħlu f’kuntrast mal-kultura tal-esklużjoni. Il-monaċi kienu jikkultivaw l-art, jipproduċu l-ikel, jippreparaw il-mediċini u joffruhom, b’sempliċità, lil min hu l-aktar fil-bżonn. Ix-xogħol tagħhom fis-skiet kien il-ħmira li tellgħet l-għaġna taċ-ċiviltà kollha, fejn il-foqra ma kinux problema li hemm bżonn tissolva, imma aħwa li jiġu milqugħa. Ir-regola tal-qsim flimkien, il-ħidma komuni u l-għajnuna lill-vulnerabbli kienu jistrutturaw ekonomija solidali, f’kuntrast mal-loġika ta’ min iġġemma’ għalih waħdu. Ix-xhieda tal-monaċi kienet turi li l-għażla tal-faqar minn jeddhom, bogħod milli kienet miżerja, kienet mixja ta’ libertà u ta’ komunjoni. Huma ma kinux jillimitaw ruħhom għal li jgħinu lill-foqra: kienu jsir qraba tagħhom, ħuthom fl-istess Mulej wieħed. Fiċ-ċelel u fil-kjostri ssawret mistika tal-preżenza ta’ Alla fiċ-ċkejknin.
57. Barra li jfornu għajnuna materjali, il-monasteri kienu jiżvolġu rwol fundamentali fil-formazzjoni kulturali u spiritwali tal-aktar ċkejkna. Fi żminijiet ta’ pesta, gwerra u ġuħ, kienu mkejjen li fihom min kien fil-bżonn kien isib ħobż u mediċini, imma anki dinjità u kelma. Kien hemm li l-iltiema kienu jiġu edukati, l-apprentisti kienu jirċievu formazzjoni u l-bdiewa kienu jiġu mgħallma fit-teknika tal-biedja u fil-qari. L-għerf kien maqsum bħala don u responsabbiltà. L-abbati kien kemm mgħallem u kemm missier, u l-iskola monastika kienet post ta’ ħelsien permezz tal-verità. Fil-fatt, kif jikteb Ġwanni Kassjanu, il-monaku għandu jkun ikkaratterizzat minn “umiltà tal-qalb […], li twassal, mhux għax-xjenza li tonfoħ lil dak li jkun, imma għax-xjenza li ddawwal permezz tal-kompletezza tal-karità”.[44] Il-monaċi, huma u jiffurmaw il-kuxjenzi u jgħaddu l-għerf, taw sehem b’risq pedagoġija Nisranija tal-inklużjoni. Il-kultura, immarkata mill-fidi, kienet tiġi maqsuma ma’ xulxin b’sempliċità. L-għerf, imdawwal mill-karità, kien isir qadi. Hekk, il-ħajja monastika saret stil ta’ qdusija u triq konkreta biex tibdel is-soċjetà.
58. B’dan il-mod it-tradizzjoni monastika tgħallem li t-talb u l-karità, is-skiet u l-qadi, iċ-ċelel u l-isptarijiet, isawru nisġa spiritwali waħda. Il-monasteru hu post ta’ smigħ u ta’ azzjoni, ta’ kult u ta’ qsim flimkien. San Bernard ta’ Clairvaux, ir-riformatur kbir Ċisterċensi, “fakkar b’determinazzjoni l-ħtieġa ta’ ħajja sobrja u meqjusa, fuq il-mejda daqskemm fl-ilbies u fil-binjiet monastiċi, u rrakkomanda li wieħed jgħin fl-għajxien u l-kura tal-foqra”.[45] Għalih il-kompassjoni ma kinitx għażla sekondarja, imma l-mixja vera wara Kristu. Għalhekk il-ħajja monastika, jekk fidila għas-sejħa oriġinali tagħha, turi li l-Knisja hi kollha kemm hi għarusa tal-Mulej meta hija wkoll oħt il-foqra. Il-kjostru mhuwiex biss kenn mid-dinja, imma skola fejn wieħed jitgħallem jaqdiha aħjar. Hemm fejn il-monaċi fetħu l-bibien tagħhom għall-foqra, il-Knisja wriet b’umiltà u id soda li l-kontemplazzjoni ma teskludix il-ħniena, imma tesiġiha bħala frott l-aktar safi tagħha.
Il-ħelsien tal-priġunieri
59. Sa miż-żminijiet Appostoliċi, il-Knisja rat fil-ħelsien tal-maħqurin sinjal tas-Saltna ta’ Alla. Ġesù nnifsu, fil-bidu tal-missjoni pubblika tiegħu, xandar: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani. Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, irrodd il-ħelsien lill-maħqurin” (Lq 4:18). L-ewwel Insara, imqar f’kundizzjonijiet prekarji, kienu jitolbu u jassistu lil ħuthom priġunieri, kif jixhdu l-Atti tal-Appostli (ara 12:5; 24:23) u diversi kitbiet tal-Padri. Din il-missjoni ta’ ħelsien tkompli mal-medda tas-sekli permezz ta’ azzjonijiet konkreti, fuq kollox meta t-traġedja tal-jasar u tal-priġunerija mmarkat soċjetajiet sħaħ.
60. Bejn tmiem is-seklu 12 u l-bidu tas-seklu 13, meta ħafna Nsara kienu maqbuda fil-Mediterran jew spiċċaw fil-jasar minħabba l-gwerer, qamu żewġ Ordinijiet reliġjużi: l-Ordni tat-Trinità Qaddisa għall-Fidwa tal-Ilsiera (Trinitarji), imwaqqaf minn San Ġwanni ta’ Matha u San Feliċ ta’ Valois, u l-Ordni tal-Verġni Mqaddsa Marija tal-Ħniena (Merċedarji), imwaqqaf minn San Pietru Nalasco bl-appoġġ ta’ San Rajmondu ta’ Peñafort, Dumnikan. Dawn il-komunitajiet ta’ kkonsagrati nibtu bil-kariżma speċifika li jeħilsu l-Insara li spiċċaw ilsiera, iqiegħdu l-ġid tagħhom għad-dispożizzjoni tagħhom[46] u, spiss, joffru bi ħlas il-ħajja tagħhom stess. It-Trinitarji, bil-motto tagħhom Gloria Tibi Trinitas et captivis libertas (Glorja lilek, Trinità, u għall-priġunieri, libertà), u l-Merċedarji, li żiedu r-raba’ vot[47] mal-voti reliġjużi tal-faqar, l-ubbidjenza u l-kastità, taw xhieda li l-karità tista’ tkun erojka. Il-ħelsien tal-ilsiera huwa espressjoni tal-imħabba Trinitarja: Alla li jeħles mhux biss mill-jasar spiritwali, imma anki mill-oppressjoni konkreta. Il-ġest tal-fidwa mill-jasar u mill-ħabs hu meqjus estensjoni tas-sagrifiċċu feddej ta’ Kristu, li d-demm tiegħu hu r-rahan tal-fidwa tagħna (ara 1 Kor 6:20).
61. L-ispiritwalità oriġinali ta’ dawn l-Ordnijiet kellha għeruq profondi mniżżla fil-kontemplazzjoni tas-Salib. Kristu hu l-Feddej per eċċellenza tal-priġunieri u l-Knisja, il-Ġisem tiegħu, ittawwal dan il-misteru fiż-żmien.[48] Ir-reliġjużi ma kinux jaraw il-ħlas tal-fidwa bħala azzjoni politika jew ekonomika, imma bħala att kważi liturġiku, l-offerta sagramentali tagħhom infushom. Ħafna kienu jagħtu ġisimhom stess biex jieħu post il-priġunieri, u hekk iwettqu b’mod litterali l-kmandament: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13). It-tradizzjoni ta’ dawn l-Ordnijiet ma ntemmitx. Anzi, bil-maqlub, nebbħet xejriet ġodda ta’ azzjoni quddiem il-jasar modern: it-traffikar ta’ essri umani, ix-xogħol sfurzat, l-isfruttament sesswali, id-diversi xejriet ta’ dipendenza.[49] Il-karità Nisranija, meta tinkarna ruħha, kapaċi teħles. U l-missjoni tal-Knisja, meta hi fidila lejn Sidha, hi dejjem dik li tħabbar il-ħelsien. Illum ukoll, meta “miljuni ta’ nies – tfal, irġiel u nisa ta’ kull età – qed jiġu mċaħħda mil-libertà u mġiegħla jgħixu f’kundizzjonijiet jixbhu lil dawk tal-jasar”,[50] dan il-wirt qed jitkompla minn dawn l-Ordnijiet u minn istituzzjonijiet u kongregazzjonijiet oħra li jaħdmu fil-periferiji urbani, fiż-żoni ta’ kunflitt u r-rotot migratorji. Meta l-Knisja titbaxxa biex tkisser il-ktajjen ġodda li qed iżommu lill-foqra marbuta, hija ssir sinjal tal-Għid.
62. Ma nistgħux nagħlqu din ir-riflessjoni fuq il-persuni mċaħħda mil-libertà mingħajr ma nsemmu lill-ħabsin li jinsabu f’diversi ħabsijiet u ċentri ta’ detenzjoni. Dwar dan, infakkru x’qal il-Papa Franġisku lil grupp minnhom: “Għalija, meta nirfes f’ħabs dejjem hu mument importanti, għax il-ħabs hu post ta’ umanità kbira […]. Ta’ umanità mġarrba, xi drabi għajjiena bid-diffikultajiet, is-sens ta’ ħtija, ġudizzji, inkomprensjonijiet, tbatijiet, imma fl-istess waqt mimlija qawwa, xewqa ta’ maħfra, rieda li tinfeda”.[51] Din ir-rieda, fost l-oħrajn, għamluha tagħhom l-Ordnijiet li ddedikaw ruħhom biex jifdu lill-priġunieri bħala servizz preferenzjali lill-Knisja. Kif xandar San Pawl: “Kristu ħelisna biex ngħixu ta’ nies ħielsa!” (Gal 5:1). U dan il-ħelsien mhuwiex biss wieħed interjuri: jidher fl-istorja bħala mħabba li tieħu ħsieb u teħles minn kull rabta tal-jasar.
Xhieda tal-faqar evanġeliku
63. Fis-seklu 13, quddiem realtà ta’ bliet dejjem jikbru, il-konċentrazzjoni tal-għana u x-xejriet ġodda ta’ faqar li tfaċċaw, l-Ispirtu s-Santu ta bidu għal għamla ġdida ta’ konsagrazzjoni fil-Knisja: l-Ordnijiet mendikanti. B’differenza mill-mudell monastiku stabbli, il-mendikanti addottaw ħajja itineranti, mingħajr proprjetà personali jew komunitarja, b’fiduċja sħiħa fil-Providenza. Ma llimitawx ruħhom li jaqdu lill-foqra: saru foqra huma stess. Kienu jħarsu lejn l-ibliet bħala deżert ġdid u l-emarġinati bħala mgħallma spiritwali ġodda. Dawn l-Ordnijiet, bħall-Franġiskani, id-Dumnikani, l-Agostinjani u l-Karmelitani, ġabu rivoluzzjoni evanġelika, fejn l-istil ta’ ħajja sempliċi u fqira sar sinjal profetiku għall-missjoni, u għen biex wieħed jgħix mill-ġdid l-esperjenza tal-ewwel komunità Nisranija (ara Atti 4:32). Ix-xhieda tal-mendikanti kienet tisfida kemm lill-għana klerikali u kemm lill-bruda tas-soċjetà urbana.
64. San Franġisk ta’ Assisi sar l-ikona ta’ din ir-rebbiegħa spiritwali. Hu ħa b’għarustu lill-faqar, biex isir jixbah lil Kristu fqir, għeri u mislub. Fir-Regola tiegħu, jitlob li “l-aħwa ma jkollhom xejn tagħhom, la dar, la post, u ebda ħaġa oħra. U bħal pellegrini u barranin f’din id-dinja, jaqdu lill-Mulej fil-faqar u l-umiltà, u jmorru jittallbu b’fiduċja, u ma għandhomx għax jistħu minn dan, għax il-Mulej għalina ftaqar f’din id-dinja”.[52] Il-ħajja tiegħu kienet tneżżigħ kontinwu: mill-palazz għall-imġiddem, mill-elokwenza għas-skiet, mill-pussess għall-għotja totali. Franġisku ma waqqafx realtà ta’ servizz soċjali, imma fraternità evanġelika. Fil-foqra hu lemaħ aħwa u xbihat ħajjin tal-Mulej. Il-missjoni tiegħu kienet li joqgħod magħhom, għal solidarjetà li kienet tegħleb id-distanzi, għal imħabba mimlija ħniena. Il-faqar tiegħu kien relazzjonali: kien iwasslu biex isir proxxmu, ugwali, anzi, minuri. Il-qdusija tiegħu kienet twarrad mill-konvinzjoni li tista’ biss tirċievi lil Kristu jekk tingħata b’ġenerożità għal ħutek.
65. Santa Kjara ta’ Assisi, imnebbħa minn Franġisku, waqqfet l-Ordni tan-Nisa Fqar, li mbagħad issejħu Klarissi. It-taqbida spiritwali tagħha kienet biex iżżomm fedelment l-ideal tal-faqar radikali. Irrifjutat il-privileġġi pontifiċji li setgħu jiggarantixxu ċertezza materjali għall-monasteru tagħha u, b’fermezza, kisbet mingħand il-Papa Girgor IX l-hekk imsejjaħ Privilegium Paupertatis, li kien jiggarantixxi d-dritt li jgħixu mingħajr il-pussess ta’ ebda ġid materjali.[53] Din l-għażla kienet tesprimi l-fiduċja sħiħa tagħha f’Alla u l-għarfien tagħha li l-faqar volontarju kien għamla ta’ libertà u ta’ profezija. Kjara għallmet lis-sorijiet tagħha li Kristu kien l-uniku wirt tagħhom u li xejn ma kellu jdallam il-komunjoni miegħu. Il-ħajja tagħha fit-talb u moħbija kienet għajta kontra l-mondanità u difiża siekta tal-foqra u tal-minsija.
66. San Duminku ta’ Guzmán, li għex fl-istess żmien ta’ Franġisku, waqqaf l-Ordni tal-Predikaturi, b’kariżma oħra, imma bl-istess radikalità. Ried ixandar il-Vanġelu bl-awtorevolezza li ġejja minn ħajja fqira, konvint li l-Verità għandha bżonn ta’ xhieda koerenti. L-eżempju tal-ħajja fil-faqar kien isieħeb il-Kelma ppritkata. Ħielsa mit-toqol tal-ġid ta’ din l-art, il-patrijiet Dumnikani setgħu jiddedikaw ruħhom aħjar għall-opra prinċipali, jiġifieri l-predikazzjoni. Kienu jmorru fl-ibliet, fuq kollox dawk universitarji, biex jgħallmu l-verità ta’ Alla.[54] Dipendenti fuq l-oħrajn, kienu juru li l-fidi ma tistax timponiha, imma toffriha. U, b’ħajja qalb il-foqra, kienu jitgħallmu l-verità tal-Vanġelu “minn isfel”, bħala dixxipli ta’ Kristu umiljat.
67. L-Ordnijiet mendikanti kienu allura tweġiba ħajja għall-esklużjoni u għall-indifferenza. Ma pproponewx espressament riformi soċjali, imma konverżjoni personali u komunitarja għal-loġika tas-Saltna. Għalihom il-faqar ma kienx konsegwenza tan-nuqqas ta’ ġid, imma għażla ħielsa: jiċċekknu biex jilqgħu liċ-ċkejknin. Kif qal dwar Franġisku Tumas ta’ Celano: “Wera li kien iħobb bil-kbir lill-foqra […]. Spiss kien jitneżża’ minn tiegħu biex ilibbes lill-foqra, li kien jipprova jsir jixbahhom”.[55] Il-mendikanti saru s-simbolu ta’ Knisja pellegrina, umli u fraterna, li tgħix qalb il-foqra mhux għall-proselitiżmu, imma b’identità. Jgħallmuna li l-Knisja tkun dawl biss meta titneżża’ minn kollox, u li l-qdusija tgħaddi minn qalb umli u mogħtija għall-aktar ċkejkna.
Il-Knisja u l-edukazzjoni tal-foqra
68. F’diskors lil xi edukaturi, il-Papa Franġisku fakkar li l-edukazzjoni minn dejjem kienet waħda mill-ogħla espressjonijiet tal-karità Nisranija: “Din tagħkom hi missjoni mimlija xkiel imma anki ferħ. […] Missjoni ta’ mħabba, għax ma tistax tgħallem mingħajr ma tħobb”.[56] F’dan is-sens, sa mill-eqdem żminijiet, l-Insara fehmu li l-għarfien ħieles jagħti dinjità u jqarreb għall-verità. Għall-Knisja, li tgħallem lill-foqra kien att ta’ ġustizzja u ta’ fidi. Imnebbħa mill-eżempju tal-Imgħallem li kien jgħallem lin-nies il-veritajiet divini u umani, hi għamlet tagħha l-missjoni li tifforma lit-tfal u l-adolexxenti, l-aktar lil dawk l-iżjed foqra, fil-verità u fl-imħabba. Din il-missjoni ssawret bit-twaqqif tal-Kongregazzjonijiet iddedikati għall-edukazzjoni tal-poplu.
69. Fis-seklu 16, San Ġużepp de Calasanz, milqut minn nuqqas ta’ tagħlim u formazzjoni taż-żgħażagħ foqra tal-belt ta’ Ruma, f’xi kmamar biswit il-Knisja ta’ Santa Dorotea fi Trastevere, ta l-ħajja lill-ewwel skola pubblika popolari b’xejn fl-Ewropa. Kienet iż-żerriegħa li minnha mbagħad kellu jitwieled u jiżviluppa, mhux mingħajr diffikultajiet, l-Ordni tal-Kjeriċi Regolari Foqra tal-Omm ta’ Alla tal-Iskejjel Piji, imsejjaħ tal-Iscolopi, bl-għan li jittrasmetti liż-żgħażagħ “minbarra x-xjenza profana, anki l-għerf tal-Vanġelu, billi jgħallimhom jilqgħu, fil-ġrajjiet personali u fl-istorja, l-azzjoni kollha mħabba ta’ Alla Ħallieq u Feddej”.[57] Fil-fatt nistgħu nqisu lil dan is-saċerdot kuraġġuż bħala l-“veru fundatur tal-iskola Kattolika moderna, orjentata lejn il-formazzjoni integrali tal-bniedem u miftuħa għal kulħadd”.[58] Imqanqal mill-istess sensibbiltà, fis-seklu 17, San Ġwann Battista de La Salle, meta ntebaħ bl-inġustizzja kkawżata mill-esklużjoni ta’ wlied il-ħaddiema u l-bdiewa mis-sistema edukattiva ta’ Franza ta’ żmienu, waqqaf l-Aħwa tal-Iskejjel Insara, bl-ideal li joffrilhom tagħlim b’xejn, formazzjoni b’saħħitha u ambjent fratern. La Salle kien jara fil-klassi spazju ta’ promozzjoni umana, imma anki ta’ konverżjoni. Fil-kulleġġi tiegħu kienu jixxierku ma’ xulxin talb, metodu, dixxiplina u qsim flimkien. Kull tifel kien meqjus don uniku ta’ Alla u l-att tat-tagħlim servizz lis-Saltna ta’ Alla.
70. Fis-seklu 19, dejjem fi Franza, San Marċellinu Champagnat waqqaf l-Istitut tal-Aħwa Maristi tal-Iskejjel, “sensibbli għall-ħtiġijiet spiritwali u edukattivi ta’ żmienu, fuq kollox għall-injoranza reliġjuża u għas-sitwazzjonijiet ta’ telqa li b’mod partikulari kienu jgħixu ż-żgħażagħ”,[59] u, f’epoka li fiha l-aċċess għat-tagħlim kompla jkun biss privileġġ tal-ftit, iddedika ħajtu b’qalbu kollha għall-missjoni li jeduka u jevanġelizza t-tfal u ż-żgħażagħ, fuq kollox dawk l-aktar fil-bżonn. Bl-istess spirtu, fl-Italja, San Ġwann Bosco beda l-opra kbira Salesjana, imsejsa fuq it-tliet prinċipji tal-“metodu preventiv” – raġuni, reliġjon u mħabba –[60] u l-Beatu Antonio Rosmini waqqaf l-Istitut tal-Karità, fejn il-“karità intellettwali” – flimkien ma’ dik “materjali” u b’dik “spiritwali-pastorali” fil-quċċata – kienet ippreżentata bħala dimensjoni indispensabbli ta’ kull azzjoni karitattiva li timmira għall-ġid u għall-iżvilupp integrali tal-persuna.[61]
71. Ħafna Kongregazzjonijiet femminili kienu protagonisti ta’ din ir-rivoluzzjoni pedagoġika. L-Ursolini, il-monaċi tal-Kumpanija ta’ Sidtna Marija, l-Imgħallma Piji u tant oħrajn, imwaqqfa b’mod speċjali fis-sekli 18 u 19, okkupaw spazji fejn l-Istat kien assenti. Ħolqu skejjel fi rħula żgħar, fil-periferiji u fil-kwartieri popolari. It-tagħlim tat-tfajliet, b’mod partikulari, sar prijorità. Is-sorijiet għallmu lil min jaqra u jikteb, evanġelizzaw, ħadu ħsieb tal-kwistjonijiet prattiċi tal-ħajja ta’ kuljum, refgħu l-ispirtu bil-kultivazzjoni tal-arti u, fuq kollox, iffurmaw il-kuxjenzi. Il-pedagoġija tagħhom kienet sempliċi: qrubija, sabar, ħlewwa. Għallmu bil-ħajja, qabel ma għamlu dan bil-kliem. Fi żminijiet ta’ analfabetiżmu mifrux u ta’ esklużjoni strutturali, dawn in-nisa kkonsagrati kienu fanali ta’ tama. Il-missjoni tagħhom kienet li jifformaw il-qalb, jgħallmu lil min jaħseb, jippromovu d-dinjità. Bir-rabta flimkien tal-ħajja ta’ pjetà u l-għotja tagħha lill-proxxmu, huma tqabdu kontra l-abbandun bil-ħlewwa ta’ min jeduka f’isem Kristu.
72. L-edukazzjoni tal-foqra, għall-fidi Nisranija, mhijiex favur, imma dmir. Iċ-ċkejknin għandhom dritt għall-għerf, bħala rekwiżit fundamentali għall-għarfien tad-dinjità umana. Meta nipprovdulhom it-tagħlim inkunu naffermaw il-valur tagħhom, inkunu nagħtuhom l-għodod biex jistgħu jibdlu r-realtà tagħhom. It-tradizzjoni Nisranija tqis l-għerf bħala don ta’ Alla u responsabbiltà komunitarja. L-edukazzjoni Nisranija ma tiffurmax biss professjonisti, imma persuni miftuħa għat-tajjeb, għas-sabiħ u għall-verità. B’konsegwenza, l-iskola Kattolika, meta hi fidila lejn isimha, issir spazju ta’ inklużjoni, formazzjoni integrali u promozzjoni umana; hi xxierek flimkien fidi u kultura, tiżra’ l-futur, tweġġaħ ix-xbieha ta’ Alla u tibni soċjetà aħjar.
Insieħbu lill-migranti
73. L-esperjenza tal-migrazzjoni ssieħeb l-istorja tal-Poplu ta’ Alla. Abraham jitlaq bla ma jaf fejn sejjer; Mosè jmexxi lill-poplu pellegrin mid-deżert; Marija u Ġużeppi jaħarbu bit-Tarbija fl-Eġittu. L-istess Kristu, li “ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1:11), għex f’nofsna bħal barrani. Għal din ir-raġuni, il-Knisja dejjem għarfet fil-migranti preżenza ħajja tal-Mulej li, nhar il-Ġudizzju, se jgħid li dawk li jkun hemm fuq il-lemin tiegħu: “Kont barrani u lqajtuni” (Mt 25:35).
74. Fis-seklu 19, meta miljuni ta’ Ewropej emigraw biex ifittxu kundizzjonijiet aħjar tal-ħajja, żewġ qaddisin kbar spikkaw fil-kura pastorali tal-migranti: San Ġwann Battista Scalabrini u Santa Franġiska Saverja Cabrini. Scalabrini, Isqof ta’ Piacenza, waqqaf il-Missjunarji ta’ San Karlu biex jakkumpanjaw il-migranti fil-komunitajiet tad-destinazzjoni tagħhom, u joffrulhom għajnuna spiritwali, legali u materjali. Kien jilmaħ fil-migranti d-destinatarji ta’ evanġelizzazzjoni ġdida, u jiftħilhom għajnejhom għar-riskji ta’ sfruttament u li jitilfu l-fidi f’art barranija. Bi tweġiba ġeneruża għall-kariżma li l-Mulej kien tah, “Scalabrini kellu ħarsa li tmur lil hemm, kien iħares ’il quddiem, lejn dinja u Knisja bla fruntieri, bla barranin”.[62] Santa Franġiska Cabrini, imwielda l-Italja u b’ċittadinanza Amerikana, kienet l-ewwel ċittadina tal-Istati Uniti li ġiet ikkanonizzata. Biex twettaq il-missjoni tagħha li tassisti l-migranti, qasmet iktar minn darba l-Atlantiku u, “armata b’kuraġġ singulari, bdiet mix-xejn skejjel, sptarijiet, orfanatrofji għall-mases ta’ nies fqajra li lagħbu ħajjithom fid-dinja l-ġdida jfittxu xogħol, bla ma jafu l-lingwa jew nieqsa minn mezzi li jippermettulhom inseriment dekoruż fis-soċjetà Amerikana u spiss vittmi ta’ persuni bla skrupli. Il-qalb tagħha ta’ omm, li ma kellhiex kwiet, kienet tilħaqhom kullimkien: fil-kerrejja, fil-ħabsijiet, fil-minjieri”.[63] Fis-Sena Mqaddsa tal-1950, il-Papa Piju XII pproklamaha Patruna tal-migranti kollha.[64]
75. It-tradizzjoni tal-ħidma tal-Knisja għall-migranti u magħhom tissokta, u llum dan is-servizz jesprimi ruħu f’inizjattivi bħaċ-ċentri ta’ akkoljenza għar-rifuġjati, il-missjonijiet tal-fruntiera, l-isforzi tal-Caritas Internationalis u ta’ istituzzjonijiet oħra. Il-Maġisteru kontemporanju jtenni b’mod ċar dan l-impenn. Il-Papa Franġisku fakkar li l-missjoni tal-Knisja mal-migranti u r-rifuġjati llum hija usa’, u saħaq fuq il-fatt li “t-tweġiba tagħna għall-isfidi tal-migrazzjoni tal-lum tista’ tinġabar f’erba’ verbi: nilqgħu, nipproteġu, nippromovu u nintegraw. Madankollu, dawn il-verbi ma japplikawx biss għall-migranti u r-refuġjati. Huma jiddeskrivu l-missjoni tal-Knisja ma’ dawk kollha li qed jgħixu fil-periferiji tal-eżistenza, li jridu jkunu milqugħin, imħarsin, miġjubin ’il quddiem u integrati”.[65] U qal ukoll: “Kull bniedem hu bin Alla! Fih insibu l-immaġni ta’ Kristu! Għalhekk aħna stess irridu nkunu minn tal-ewwel li ngħinu lil ħaddieħor, u li naraw, fil-migrant u fir-rifuġjat, mhux tant problema li rridu nsolvu, imma l-proxxmu tagħna li rridu nilqgħu, nirrispettaw u nħobbu, opportunità li l-Providenza toffrilna biex ngħinu fit-twaqqif ta’ demokrazija aktar ġusta u sħiħa, pajjiż aktar inklużiv, komunità Kristjana aktar fraterna u miftuħa, fuq il-passi tal-Vanġelu”.[66] Il-Knisja, bħal omm, timxi ma’ dawk li jimxu. Hemm fejn id-dinja tilmaħ theddid, hi tara wlied; hemm fejn jinbnew ħitan, hi tibni pontijiet. Taf li t-tħabbira tagħha tal-Vanġelu hi kredibbli biss meta tinbidel f’ġesti ta’ qrubija u akkoljenza. U taf li f’kull migrant imwarrab huwa Kristu nnifsu li qed iħabbat fuq il-bibien tal-komunità.
Qrib ta’ min hu fl-aħħar post
76. Il-qdusija Nisranija spiss twarrad fil-postijiet l-aktar minsija u midruba tal-umanità. Dawk l-aktar foqra fost il-fqar – dawk li mhux biss huma neqsin mill-ġid, imma anki minn leħen u minn għarfien tad-dinjità tagħhom – għandhom post speċjali fil-qalb ta’ Alla. Huma l-ippreferuti tal-Vanġelu, il-werrieta tas-Saltna (ara Lq 6:20). Huwa fihom li Kristu jkompli jbati u jqum mill-ġdid. Huwa fihom li l-Knisja ssib mill-ġdid is-sejħa biex turi r-realtà l-aktar awtentika tagħha.
77. Santa Tereża ta’ Kalkutta, ikkanonizzata fl-2016, saret ikona universali tal-karità mgħixa sal-aktar punt estrem għall-ġid ta’ dawk l-aktar foqra, l-aktar mormija mis-soċjetà. Fundatriċi tal-Missjunarji tal-Karità, hija ddedikat ħajjitha għall-moribondi abbandunati fit-toroq tal-Indja. Kienet tiġbor lil dawk li ħadd ma jridhom, taħsel il-ġrieħi tagħhom u takkumpanjahom sal-mument tal-mewt bi ħlewwa li kienet talba. Bl-imħabba li kellha għall-ifqar fost il-foqra, hi ma kinitx biss tara x’għandhom bżonn materjalment, imma anki tħabbrilhom il-bxara t-tajba tal-Vanġelu: “Irridu nħabbru lill-foqra l-bxara t-tajba li Alla jħobbhom, li aħna nħobbuhom, li għalina huma persuni, li ġew maħluqa mill-istess id kollha mħabba ta’ Alla, biex iħobbu u jkunu maħbuba. Il-foqra tagħna huma persuni fantastiċi, ġentili ħafna, ma għandhomx bżonn li nitħassruhom jew inħennu għalihom, imma li nħobbuhom billi nifhmuhom. Għandhom bżonn tar-rispett tagħna, għandhom bżonn li nittrattawhom b’dinjità”.[67] Dan kollu nibet minn spiritwalità profonda li kienet tħares lejn is-servizz lill-iktar foqra bħala frott tat-talb u tal-imħabba, li tnissel il-paċi vera, kif fakkar il-Papa Ġwanni Pawlu II lill-pellegrini li marru Ruma għall-beatifikazzjoni tagħha: “Mnejn sabitha, Madre Tereża, il-qawwa biex tagħti ruħha kollha kemm hi għall-qadi tal-oħrajn? Sabitha fit-talb u fil-kontemplazzjoni siekta ta’ Ġesù Kristu, tal-Wiċċ Imqaddes tiegħu, tal-Qalb Imqaddsa tiegħu. Dan qalitu hu stess: ‘Il-frott tas-silenzju hu t-talb; il-frott tat-talb hu l-fidi; il-frott tal-fidi hu l-imħabba; il-frott tal-imħabba hu s-servizz, il-frott tas-servizz hu l-paċi’ […]. Kien talb li jimla l-qalb tagħha bil-paċi ta’ Kristu u taha li tħalli tiddi minnha din il-paċi quddiem l-oħrajn”.[68] Tereża ma kinitx tqis ruħha bħala filantropa jew attivista, imma bħala l-għarusa ta’ Kristu msallab, li hi kienet taqdih bi mħabba sħiħa fl-aħwa li jbatu.
78. Fil-Brażil, Santa Dulce dei Poveri – magħrufa bħala “l-anġlu twajba ta’ Bahia” – laħħmet fiha l-istess spirtu evanġeliku b’karatteristiċi Brażiljani. Meta rrifera għaliha u għal żewġ reliġjużi oħra, ikkanonizzati fl-istess ċelebrazzjoni, il-Papa Franġisku fakkar l-imħabba tagħhom għal dawk l-aktar imwarrba fis-soċjetà u qal li l-qaddisin ġodda “juruna li l-ħajja reliġjuża hija mixja ta’ mħabba fil-periferiji eżistenzjali tad-dinja”.[69] Swor Dulce affrontat il-prekarjetà bi kreattività, l-ostakli bi ħlewwa, il-bżonn b’fidi li ma tiġġarrafx. Bdiet tilqa’ lill-morda f’razzett tat-tiġieġ u minn hemm waqqfet waħda mill-akbar opri soċjali tal-pajjiż. Għenet lil eluf ta’ persuni kuljum, bla qatt tilfet id-delikatezza tagħha. Saret fqira mal-foqra għall-imħabba ta’ dak li hu l-aktar Fqir. Kienet tgħix bix-xejn, titlob b’ħerqa kbira u taqdi bil-ferħ. Il-fidi tagħha ma kinitx tbegħidha mid-dinja, imma aktar kienet tħeġġiġha b’mod profond biex tidħol fil-qalba tat-tbatija tal-imsejkna.
79. Nistgħu nfakkru wkoll lil San Benedittu Menni u s-Sorijiet Ospidalieri tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, qrib tal-persuni b’diżabbiltà; San Charles de Foucauld qalb il-komunitajiet tas-Sahara; Santa Katharine Drexel mal-gruppi l-aktar żvantaġġati tal-Amerika ta’ Fuq; Swor Emmanuelle, ma’ dawk li jiġbru l-iskart fil-kwartier ta’ Ezbet El Nakhl, fil-Kajr; u tant oħrajn. Kull wieħed, bil-mod tiegħu, skopra li dawk l-aktar foqra mhumiex biss oġġett tal-mogħdrija tagħna, imma mgħallma tal-Vanġelu. Mhix kwistjoni li “nwasslulhom” lil Alla, imma li niltaqgħu miegħu għandhom. Dawn l-eżempji kollha jgħallmuna li l-qadi tal-foqra mhux ġest li rridu nagħmlu “minn fuq għal isfel”, imma laqgħa bejn nies indaqs, fejn Kristu jiġi rrivelat u meqjum. San Ġwanni Pawlu II fakkarna li “hemm preżenza speċjali ta’ Kristu fil-persuna tal-foqra, li tobbliga lill-Knisja tagħmel għażla preferenzjali favurihom”.[70] Għalhekk, il-Knisja, meta titbaxxa biex tieħu ħsieb tal-foqra, tkun qed tieħu l-qagħda l-aktar elevata tagħha.
Movimenti popolari
80. Irridu nirrikonoxxu wkoll li, matul is-sekli ta’ storja Nisranija, l-għajnuna lill-foqra u t-taqbida għad-drittijiet tagħhom ma kinux biss xi ħaġa li għamlu individwi, xi familji, l-istituzzjonijiet jew il-komunitajiet reliġjużi. Kien hemm, u għad hemm, diversi movimenti popolari, magħmula minn lajċi u ggwidati minn mexxejja popolari, tant drabi ssuspettati u saħansitra ppersegwitati. Qed nirreferi għax-“xirka flimkien ta’ persuni li ma jimxux bħala individwi imma bħala n-nisġa ta’ komunità li hi ta’ kulħadd u għal kulħadd, li ma tistax tħalli lil dawk l-iżjed foqra u l-iżjed dgħajfa jaqgħu lura. […] Għalhekk, il-leaders popolari huma dawk li għandhom il-ħila li jinvolvu lil kulħadd. […] Ma jħossuhomx skomdi u lanqas jibżgħu miż-żgħażagħ miġruħa u msallba”.[71]
81. Dawn il-mexxejja popolari jafu li s-solidarjetà “tfisser ukoll li nitqabdu kontra l-kawżi strutturali tal-faqar, in-nuqqas ta’ ugwaljanza, in-nuqqas ta’ xogħol, tal-art u tad-dar, it-tiċħid mid-drittijiet soċjali u tax-xogħol. Tfisser li neħduha kontra l-effetti qerrieda tal-imperu tal-flus […]. Is-solidarjetà, meta mifhuma fis-sens l-aktar profond tagħha, hija mod kif insawru l-istorja, u dan hu li jagħmlu l-movimenti popolari”.[72] Għal din ir-raġuni, meta d-diversi istituzzjonijiet jaħsbu fil-bżonnijiet tal-foqra, hemm bżonn “li jinkludu l-movimenti popolari u jimmobilitaw l-istrutturi tal-gvern lokali, nazzjonali u internazzjonali b’dik il-kaskata ta’ enerġija morali li tinbet mill-involviment tal-imwarrbin fil-bini tad-destin komuni”.[73] Fil-fatt, il-movimenti popolari jistednuna negħlbu “dik l-idea tal-politika soċjali maħsuba bħala politika għall-foqra, imma qatt mal-foqra, qatt tal-foqra u wisq inqas inserita fi proġett li jiġbor flimkien il-popli”.[74] Jekk il-politiċi u l-professjonisti ma jagħtuhomx widen, “id-demokrazija tiddgħajjef, issir nominaliżmu, formalità, titlef il-karattru rappreżentattiv tagħha, tinqata’ mir-realtà għax tħalli barra l-poplu fit-taqbida tiegħu ta’ kuljum għad-dinjità, fil-bini tal-istess destin tiegħu”.[75] L-istess irridu ngħidu għall-istituzzjonijiet tal-Knisja.
IR-RABA’ KAPITLU
STORJA LI TISSOKTA
Is-seklu tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja
82. Il-bidliet teknoloġiċi u soċjali mgħaġġla tal-aħħar żewġ sekli, mimlija kontradizzjonijiet traġiċi, mhux biss ġarrbuhom, imma anki affrontawhom u ħasbuhom il-foqra. Il-movimenti tal-ħaddiema, tan-nisa, taż-żgħażagħ, kif ukoll il-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet razzjali ħolqu għarfien ġdid tad-dinjità ta’ min jinsab fit-trufijiet. Anki l-kontribut tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja għandu fih dawn l-għeruq popolari li ma rridux ninsew: il-mod kif din qrat mill-ġdid ir-Rivelazzjoni Nisranija fi ħdan iċ-ċirkustanzi moderni soċjali, tal-ħajja tax-xogħol, ekonomiċi u kulturali, ma konniex nimmaġinawh li ma kienx għal-lajċi Nsara li tqabdu tant mal-isfidi ta’ żmienhom. Magħhom ħadmu reliġjużi rġiel u nisa xhieda ta’ Knisja li toħroġ ’il barra mit-toroq li diġà mxiet. Il-bidla epokali li qed naffrontaw tagħmel iktar meħtieġa llum l-interazzjoni kontinwa bejn l-imgħammdin u l-Maġisteru, bejn iċ-ċittadini u l-esperti, bejn poplu u istituzzjonijiet. B’mod partikulari, għandna nagħrfu mill-ġdid li r-realtà nistgħu narawha aħjar mit-trufijiet u li l-foqra huma suġġetti ta’ intelliġenza speċifika, indispensabbli għall-Knisja u għall-umanità.
83. Il-Maġisteru tal-aħħar mija u ħamsin sena joffri minjiera vera ta’ tagħlim li jolqot il-foqra. Hekk, l-Isqfijiet ta’ Ruma saru huma stess leħen ta’ għarfien ġdid, li kull darba għadda mill-għarbiel tad-dixxerniment ekkleżjali. Ngħidu aħna, fl-Ittra enċiklika Rerum novarum (1891), Ljun XIII affronta l-kwistjoni tax-xogħol, u kixef il-qagħda intollerabbli ta’ ħafna ħaddiema tal-industrija, waqt li ppropona t-twaqqif ta’ ordni soċjali ġust. F’din il-linja esprimew ruħhom ukoll Papiet oħra. Bl-Enċiklika Mater et Magistra (1961) San Ġwanni XXIII sar promutur ta’ ġustizzja ta’ dimensjonijiet dinjija: il-pajjiżi għonja ma setgħux jibqgħu indifferenti quddiem il-pajjiżi mgħakksa mill-ġuħ u mill-miżerja; hu sejħilhom biex jgħinuhom b’ġenerożità bil-ġid kollu li kellhom.
84. Il-Konċilju Vatikan II jirrappreżenta tappa fundamentali fid-dixxerniment ekkleżjali dwar il-foqra, fid-dawl tar-Rivelazzjoni. Imqar jekk fid-dokumenti preparatorji din it-tema kienet imħollija għall-ġenb, sa mir-Radjumessaġġ tal-11 ta’ Settembru 1962, xahar wara l-ftuħ tal-Konċilju, San Ġwanni XXIII xegħel l-attenzjoni fuqha bi kliem li ma jintesiex: “Il-Knisja tippreżenta ruħha bħala dak li hi u dak li tixtieq tkun, bħala l-Knisja ta’ kulħadd u partikularment il-Knisja tal-foqra”.[76] Kienet imbagħad il-ħidma kbira ta’ isqfijiet, teologi u esperti li stinkaw għat-tiġdid tal-Knisja – bl-appoġġ tal-istess San Ġwanni XXIII – li tat orjentament ġdid lill-Konċilju. Hija fundamentali n-natura Kristoċentrika, u allura duttrinali u mhux biss soċjali, ta’ ferment bħal dan. Fil-fatt, għadd ta’ Padri konċiljari kienu favur it-tisħiħ tal-għarfien, espress tajjeb mill-Kardinal Lercaro fl-intervent memorabbli tiegħu tas-6 ta’ Diċembru 1962, li “l-misteru ta’ Kristu fil-Knisja dejjem kien u hu, imma hu partikularment hekk illum, il-misteru ta’ Kristu fil-foqra”[77] u li “din mhijiex tema kwalunkwe, imma f’ċertu sens hija l-unika tema ta’ Vatikan II kollu”.[78] L-Arċisqof ta’ Bologna, huwa u jħejji t-test ta’ dan l-intervent, niżżel din in-nota: “Din hi s-siegħa tal-foqra, tal-miljuni ta’ foqra li jinsabu fl-art kollha, din hija s-siegħa tal-misteru tal-Knisja omm tal-foqra, din hija s-siegħa tal-misteru ta’ Kristu fuq kollox fil-fqir”.[79] U hekk dehret il-ħtieġa ta’ xejra ġdida ekkleżjali, iktar sempliċi u sobrja, li tinvolvi lill-poplu kollu ta’ Alla u l-figura storika tiegħu. Knisja tixbah iktar lil Sidha milli lis-setgħat tad-dinja, miġbuda biex tqanqal fl-umanità kollha impenn konkret għas-soluzzjoni tal-problema l-kbira tal-faqar fid-dinja.
85. San Pawlu VI, fl-okkażjoni tal-ftuħ tat-tieni sessjoni tal-Konċilju, reġa’ qabad it-tema li poġġa l-predeċessur tiegħu, jiġifieri li l-Knisja tħares b’interess partikulari “lejn il-foqra, dawk fil-bżonn, il-maħqurin, l-imġewħin, dawk li qed ibatu, il-ħabsin, jiġifieri tħares lejn l-umanità kollha li qed tbati u li qed tibki: hija tagħhom, b’jedd evanġeliku”.[80] Fl-Udjenza ġenerali tal-11 ta’ Novembru 1964 huwa saħaq li “l-Fqir hu rappreżentant ta’ Kristu” u, waqt li qarreb ix-xbieha tal-Mulej f’dawk li jinsabu fl-aħħar post ma’ dik li tidher fil-Papa, huwa stqarr: “Ir-rappreżentanza ta’ Kristu fil-Fqir hija universali, f’kull Fqir jidher Kristu; dik tal-Papa hi personali. […] Il-Fqir u Pietru jistgħu joqorbu lejn xulxin, jistgħu jkunu l-istess persuna, imlibbsa b’rappreżentanza doppja, bil-Faqar u bl-Awtorità”.[81] B’dan il-mod, ir-rabta intrinsika bejn Knisja u foqra ġiet espressa simbolikament b’ċarezza għalkollox ġdida.
86. Fil-Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, f’attwalizzazzjoni tal-wirt tal-Missirijiet tal-Knisja, il-Konċilju jerġa’ jagħfas bil-qawwa fuq id-destinazzjoni universali tal-ġid tal-art u l-funzjoni soċjali tal-proprjetà li toħroġ minnha: “Alla ddestina l-art b’dak kollu li fiha għall-użu tal-bnedmin u tal-popli kollha b’mod li kulħadd għandu jkollu sehem […]. Għalhekk il-bniedem, meta juża dan il-ġid, għandu jqis il-ħwejjeġ esterni li jippossiedi leġittimament mhux biss bħal tiegħu imma wkoll bħala ta’ kulħadd, fis-sens li jkunu jistgħu jiswew mhux lilu biss imma wkoll lil oħrajn. Min-naħa l-oħra kulħadd għandu l-jedd li jkollu parti mill-ġid li tkun biżżejjed għalih u għall-familja tiegħu. […] Min imbagħad jinsab f’neċessità estrema għandu l-jedd li jipprovdi dak li hu meħtieġ għalih mill-ġid tal-oħrajn. […] L-istess proprjetà privata minnha nnifisha għandha funzjoni soċjali ġejja mill-istess liġi tad-destinazzjoni komuni tal-ġid. Jekk titħalla fil-ġenb din il-funzjoni soċjali, il-proprjetà ħafna drabi ssir okkażjoni ta’ regħba u ta’ taħwid kbir”.[82] Din il-konvinzjoni jerġa’ jesprimiha San Pawlu VI fl-Enċiklika Populorum progressio, fejn naqraw li ħadd ma għandu “jwarrab għall-kumdità tiegħu privata biss il-ġid li jibqagħlu żejjed, meta oħrajn huma neqsin minn dak li hu meħtieġ biex jgħixu”.[83] Fl-intervent tiegħu lill-Ġnus Magħquda, il-Papa Montini ppreżenta ruħu bħala l-avukat tal-popli foqra,[84] u ħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tibni dinja solidali.
87. Ma’ San Ġwanni Pawlu II naraw tissaħħaħ, tal-inqas fil-qasam duttrinali, ir-relazzjoni preferenzjali tal-Knisja mal-foqra. Fil-fatt il-maġisteru tiegħu għaraf li l-għażla favur il-foqra hi “sura speċjali ta’ dak li għandu jiġi l-ewwel fl-eżerċizzju tal-imħabba Nisranija, kif tixhed it-tradizzjoni tal-Knisja”.[85] Fl-Enċiklika Sollicitudo rei socialis mill-ġdid jikteb li llum, meta tqis id-dimensjoni dinjija li ħadet il-kwistjoni soċjali, “l-għażla favur il-foqra, u d-deċiżjonijiet kollha li jridu jittieħdu minħabba f’dan, ma tistax ma tħaddanx il-folol kbar ta’ nies bil-ġuħ, neqsin minn kollox, bla dar, bla kura għal saħħithom, u fuq kollox, bla ebda tama għall-ġejjieni: ma jistax ikun li nibqgħu ma nkunux nafu b’dawn il-fatti. Jekk ninjorawhom inkunu bħall-‘għani’ tal-parabbola, li għamel tabirruħu li ma jafx bil-fqajjar Lazzru li kien jinsab mixħut quddiem il-bieb ta’ daru (ara Lq 16:19-31)”.[86] It-tagħlim tiegħu fuq ix-xogħol jikseb importanza meta rridu naħsbu fuq ir-rwol attiv tal-foqra fit-tiġdid tal-Knisja u tas-soċjetà, u nixħtu wara daharna l-paternaliżmu tas-sempliċi għajnuna fil-bżonnijiet immedjati tagħhom. Fl-Enċiklika Laborem exercens hu jafferma li “x-xogħol tal-bniedem huwa l-fus, forsi l-fus ewlieni li fuqu ddur il-kwistjoni soċjali kollha kemm hi”.[87]
88. Quddiem l-għadd ta’ kriżijiet li mmarkaw il-bidu tat-tielet millennju, il-mod kif Benedittu XVI jaqra l-affarijiet isir iktar distintivament politiku. Hekk, fl-Ittra enċiklika Caritas in veritate hu jafferma li “meta nħobbu lil xi ħadd inkunu nixtiqulu lġid u naħdmu b’mod effikaċi b’risq dan”.[88] Barra minn hekk, josserva li “l-ġuħ ma jiddependix tant minn nuqqas ta’ ħwejjeġ materjali daqskemm minn nuqqas ta’ riżorsi soċjali, li l-aktar importanti fosthom huma istituzzjonali. Fi kliem ieħor, m’hemmnx xibka ta’ istituzzjonijiet ekonomiċi bis-setgħa li tiggarantixxi l-aċċess regolari għal ikel u ilma biżżejjed għall-ħtiġijiet nutrizzjonali, kif ukoll li taħseb għallħtiġijiet primarji u n-neċessitajiet fi żmien kriżijiet ġenwini tal-ikel, li jseħħu kemm minħabba kawżi naturali jew minħabba r-responsabbiltà politika, fuq il-livell nazzjonali u fuq dak internazzjonali”.[89]
89. Il-Papa Franġisku rrikonoxxa kif, barra l-maġisteru tal-Isqfijiet ta’ Ruma, fl-aħħar għexieren ta’ snin kotru wkoll il-pożizzjonijiet meħuda min-naħa tal-Konferenzi Episkopali nazzjonali u reġjonali. Ngħidu aħna, hu seta’ jixhed personalment għall-impenn partikulari tal-Episkopat tal-Amerika Latina fi ħsieb ġdid dwar ir-relazzjoni tal-Knisja mal-foqra. Wara l-Konċilju, fi kważi l-pajjiżi kollha tal-Amerika Latina, inħasset l-identifikazzjoni qawwija tal-Knisja mal-foqra u parteċipazzjoni attiva fil-ħelsien tagħhom. Kienet l-istess qalb tal-Knisja li tqanqlet quddiem il-bosta foqra mifnija mill-qgħad, min-nuqqas ta’ impjiegi, mill-pagi inġusti, u mġiegħla jgħixu f’qagħdiet miżerabbli. Il-martirju ta’ San Oscar Romero, Arċisqof ta’ San Salvador, kien kemm xhieda u kemm eżortazzjoni ħajja għall-Knisja. Hu kien iħoss bħala tiegħu l-qagħda drammatika li kienu fiha l-parti l-kbira tal-fidili tiegħu u għamel minnhom il-qalba tal-għażla pastorali tiegħu. Il-Konferenzi tal-Episkopat tal-Amerika Latina f’Medellín, fi Puebla, f’Santo Domingo u f’Aparecida kienu tappi sinifikattivi anki għall-Knisja kollha. Jiena stess, għal snin twal missjunarju fil-Perù, inħossni midjun ħafna lejn din il-mixja ta’ dixxerniment ekkleżjali, li l-Papa Franġisku b’għerf kbir għaraf jorbot ma’ dik tal-Knejjes partikulari l-oħra, speċjalment fin-Nofsinhar tal-globu. Issa nixtieq nerġa’ naqbad żewġ temi speċifiċi ta’ dan il-maġisteru episkopali.
Strutturi ta’ dnub li joħolqu faqar u nuqqasijiet estremi ta’ ugwaljanza
90. F’Medellín l-Isqfijiet tkellmu favur l-għażla preferenzjali favur il-foqra: “Kristu l-Feddej tagħna mhux biss ħabb lill-foqra, imma, ‘hu li kien għani, ftaqar’, għex fil-faqar, u ċċentra l-missjoni tiegħu madwar it-tħabbira tal-ħelsien tagħhom u waqqaf il-Knisja tiegħu bħala sinjal ta’ dan il-faqar fost il-bnedmin. […] Il-faqar ta’ tant minn ħutna jitlob ġustizzja, solidarjetà, xhieda, impenn, sforz u superament biex isseħħ b’mod sħiħ il-missjoni salvifika fdata minn Kristu”.[90] L-Isqfijiet affermaw bil-qawwa kollha li l-Knisja, biex tkun kollha kemm hi fidila lejn is-sejħa tagħha, għandha mhux biss taqsam fil-qagħda tal-foqra, imma toqgħod ukoll qrib tagħhom u tħabrek b’mod konkret b’risq il-promozzjoni integrali tagħhom. Il-Konferenza ta’ Puebla, quddiem il-miżerja dejjem tikber fl-Amerika Latina, ikkonfermat id-deċiżjoni ta’ Medellín b’għażla miftuħa u profetika b’risq il-foqra u kkwalifikat bħala “dnub soċjali” l-istrutturi ta’ inġustizzja.
91. Il-karità hi qawwa li tibdel ir-realtà, potenza awtentika fl-istorja li tista’ ġġib bidla. Din hi l-għajn li minnha għandu jixrob kull impenn biex “jissewwew il-kawżi strutturali tal-faqar”[91] u biex dan jibda bla telf ta’ żmien. Għaldaqstant nawgura li “jiżdied l-għadd ta’ politiċi li jkollhom il-ħila jidħlu fi djalogu awtentiku li jorjenta ruħu b’mod effikaċi biex ifejjaq l-għeruq profondi u mhux biss l-apparenza tal-ħażen tad-dinja”,[92] għax “dan ifisser li nagħtu widen għall-karba ta’ popli sħaħ, tal-ifqar popli ta’ din l-art”.[93]
92. Għaldaqstant hu doveruż li nkomplu nikkundannaw id-“dittatura ta’ ekonomija li toqtol” u nagħrfu li “waqt li l-ftit dejjem qed jiggwadanjaw iżjed b’mod esaġerat, il-ħafna jsibu ruħhom dejjem aktar imbiegħda mill-ġid ta’ dawn il-ftit li qegħdin sew. Dan l-iżbilanċ ħiereġ minn ideoloġiji li moħħhom kif jiddefendu l-awtonomija assoluta tas-suq u l-ispekulazzjoni finanzjarja. Għalhekk ma jaċċettawx id-dritt tal-kontroll mill-Istati, li xogħolhom hu li jħarsu l-ġid komuni. Hekk titwaqqaf tirannija ġdida li ma tidhirx, xi drabi virtwali, li timponi l-liġijiet u r-regoli tagħha b’mod unilaterali u bla ħniena”.[94] Imqar jekk ma jonqsux diversi teoriji li jippruvaw jiġġustifikaw kif inhuma l-affarijiet bħalissa, jew jispjegaw li r-razzjonalità ekonomika tesiġi minna li nistennew li l-qawwiet inviżibbli tas-suq isolvu kollox huma, id-dinjità ta’ kull persuna umana għandha tiġi rrispettata issa, u mhux għada, u l-qagħda ta’ miżerja ta’ tant persuni li qed jiġu mċaħħda minn din id-dinjità għandha tkun sejħa kontinwa lill-kuxjenza tagħna.
93. Fl-Enċiklika Dilexit nos, il-Papa Franġisku fakkar li d-dnub soċjali jieħu sura bħala “struttura ta’ dnub” fis-soċjetà, li “spiss jagħmel parti minn mentalità dominanti li tqis normali jew razzjonali dak li fir-realtà hu biss egoiżmu u indifferenza. Dan il-fenomenu nistgħu nsejħulu aljenazzjoni soċjali”.[95] Issir ħaġa normali li wieħed jinjora lill-foqra u jgħix bħallikieku ma kinux jeżistu. Tiġi ppreżentata bħala l-għażla raġonevoli dik li norganizzaw l-ekonomija billi nitolbu mill-poplu ċerti sagrifiċċji, biex nilħqu ċerti skopijiet li jinteressaw lil dawk li għandhom il-poter. Intant għall-foqra jibqgħu biss wegħdiet ta’ “qtar” li jaqa’, sakemm xi kriżi globali ġdida ma treġġagħhomx mill-ġdid għas-sitwazzjoni ta’ qabel. Hi aljenazzjoni vera u proprja dik li twassalna biex insibu biss skużi teoretiċi u ma nfittxux li nsolvu llum il-problemi konkreti ta’ min qed ibati. Dan diġà kien qalu San Ġwanni Pawlu II: “Soċjetà hi aljenata jekk il-forom tagħha ta’ organizzazzjoni soċjali jew ta’ produzzjoni u ta’ konsum, jagħmluha aktar iebsa li tagħti lilha nfisha ħa jkun hemm solidarjetà bejn il-popli”.[96]
94. Jeħtieġ inħabirku dejjem iżjed biex insewwu l-kawżi strutturali tal-faqar. Din hija urġenza li “ma tistax tistenna iżjed, mhux biss minħabba l-esiġenza pragmatika li tfittex ir-riżultati u li ġġib ordni fis-soċjetà, imma għax is-soċjetà hemm bżonn tiġi mfejqa minn marda li qed iddgħajjifha u toħloq biss mistħija fiha u li tista’ biss twassalha għal kriżijiet ġodda. Il-proġetti ta’ għajnuna, li jwieġbu għal kull urġenza li tinqala’, għandhom jitqiesu biss bħala tweġibiet proviżorji”.[97] In-nuqqas ta’ ugwaljanza “hu l-għerq tal-ħażen soċjali kollu”.[98] “Ħafna drabi fil-fatt qed naraw li d-drittijiet umani mhumiex għal kulħadd indaqs”.[99]
95. Jiġri li “fil-mudell attwali ‘ta’ suċċess’ u ‘ta’ ħajja privata’, donnu ma jagħmilx sens li wieħed jinvesti biex dawk li baqgħu lura, id-dgħajfa u dawk li mhumiex imżejnin b’tant talenti, jimxu ’l quddiem fil-ħajja”.[100] Il-mistoqsija li terġa’ titla’ fil-wiċċ hi dejjem l-istess waħda: dawk li għandhom inqas, mhumiex persuni umani? Id-dgħajfa ma għandhomx l-istess dinjità tagħna? Dawk li twieldu b’inqas possibbiltajiet jiswew inqas bħala essri umani, għandhom sempliċiment jillimitaw ruħhom għas-sopravivenza? Mit-tweġiba li nagħtu għal dawn il-mistoqsijiet jiddependi l-valur tas-soċetajiet tagħna u minnha jiddependi wkoll il-futur tagħna. Jew ħa nerġgħu niksbu d-dinjità morali u spiritwali tagħna, jew ħa naqgħu bħal f’bir ta’ ħama. Jekk mhux sa nieqfu ftit biex nibdew nieħdu l-affarijiet bis-serjetà, se nkomplu, b’modi espliċiti jew mistura, “nilleġittimizzaw il-mudell distributtiv li għandna llum, fejn hemm minoranza li temmen li għandha dritt tikkonsma fi proporzjon li qatt ma jista’ jiġi applikat fuq livell universali, għax il-pjaneta bilkemm iż-żibel ta’ konsum bħal dan ma tkun kapaċi żżomm”.[101]
96. Fost il-kwistjonijiet strutturali li wieħed ma jistax jimmaġina li jsolvi minn fuq u li llum qabel għada jitolbu li nieħdu responsabbiltà tagħhom hemm dik tal-postijiet, tal-ispazji, tad-djar, tal-ibliet fejn il-foqra jgħixu u jimxu. Nafuh dan: “Kemm huma sbieħ l-ibliet li jirnexxielhom jirbħu l-isfiduċja li toqtol, u li jagħmlu minn integrazzjoni bħal din fattur ġdid ta’ żvilupp! Kemm huma sbieħ dawk l-ibliet li, anki fid-disinn arkitettoniku tagħhom, huma mimlija bi spazji li jgħaqqdu, joħolqu relazzjoni, jiffavorixxu l-għarfien tal-persuna l-oħra!”.[102] Fl-istess waqt “ma nistgħux ma nqisux l-effetti tat-taħsir ambjentali, tal-mudell ta’ żvilupp tal-lum u tal-kultura tal-iskart fuq il-persuni”.[103] Fil-fatt, “it-tifrik tal-ambjent u dak tas-soċjetà jolqtu b’mod speċjali lid-dgħajfa ta’ din il-pjaneta”.[104]
97. Għaldaqstant, hi ħidma tal-membri kollha tal-Poplu ta’ Alla li jsemmgħu, imqar jekk bl-aktar modi differenti, leħen li jqanqal, li jikkundanna, li jesponi ruħu mqar jekk hemm ir-riskju li nidhru “stupidi”. L-istrutturi ta’ inġustizzja għandna nagħrfuhom u neqirduhom bil-qawwa tat-tajjeb, bil-bidla fil-mentalitajiet, imma wkoll, bl-għajnuna tax-xjenzi u tat-teknoloġija, bl-iżvilupp ta’ politika effikaċi fit-trasformazzjoni tas-soċjetà. Irridu nfakkru dejjem li l-proposta tal-Vanġelu mhijiex biss dik ta’ relazzjoni individwali u intima mal-Mulej. Il-proposta hi usa’ minn hekk: “Hi s-Saltna ta’ Alla (Lq 4:43); hawn qed nitkellem dwar l-imħabba lejn Alla li jsaltan fid-dinja. Skont kemm hu jsaltan fostna, il-ħajja soċjali ssir spazju ta’ fraternità, ta’ ġustizzja, ta’ paċi, ta’ dinjità għal kulħadd. Għalhekk, sew it-tħabbira u sew l-esperjenza Nisranija għandhom l-għan li jqanqlu konsegwenzi soċjali. Infittxu s-Saltna tiegħu”.[105]
98. Fl-aħħar nett, dokument li għall-bidu ma ġiex milqugħ tajjeb minn kulħadd, joffrilna riflessjoni dejjem attwali: “Id-difensuri tal-‘ortodossija’ huma xi kultant imċanfra minn passività, minn tolleranza jew minn kompliċità ħatja fil-konfront tas-sitwazzjonijiet intollerabbli ta’ inġustizzja u ta’ reġimi politiċi li jżommu ħajja dawn is-sitwazzjonijiet. Hemm bżonn min-naħa ta’ kulħadd, u speċjalment min-naħa tar-ragħajja u ta’ dawk responsabbli, il-konverżjoni spiritwali, l-intensità tal-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu, iż-żelu għall-ġustizzja u l-paċi, is-sens evanġeliku tal-foqra u tal-faqar. Il-preokkupazzjoni għas-safa tal-fidi ma għandhiex tkun maqtugħa mill-preokkupazzjoni li nagħtu, permezz ta’ ħajja teologali integrali, it-tweġiba ta’ xhieda effikaċi ta’ qadi lill-proxxmu, u b’mod għalkollox partikulari lill-fqir u lill-magħkus”.[106]
Il-foqra bħala suġġetti
99. Don fundamentali għall-mixja tal-Knisja universali kien id-dixxerniment li għamlet il-Konferenza ta’ Aparecida, li fiha l-Isqfijiet tal-Amerika Latina espliċitaw li l-għażla preferenzjali għall-foqra min-naħa tal-Knisja “hi miktuba fil-fidi Kristoloġika f’Alla li wasal biex ftaqar għalina, biex bil-faqar tiegħu nistagħnu aħna”.[107] Fid-dokument insibu kkuntestwalizzata l-missjoni fis-sitwazzjoni attwali tad-dinja globalizzata bl-iżbilanċi ġodda u drammatiċi tagħha[108] u, fil-messaġġ finali, l-Isqfijiet jiktbu: “Id-differenzi qawwija bejn għonja u foqra jistednuna naħdmu b’impenn akbar biex inkunu dixxipli li kapaċi jaqsmu flimkien il-mejda tal-ħajja, mejda tal-ulied kollha tal-Missier, mejda miftuħa, li tinkludi lil kulħadd, li minnha ma jiġi eskluż ħadd. Għalhekk intennu l-għażla preferenzjali u evanġelika tagħna favur il-foqra”.[109]
100. Fl-istess waqt, id-dokument, huwa u jinżel fil-fond ta’ tema diġà preżenti fil-Konferenzi preċedenti tal-Episkopat tal-Amerika Latina, jisħaq fuq il-ħtieġa li nikkunsidraw il-komunitajiet emarġinati bħala suġġetti li kapaċi joħolqu kultura tagħhom, iktar milli bħala oġġetti ta’ benefiċenza. Dan jimplika li dawn il-komunitajiet għandhom il-jedd li jgħixu l-Vanġelu u jiċċelebraw u jikkomunikaw il-fidi skont il-valur preżenti fil-kulturi tagħhom. L-esperjenza tal-faqar tagħtihom il-kapaċità jagħrfu aspetti tar-realtà li oħrajn ma jirnexxilhomx jaraw, u għalhekk is-soċjetà għandha bżonn tismagħhom. L-istess jgħodd għall-Knisja, li għandha tiżen b’mod pożittiv il-mod “popolari” tagħhom kif jgħixu l-fidi. Test sabiħ tad-Dokument finali ta’ Aparecida jgħinna nirriflettu fuq dan il-punt biex insibu l-atteġġjament it-tajjeb: “Hija biss dik il-qrubija li tagħmilna ħbieb li tippermettilna napprezzaw b’mod profond il-valuri tal-foqra tal-lum, ix-xewqat leġittimi tagħhom u l-mod tagħhom ta’ kif jgħixu l-fidi. […] Jum wara jum, il-foqra jsiru suġġetti ta’ evanġelizzazzjoni u ta’ promozzjoni umana integrali: jedukaw lil uliedhom għall-fidi, jgħixu solidarjetà kontinwa bejn qraba u ġirien, ifittxu l-ħin kollu lil Alla u jagħtu ħajja lill-pellegrinaġġ tal-Knisja. Fid-dawl tal-Vanġelu nagħrfu d-dinjità immensa u l-valur sagru tagħhom f’għajnejn Kristu, fqir bħalhom u eskluż f’nofshom. Minn din l-esperjenza ta’ fedeltà, nistgħu naqsmu magħhom id-difiża tad-drittijiet tagħhom”.[110]
101. Dan kollu jġib miegħu l-preżenza ta’ aspett fl-għażla favur il-foqra li rridu nfakkru l-ħin kollu: fil-fatt, din l-għażla tesiġi minna “attenzjoni għall-ieħor […]. Din l-attenzjoni ta’ mħabba hi l-bidu ta’ tħassib veru għall-persuna tiegħu u rridu nitilqu minnha biex nistgħu nfittxu b’mod effettiv il-ġid tiegħu. Dan jitlob minna li napprezzaw lill-fqir fl-istess tjieba tiegħu, b’dak li hu, bil-kultura tiegħu, bil-mod kif jgħix il-fidi. L-imħabba awtentika dejjem hi kontemplattiva, tagħtina li naqdu lill-ieħor mhux għall-bżonn jew b’vanità, imma għax il-persuna l-oħra hi sabiħa, lil hemm mid-dehra ta’ barra. […] Lill-foqra nistgħu biss inseħbuhom tabilħaqq fil-mixja ta’ ħelsien tagħhom jekk infittxu li nkunu qrib tagħhom tassew bi mħabba”.[111] Għal din ir-raġuni, nixtieq sinċerament nirringrazzja lil dawk kollha li għażlu li jgħixu qalb il-foqra: jiġifieri lil dawk li ma jmorrux jagħmlulhom żjara kull tant u tant, imma li jgħixu magħhom u bħalhom. Din hi għażla li għandha ssib postha fost ix-xejriet l-aktar għolja ta’ ħajja evanġelika.
102. F’din il-perspettiva tidher ċara l-ħtieġa li “lkoll kemm aħna nħallu jevanġelizzawna”[112] lill-foqra, u li lkoll nagħrfu “l-għerf misterjuż li Alla jrid iwasslilna permezz tagħhom”.[113] Peress li kibru fil-prekarjetà estrema, tgħallmu jibqgħu għaddejjin qalb l-aktar kundizzjonijiet iebsa, jafdaw f’Alla biċ-ċertezza li ħadd iżjed ma hu jeħodhom bis-serjetà, u jgħinu lil xulxin fil-mumenti l-aktar mudlama, il-foqra tgħallmu tant ħwejjeġ li huma jgħożżu fis-satra tal-qalb tagħhom. Dawk fostna li ma kellhomx esperjenzi simili, ta’ ħajja b’tant limiti, ċertament għandhom ħafna x’jirċievu minn dik l-għajn ta’ għerf li hi l-esperjenza tal-foqra. Huwa biss jekk inqiegħdu f’relazzjoni bejniethom it-tgergir tagħna u t-tbatijiet u ċaħdiet tagħhom li aħna nistgħu nirċievu ċanfira li tistedinna nissimplifikaw il-ħajja tagħna.
IL-ĦAMES KAPITLU
SFIDA PERMANENTI
103. Għażilt li nfakkar din l-istorja bimillenarja ta’ attenzjoni tal-Knisja lejn il-foqra u mal-foqra biex nuri li hi parti essenzjali tal-mixja bla waqfien tal-Knisja. L-għożża tal-foqra tagħmel parti mit-Tradizzjoni kbira tal-Knisja, bħal fanal ta’ dawl li, mill-Vanġelu ’l quddiem, dawwal il-qlub u l-passi tal-Insara ta’ kull żmien. Għalhekk, irridu nħossu l-urġenza li nistiednu lil kulħadd biex jidħlu huma wkoll jagħmlu parti minn din ix-xmara ta’ dawl u ta’ ħajja li ġejja mill-għarfien ta’ Kristu fil-wiċċ ta’ dawk li huma fil-bżonn u ta’ min qed ibati. L-imħabba għall-foqra hija element essenzjali tal-istorja ta’ Alla magħna u, mill-istess qalb tal-Knisja, toħroġ bħala sejħa kontinwa lill-qlub ta’ dawk li jemmnu, kemm tal-komunitajiet u kemm tal-fidili individwali. Bħala Ġisem ta’ Kristu, il-Knisja tħoss bħala “laħamha” stess il-ħajja tal-foqra, li huma parti pprivileġġjata tal-poplu li jinsab f’mixja. Għalhekk l-imħabba lejn dawk li huma foqra – jidher kif jidher dan il-faqar – hija l-garanzija evanġelika ta’ Knisja fidila lejn il-qalb ta’ Alla. Fil-fatt, kull tiġdid ekkleżjali dejjem kellu fost il-prijoritajiet tiegħu din l-attenzjoni preferenzjali għall-foqra, li hi differenti, kemm fil-motivazzjonijiet u kemm fl-istil, mill-attività ta’ kull organizzazzjoni umanitarja oħra.
104. In-Nisrani ma jistax iqis il-foqra biss bħala problema soċjali: huma “kwistjoni familjari”. Huma “tagħna”. Ir-relazzjoni magħhom ma tistax tirriduċi ruħha għal attività jew għal uffiċċju tal-Knisja. Kif tgħallem il-Konferenza ta’ Aparecida, “aħna mitluba niddedikaw ħin għall-foqra, nagħtuhom attenzjoni kollha mħabba, nisimgħuhom b’interess, inseħbuhom fil-mumenti diffiċli, nagħżluhom biex naqsmu magħhom sigħat, ġimgħat jew snin tal-ħajja tagħna, u nfittxu, ibda minnhom, it-trasformazzjoni tal-qagħda tagħhom. Ma nistgħux ninsew li Ġesù nnifsu ppropona dan bil-mod tiegħu ta’ kif ġab ruħu u bi kliemu”.[114]
Mill-ġdid is-Samaritan it-tajjeb
105. Il-kultura dominanti tal-bidu ta’ dan il-millennju tridna nabbandunaw il-foqra għad-destin tagħhom, ma nqisuhomx denji tal-attenzjoni u wisq inqas tal-apprezzament tagħna. Fl-Enċiklika Fratelli tutti l-Papa Franġisku stedinna nirriflettu fuq il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb (ara Lq 10:25-37), proprju biex ninżlu aktar fil-fond ta’ dan il-punt. Fil-fatt, fil-parabbola naraw li, quddiem dak ir-raġel midrub u abbandunat fit-triq, dawk li kienu jgħaddu kellhom atteġġjamenti differenti. Is-Samaritan it-tajjeb biss jieħu ħsiebu. Allura terġa’ titla’ fil-wiċċ il-mistoqsija li tisfida lil kull wieħed u waħda minna direttament: “Ma’ min tidentifika ruħek? Din hi mistoqsija iebsa, diretta u deċiżiva. Int lil min minnhom tixbah? Jeħtieġ nagħrfu t-tentazzjoni li għandna madwarna li ma nagħtux kas tal-oħrajn, speċjalment tal-iżjed dgħajfa. Ejjew ngħiduha kif inhi, kbirna f’tant aspetti imma bqajna analfabeti f’li nsieħbu, nikkuraw u nwieżnu lill-iżjed dgħajfa tas-soċjetajiet żviluppati tagħna. Drajna ndawru wiċċna n-naħa l-oħra, ngħaddu minn maġenb dak li jkun, ninjoraw is-sitwazzjonijiet sakemm dawn ma jmissuniex fil-laħam il-ħaj”.[115]
106. U jagħmlilna tant ġid jekk niskopru li dik ix-xena tas-Samaritan it-tajjeb qed tirripeti ruħha llum ukoll. Niftakru f’sitwazzjoni ta’ żminijietna: “Meta niltaqa’ ma’ persuna li qed torqod barra fil-maltemp, f’lejla kiesħa, nista’ nħoss li dan il-barrani hu imprevist ta’ xkiel għalija, delinkwent mitluq, tfixkil fil-mixja tiegħi, xewka li tniggeż il-kuxjenza tiegħi, problema li l-politiċi għandhom isolvu, u forsi wkoll żibel li qed iħammeġ l-ispazju pubbliku. Inkella nista’ nirreaġixxi billi nitlaq mill-fidi u mill-karità u nagħraf f’dik il-persuna essri uman bl-istess dinjità tiegħi, ħlejqa maħbuba bla tarf mill-Missier, xbieha ta’ Alla, ħija jew oħti mifdija minn Kristu. Hekk ifisser tkun Nisrani! Jew forsi nistgħu nifhmu l-qdusija lil hemm minn dan l-għarfien ħaj tad-dinjità ta’ kull bniedem?”.[116] X’għamel is-Samaritan it-tajjeb?
107. Il-mistoqsija ssir urġenti għax tgħinna nintebħu b’nuqqas gravi fis-soċjetajiet tagħna u anki fil-komunitajiet Insara tagħna. Il-fatt hu li tant xejriet ta’ indifferenza li nsibu llum “huma sinjali ta’ stil ta’ ħajja mifrux sew, li jidher b’diversi modi, forsi iżjed sottili. Barra dan, billi lkoll kemm aħna kkonċentrati ħafna fuq il-ħtiġijiet tagħna, meta naraw xi ħadd qed ibati, dan jagħtina fastidju, jiddisturbana, għax ma rridux naħlu ħin minħabba fil-problemi ta’ ħaddieħor. Dawn huma sintomi ta’ soċjetà marida, għax qed taspira li tibni lilha nfisha billi tagħti daharha lit-tbatija. Aħjar ma naqgħux f’din il-miżerja. Ejjew inħarsu lejn ix-xempju tas-Samaritan it-tajjeb”.[117] L-aħħar kelmiet tal-parabbola evanġelika – “Mur, u agħmel hekk int ukoll” (Lq 10:37) – huma kmand li n-Nisrani għandu jisma’ jidwi ta’ kuljum fil-qalb tiegħu.
Sfida li l-Knisja llum ma tistax taħrab minnha
108. Fi żmien partikularment diffiċli għall-Knisja ta’ Ruma, meta l-istituzzjonijiet imperjali kienu qed jiġġarrfu taħt il-pressjoni tal-Barbari, il-Papa San Girgor il-Kbir wissa lill-fidili tiegħu b’dan il-kliem: “Ta’ kuljum nistgħu nsibu lil Lazzru, jekk infittxuh, u ta’ kuljum naħbtu fih, anki mingħajr biss infittxuh. Il-foqra jidhru quddiemna anki b’mod li jdejjaqna u jitolbuna xi ħaġa, huma li jum wieħed għad ikunu jistgħu jinterċedu għalina. […] Mela taħlux l-okkażjonijiet li timxu bil-ħniena u twarrbux milli tirrikorru għar-rimedji li minnhom għad tistgħu tgawdu”.[118] Bil-kuraġġ kollu hu sfida l-preġudizzji mxerrda fil-konfront tal-foqra, bħal dak li kien iwaħħal fihom bħala responsabbli għall-istess miżerja tagħhom: “Meta taraw il-foqra jagħmlu xi ħaġa li jkollhom tort għaliha, la tistkerrhuhomx u lanqas tissuspettaw fihom, għax in-nar tal-faqar forsi qed isaffi dak li huma jwettqu u jneħħi l-ħtijiet imqar jekk ħfief ħafna”.[119] Mhux darba u tnejn il-ġid jagħmina, sal-punt li naħsbu li l-kuntentizza tagħna tista’ sseħħ biss jekk jirnexxilna ngħaddu mingħajr l-oħrajn. F’dan, il-foqra jistgħu jkunu għalina bħal imgħallma siekta, li jerġgħu jwasslu l-kburija tagħna u l-arroganza tagħna għal umiltà ġusta.
109. Jekk hu minnu li l-foqra jiġu mwieżna minn min jiflaħ ekonomikament, nistgħu ngħidu b’ċertezza anki l-oppost ta’ dan. Din hi esperjenza sorprendenti li tagħti xhieda tagħha t-tradizzjoni Nisranija u li ssir żvolta vera u proprja fil-ħajja personali tagħna, meta nintebħu li huma sewwasew il-foqra li jevanġelizzawna. B’liema mod? Fis-skiet tal-qagħda tagħhom, huma jqegħduna quddiem id-dgħufija tagħna. L-anzjan, ngħidu aħna, bid-dgħufija ta’ ġismu, ifakkarna fil-vulnerabbiltà tagħna, imqar jekk aħna nippruvaw naħbuha wara l-ġid jew id-dehra. Barra minn hekk, il-foqra jgħinuna nirriflettu fuq l-inkonsistenza ta’ dik il-kburija aggressiva li biha spiss naffrontaw id-diffikultajiet tal-ħajja. Sostanzjalment, huma jikxfu l-prekarjetà tagħna u l-vojt ta’ ħajja apparentement protetta u sigura. Dwar dan, nisimgħu mill-ġdid lil San Girgor il-Kbir: “Ħadd, mela, ma għandu jħossu fiż-żgur u jgħid: jiena ma jien nisraq lil ħadd, għax nillimita ruħi biss li nuża l-ġid li ngħatali skont il-ġustizzja. Fil-fatt, l-għani [tal-parabbola] ma ġiex ikkastigat għax ried għalih il-ġid ta’ ħaddieħor, imma għax ittraskura lilu nnifsu wara li rċieva tant għana. Il-kundanna tiegħu għall-infern kienet iddeterminata mill-fatt li fil-hena hu ma żammx ħaj fih is-sentiment tal-biża’, sar arroganti minħabba d-doni li rċieva, ma kellu ebda sentiment ta’ mogħdrija”.[120]
110. Għalina l-Insara, il-kwistjoni tal-foqra teħodna għall-essenzjal tal-fidi tagħna. L-għażla preferenzjali favur il-foqra, jew aħjar, l-imħabba tal-Knisja lejhom, kif għallem San Ġwanni Pawlu II, “mingħajrha l-Knisja ma tistax tgħaddi u [li] hi parti mit-tradizzjoni tagħha ta’ dejjem, iġġiegħelha tħares b’attenzjoni kbira lejn dinja, fejn il-faqar qiegħed jhedded li jikber fuq li jikber u jsir xi ħaġa tassew tal-biża’, minkejja l-progress tekniku-ekonomiku li hemm”.[121] Ir-realtà hi li għall-Insara l-foqra ma humiex kategorija soċjoloġika, imma l-istess ġisem ta’ Kristu. Fil-fatt, mhux biżżejjed tesponi b’mod ġenerali d-duttrina tal-inkarnazzjoni ta’ Alla; imma biex tidħol tassew f’dan il-misteru, trid tispeċifika li l-Mulej ħa l-ġisem li jagħtih il-ġuħ, li jimrad, li jispiċċa l-ħabs. “Knisja fqira għall-foqra tibda billi timxi lejn il-ġisem ta’ Kristu. Jekk immorru ħdejn il-ġisem ta’ Kristu, aħna nibdew nifhmu xi ħaġa, nifhmu x’inhu dan il-faqar tal-Mulej. U din mhix ħaġa ħafifa”.[122]
111. Il-qalb tal-Knisja, mill-istess natura tagħha, hi solidali ma’ dawk li huma foqra, esklużi u emarġinati, ma’ dawk li huma meqjusa “skart” tas-soċjetà. Il-foqra huma fil-qalba nfisha tal-Knisja, għax “mill-fidi tagħna fi Kristu li sar fqir, u kien dejjem qrib tal-foqra u l-imwarrbin, tiġi l-għożża tagħna għall-iżvilupp sħiħ ta’ dawk l-aktar imwarrbin mis-soċjetà”.[123] Fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda mill-fidili hemm “il-ħtieġa li tisma’ din il-karba ġejja mill-istess ħidma ħelliesa tal-grazzja li hemm f’kull wieħed u waħda minna, fejn għalhekk m’aħniex nitkellmu dwar missjoni riservata biss għal xi wħud”.[124]
112. Xi drabi naraw f’xi moviment jew gruppi Nsara n-nuqqas jew saħansitra l-assenza tal-impenn għall-ġid komuni tas-soċjetà, b’mod partikulari, għall-ħarsien u l-promozzjoni ta’ dawk l-aktar dgħajfa u żvantaġġati. Dwar dan, irridu niftakru li r-reliġjon, speċjalment dik Nisranja, ma tistax tkun limitata għall-qasam privat, bħallikieku l-fidili ma għandux ikollhom għal qalbhom ukoll problemi li jolqtu s-soċjetà ċivili u l-ġrajjiet li jinteressaw liċ-ċittadini.[125]
113. Fir-realtà, “kull komunità tal-Knisja, jekk b’xi mod tippretendi li tista’ toqgħod bi kwietha bla ma tfittex mod kreattiv kif tagħti kas u tħabrek bi frott biex il-foqra jgħixu b’dinjità u biex kulħadd iħossu inkluż, tkun qed tirriskja wkoll li tiġi fix-xejn, anki jekk titkellem fuq temi soċjali jew tikkritika l-gvernijiet. Ma ddumx wisq biex tinbela’ fil-mondanità spiritwali, moħbija taħt il-qoxra ta’ prattiċi reliġjużi, b’ħafna laqgħat li ma jħallux frott u b’ħafna diskors fil-vojt”.[126]
114. Ma aħniex nitkellmu biss fuq l-assistenza u fuq l-impenn meħtieġ b’risq il-ġustizzja. Dawk li jemmnu għandhom jiftħu għajnejhom għal bixra oħra ta’ inkoerenza fil-konfronti tal-foqra. Fil-verità, “l-agħar diskriminazzjoni li qed issir mal-foqra hi n-nuqqas ta’ attenzjoni spiritwali […]. L-għażla preferenzjali favur il-foqra għandha tittraduċi ruħha prinċipalment f’attenzjoni reliġjuża pprivileġġjata, u din tiġi qabel kollox”.[127] Madankollu, din l-attenzjoni spiritwali għall-foqra tispiċċa ppruvata minn ċerti preġudizzji, anki min-naħa ta’ Nsara, għax inħossuna iktar komdi mingħajr il-foqra mas-saqajn. Hemm min qed ikompli jgħid: “Xogħolna hu li nitolbu u li ngħallmu d-duttrina vera”. Imma, waqt li jifirdu dan l-aspett reliġjuż minn mal-promozzjoni integrali, huma jżidu li l-gvern waħdu għandu jieħu ħsiebhom, jew li aħjar wieħed iħallihom fil-miżerja tagħhom, u pjuttost jgħallimhom jaħdmu. Xi drabi, imma, jintgħażlu kriterji psewdoxjentifiċi biex jingħad li l-libertà tas-suq sejra ħabta u sabta ġġib soluzzjoni għall-problema tal-faqar. Jew, saħansitra, issir għażla ta’ pastorali tal-hekk imsejħa élite, bl-argument li, flok wieħed jaħli ħinu mal-foqra, aħjar jieħu ħsieb tal-għonja, tas-setgħanin u tal-professjonisti, biex hekk, permezz tagħhom, jistgħu jintlaħqu soluzzjonijiet iżjed effikaċi. Faċli wieħed jagħraf il-mondanità li hemm moħbija wara dawn il-fehmiet: dawn iwassluna biex inħarsu lejn ir-realtà bi kriterji superfiċjali u nieqsa minn kull dawl sopranaturali, u nipprivileġġjaw frekwentazzjonijiet li jagħtuna sigurtà u nfittxu privileġġi li jakkomodawna.
Illum ukoll, nagħtu
115. Tajjeb li wieħed jgħid kelma tal-aħħar fuq l-elemożina, li llum ma għadx għandha fama tajba, spiss lanqas fost min jemmen. Mhux biss rarament tiġi pprattikata, imma xi drabi saħansitra hi mistkerrha. Minn naħa, intenni li l-għajnuna l-aktar importanti għal persuna fqira hi li ngħinuha ssib xogħol tajjeb, biex jista’ jkollha għajxien li jaqbel aktar mad-dinjità tagħha billi tiżviluppa l-ħiliet tagħha u toffri l-isforz personali tagħha. Il-fatt hu li “n-nuqqas ta’ xogħol hu ħafna iktar min-nuqqas ta’ sors ta’ dħul għall-għajxien. Ix-xogħol hu dan ukoll, imma hu ħafna, ħafna aktar minn hekk. Meta naħdmu, insiru iktar persuna, l-umanità tagħna twarrad, iż-żgħażagħ isiru adulti biss jekk jaħdmu. Id-Duttrina Soċjali tal-Knisja dejjem rat ix-xogħol tal-bniedem bħala sehem fil-ħolqien li jissokta ta’ kuljum, anki grazzi għall-idejn, għall-moħħ u għall-qalb tal-ħaddiema”.[128] Min-naħa l-oħra, jekk għad ma hemmx din il-possibbiltà konkreta, ma rridux nirriskjaw li nħallu persuna abbandunata għax-xorti tagħha, mingħajr dak li hu indispensabbli biex tgħix b’dinjità. U għalhekk l-elemożina tibqa’ mument meħtieġ ta’ kuntatt, ta’ laqgħa u ta’ twaħħid mal-qagħda ta’ ħaddieħor.
116. Huwa evidenti, għal min iħobb tassew, li l-elemożina ma teħlisx lill-awtoritajiet kompetenti mir-responsabbiltajiet tagħhom, lanqas telimina l-impenn organizzattiv tal-istituzzjonijiet, u lanqas tieħu post it-taqbida leġittima għall-ġustizzja. Imma hi tistedinna tal-inqas biex nieqfu u niltaqgħu mal-persuna fqira wiċċ imb wiċċ, immissuha u naqsmu magħha xi ħaġa minn tagħna. Hu x’inhu, l-elemożina, imqar jekk żgħira, timla bil-pietas ħajja soċjali fejn kulħadd ħsiebu fl-interess personali tiegħu. Jgħid il-Ktieb tal-Proverbji: “Min hu qalbu tajba jkun imbierek, għax hu jaqsam ħobżu ma’ min hu fqir” (Prov 22:9).
117. Kemm it-Testment il-Qadim u kemm il-Ġdid għandhom innijiet veri u proprji ddedikati lill-elemożina: “Madankollu, lill-magħkus ħudu bis-sabar, u tħallihx jistenna għall-karità. […] Agħlaq il-karità fl-imħażen tiegħek, u hi teħilsek minn kull hemm” (Sir 29:8,12). U Ġesù jerġa’ jaqbad dan it-tagħlim: “Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema” (Lq 12:33).
118. Din l-eżortazzjoni kienet attribwita lil San Ġwann Kriżostmu: “L-elemożina hi l-ġewnaħ tat-talb. Jekk lit-talb tiegħek ma żżidlux ġewnaħ, kemm kemm ikun jiflaħ itir”.[129] U San Girgor Nazjanzenu għalaq l-orazzjoni ċelebri tiegħu b’dawn il-kelmiet: “Mela jekk tagħtuni widen, o qaddejja ta’ Kristu, ħuti u werrieta miegħi, sa ma jasal il-waqt ejjew inżuru lil Kristu, indewwu lil Kristu, nitimgħu lil Kristu, inlibbsu lil Kristu, nilqgħu lil Kristu, inweġġħu lil Kristu: mhux biss b’mejda, bħal xi wħud, mhux biss bil-fwejjaħ, bħal Marija; mhux biss b’qabar, bħal Ġużeppi ta’ Arimatija; mhux biss b’dawk ir-riti li jmissu mad-difna, bħal Nikodemu, li lil Kristu ħabbu biss biċċa; mhux biss bid-deheb, l-inċens u l-mirra, bħall-Maġi; imma billi l-Mulej ħniena jrid u mhux sagrifiċċju […], din noffrulu fil-foqra, biex meta nitilqu minn hawn isfel, jilqgħuna huma fl-għamajjar dejjiema”.[130]
119. L-imħabba u l-konvinzjonijiet l-aktar profondi għandna nsaħħuhom, u dan nagħmluh bil-ġesti. Jekk nibqgħu fid-dinja tal-ideat u tad-diskussjonijiet, mingħajr ġesti personali, spissi u mill-qalb, din tkun il-qerda tal-ħolm l-aktar prezzjuż tagħna. Għal din is-sempliċi raġuni bħala Nsara ma għandniex inwarrbu l-elemożina. Ġest li jista’ jsir b’bosta modi, u li nistgħu nippruvaw nagħmluh bl-aktar mod effikaċi, imma rridu nagħmluh. U dejjem aħjar li nagħmlu xi ħaġa milli ma nagħmlu xejn. Ikun xi jkun, se jmissilna qalbna. Mhux sa jkun is-soluzzjoni għall-faqar tad-dinja, li rridu nfittxuha b’intelliġenza, determinazzjoni, impenn soċjali. Imma aħna għandna bżonn li nitħarrġu fl-elemożina biex immissu l-ġisem batut tal-foqra.
120. L-imħabba Nisranija tegħleb kull ħajt, tqarreb lill-imbiegħda, toħloq rabta komuni bejn il-barranin, tagħmel familjari lill-għedewwa, taqsam l-abbissi li umanament wieħed ma jistax jegħleb, tidħol fix-xquq l-aktar moħbija tas-soċjetà. Min-natura tagħha, l-imħabba Nisranija hi profetika, twettaq mirakli, ma għandhiex limiti: qiegħda hemm għall-impossibbli. L-imħabba hi fuq kollox mod kif inħarsu lejn il-ħajja, mod kif ngħixuha. Għalhekk, Knisja li ma tpoġġix limiti lill-imħabba, li ma tafx b’għedewwa x’tiġġieled, imma biss bi rġiel u nisa xi tħobb, hija l-Knisja li tagħha d-dinja llum għandha bżonn.
121. Kemm permezz tal-ħidma tagħkom, kemm permezz tal-impenn tagħkom biex tibdlu l-istrutturi soċjali inġusti, kemm permezz ta’ dak il-ġest ta’ għajnuna sempliċi, ħafna personali u fil-qrib, dak il-fqir ikun jista’ jisma’ dawk il-kelmiet ta’ Ġesù jingħadu lilu: “Jiena lilek ħabbejtek” (Apok 3:9).
Mogħtija Ruma, f’San Pietru, fl-4 ta’ Ottubru, Festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi, tas-sena 2025, l-ewwel waħda tal-Pontifikat tiegħi.
LJUN PP. XIV
Miġjuba għall-Malti minn Francesco Pio Attard
[1] Franġisku, Ittra enċiklika Dilexit nos (24 ta’ Ottubru 2024), 170: AAS 116 (2024), 1422.
[2] Ibid., 171: AAS 116 (2024), 1422-1423.
[3] Ibid., Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate (19 ta’ Marzu 2018), 96: AAS 110 (2018), 1137.
[4] Franġisku, Laqgħa mar-rappreżentanti tal-midja (16 ta’ Marzu 2013): AAS 105 (2013), 381.
[5] J. Bergoglio–A. Skorka, Sobre el cielo y la tierra, Buenos Aires 2013, 214 .
[6] San Pawlu VI, Omelija fil-Quddiesa fl-okkażjoni tal-aħħar sessjoni pubblika tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II (7 ta’ Diċembru 1965): AAS 58 (1966), 55-56.
[7] Ara Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 187: AAS 105 (2013), 1098.
[8] Ibid., 212: AAS 105 (2013), 1108.
[9] Ibid., Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 23: AAS 112 (2020), 977.
[10] Ibid., 21: AAS 112 (2020), 976.
[11] Kusill tal-Komunitajiet Ewropej, Deċiżjoni (85/8/CEE) dwar azzjoni speċifika komunitarja ta’ ġlieda kontra l-faqar (19 ta’ Diċembru 1984), art. 1, par. 2: Gazzetta ufficiale delle Comunità Europee, N. L 2/24.
[12] Ara San Ġwanni Pawlu II, Katekeżi (27 ta’ Ottubru 1999): L’Osservatore Romano, 28 ottobre 1999, 4.
[13] Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 197: AAS 105 (2013), 1102.
[14] Ara ibid., Messaġġ għall-V Jum Dinji tal-Foqra (13 ta’ Ġunju 2021), 3: AAS 113 (2021), 691: “Ġesù mhux biss jinsab fuq in-naħa tal-foqra, imma jaqsam fl-istess xorti tagħhom. Din hi tagħlima qawwija anki għad-dixxipli tiegħu f’kull żmien”.
[15] Ibid., Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 186: AAS 105 (2013), 1098.
[16] Ibid., Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate (19 ta’ Marzu 2018), 95: AAS 110 (2018), 1137.
[17] Ibid., 97: AAS 110 (2018), 1137.
[18] Ibid., Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 194: AAS 105 (2013), 1101.
[19] Franġisku, Laqgħa mar-rappreżentanti tal-midja (16 ta’ Marzu 2013): AAS 105 (2013), 381.
[20] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 8.
[21] Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 48: AAS 105 (2013), 1040.
[22] F’dan il-kapitlu qed nipproponu xi wħud minn dawn l-eżempji ta’ qdusija, mingħajr pretensjoni li jkopru kollox, imma pjuttost li jindikaw dik l-għożża għall-foqra li dejjem ikkaratterizzat il-preżenza tal-Knisja fid-dinja. Riflessjoni approfondita fuq l-istorja ta’ din l-attenzjoni għal dawk l-aktar fil-bżonn tinstab fil-ktieb ta’ V. Paglia, Storia della povertà, Milano 2014.
[23] Ara Sant’Ambroġ, De officiis ministrorum I, kap. 41, 205-206: CCSL 15, Turnhout 2000, 76-77; II, kap. 28, 140-143: CCSL 15, 148-149.
[24] Ibid., II, kap. 28, 140: CCSL 15, 148.
[25]Ibid.
[26] Ibid. II, kap. 28, 142: CCSL 15, 148.
[27] Sant’Injazju ta’ Antjokja, Epistula ad Smyrnaeos, 6, 2: SCh 10bis, Parigi 2007, 136-138.
[28] San Polikarpu, Epistula ad Philippenses, 6, 1: SCh 10bis, 186.
[29] San Ġustinu, Apologia prima, 67, 6-7: SCh 507, Parigi 2006, 310.
[30] San Ġwann Kriżostmu, Homiliæ in Matthaeum, 50, 3: PG 58, Parigi 1862, 508.
[31] Ibid., 50, 4: PG 58, 509.
[32] Ibid., Homilia in Epistula ad Hebraeos 11, 3: PG 63, Parigi 1862, 94.
[33] Ibid., Homilia II De Lazaro, 6: PG 48, Parigi 1862, 992.
[34] Sant’Ambroġ, De Nabuthae, 12, 53: CSEL 32/2, Praga-Vienna-Lipsia 1897, 498.
[35] Santu Wistin, Enarrationes in Psalmos, 125, 12: CSEL 95/3, Vienna 2001, 181.
[36] Ibid., Sermo LXXXVI, 5: CCSL 41Ab, Turnhout 2019, 411-412.
[37] Psewdo-Wistin, Sermo CCCLXXXVIII, 2: PL 39, Parigi 1862, 1700.
[38] San Ċiprijanu, De mortalitate, 16: CCSL 3A, Turnhout 1976, 25.
[39] Franġisku, Messaġġ għat-XXX Jum Dinji tal-Morda (10 ta’ Diċembru 2021), 3: AAS 114 (2022), 51.
[40] San Kamillu de Lellis, Regoli tal-Kumpanija tas-Servi tal-Morda, 27: M. Vanti (ed.), Scritti di San Camillo de Lellis, Milano 1965, 67.
[41] Santa Luisa de Marillac, Ittra lis-sorijiet Claude Carré u Marie Gaudoin (28 ta’ Novembru 1657): E. Charpy (ed.), Sainte Louise de Marillac. Écrits, Parigi 1983, 576.
[42] San Bażilju l-Kbir, Regulæ fusius tractatæ, 37, 1: PG 31, Parigi 1857, 1009 C-D.
[43] Regula Benedicti, 53, 15: SCh 182, Parigi 1972, 614.
[44] San Ġwanni Kassjanu, Collationes, XIV, 10: CSEL 13, Vienna 2004, 410.
[45] Benedittu XVI, Katekeżi (21 ta’ Ottubru 2009): L’Osservatore Romano, 22 ottobre 2009, 1.
[46] Ara Innoċenz III, Bolla Operante divinæ dispositionis – Regola Primitiva dei Trinitari (17 ta’ Diċembru 1198), 2: J.L. Aurrecoechea–A. Moldón (edd.), Fuentes históricas de la Orden Trinitaria (s. XII-XV), Córdoba 2003, 6: “Il-ġid kollu, li jasal b’mod leġittimu minn kull parti, jiġi maqsum fi tliet partijiet indaqs; u jekk żewġ partijiet ikunu biżżejjed, bihom jitwettqu għemejjel ta’ ħniena, flimkien mas-sosteniment moderat ta’ dak li jkun u ta’ dawk li jkunu jgħinu fil-ħtiġijiet tad-dar. Min-naħa l-oħra, it-tielet parti tinżamm għall-fidwa tal-priġunieri minħabba l-fidi tagħhom fi Kristu”.
[47] Ara Kostituzzjonijiet tal-Ordni tal-Merċedarji, n. 14: Orden de la Bienaventurada Virgen María de la Merced, Regla y Constituciones, Roma 2014, 53: “Biex inwettqu din il-missjoni, imqanqla mill-karità, nikkonsagraw ruħna lil Alla b’vot partikulari, imsejjaħ tal-Fidwa, li bih inwiegħdu li nagħtu ħajjitna, jekk hemm bżonn, bħalma Kristu taha għalina, biex insalvaw lill-Insara li jinsabu fil-periklu estrem li jitilfu l-fidi tagħhom fl-għamliet ġodda ta’ jasar”.
[48] Ara San Ġwann Battista tal-Kunċizzjoni, La regla de la Orden de la Santísima Trinidad, XX, 1: BAC Maior 60, Madrid 1999, 90: “F’dan il-foqra u l-priġunieri huma bħal Kristu, li fuqu hu mixħut in-niket tad-dinja […]. Dan l-Ordni mqaddes tat-Trinità Qaddisa jsejħilhom u jistedinhom biex jiġi jixorbu mill-ilma tas-Salvatur, li jfisser li, jekk Kristu mdendel mas-salib kien fidwa u salvazzjoni għall-bnedmin, l-Ordni ħa din il-fidwa u jrid iqassamha lill-foqra u jsalva u jeħles lill-priġunieri”.
[49] Ara ibid., El recogimiento interior, XL, 4: BAC Maior 48, Madrid 1995, 689: “Ir-rieda ħielsa tagħmel lill-bniedem liberu u sid fost il-ħlejjaq kollha, imma, b’dispjaċir ngħidu, kemm huma dawk li, f’din it-triq, isiru lsiera u priġuniera tax-xitan, imjassra u kkalzrati mill-passjonijiet u l-konkupixxenzi tagħhom!”.
[50] Franġisku, Messaġġ għat-XLVIII Jum Dinji tal-Paċi (8 ta’ Diċembru 2014), 3: AAS 107 (2015), 69.
[51] Ibid., Laqgħa mal-aġenti ta’ Pulizija Penitenzjarja, il-ħabsin u l-voluntiera (Verona, 18 ta’ Mejju 2024): AAS 116 (2024), 766.
[52] Onorju III, Bolla Solet annuere – Regula bullata (29 ta’ Novembru 1223), kap. VI: SCh 285, Parigi 1981, 192.
[53] Ara Girgor IX, Bolla Sicut manifestum est (17 ta’ Settembru 1228), 7: SCh 325, Parigi 1985, 200: “Sicut igitur supplicastis, altissimæ paupertatis propositum vestrum favore apostolico roboramus, auctoritate vobis præsentium indulgentes, ut recipere possessiones a nullo compelli possitis”.
[54] Ara S.C. Tugwell (ed.), Early Dominicans. Selected Writings, Mahwah 1982, 16-19.
[55] Tumas minn Celano, Vita Secunda – pars prima, kap. IV, 8: AnalFranc, 10, Firenze 1941, 135.
[56] Franġisku, Diskors wara ż-żjara fuq il-qabar ta’ Dun Lorenzo Milani (Barbiana, 20 ta’ Ġunju 2017), 2: AAS 109 (2017), 745.
[57] San Ġwanni Pawlu II, Diskors lill-Parteċipanti tal-Kapitlu Ġenerali tal-Kjeriċi Regolari Foqra tal-Omm ta’ Alla tal-Iskejjel Piji (Scolopi) (5 ta’ Lulju 1997), 2: L’Osservatore Romano, 6 luglio 1997, 5.
[58] Ibid.
[59] Ibid., Omelija fil-Quddiesa tal-kanonizzazzjoni (18 ta’ April 1999): AAS 91 (1999), 930.
[60] Ara ibid., Ittra Iuvenum Patris (31 ta’ Jannar 1988), 9: AAS 80 (1988), 976.
[61] Ara Franġisku, Diskors lill-parteċipanti tal-Kapitlu Ġenerali tal-Istitut tal-Karità (Rosminjani) (1 ta’ Ottubru 2018): L’Osservatore Romano, 1-2 ottobre 2018, 7.
[62] Ibid., Omelija fil-Quddiesa tal-kanonizzazzjoni (9 ta’ Ottubru 2022): AAS 114 (2022), 1338.
[63] San Ġwanni Pawlu II, Messaġġ lill-Kongregazzjoni tal-Missjunarji tal-Qalb Imqaddsa (31 ta’ Mejju 2000), 3: L’Osservatore Romano, 16 luglio 2000, 5.
[64] Ara Piju XII, Brevi appostoliku Superiore Iam Ætate (8 ta’ Settembru 1950): AAS 43 (1951), 455-456.
[65] Franġisku, Messaġġ għall-105 Jum Dinji tal-Migrant u r-Rifuġjat (27 ta’ Mejju 2019): AAS 111 (2019), 911.
[66] Ibid., Messaġġ għall-100 Jum Dinji tal-Migrant u r-Rifuġjat (5 ta’ Awwissu 2013): AAS 105 (2013), 930.
[67] Santa Tereża ta’ Kalkutta, Diskors fl-okkażjoni tal-għoti tal-Premju Nobel għall-Paċi (Oslo, 10 ta’ Diċembru 1979): Ibid., Aimer jusqu’à en avoir mal, Lione 2017, 19-20.
[68] San Ġwanni Pawlu II, Diskors lill-pellegrini li marru Ruma għall-beatifikazzjoni ta’ Madre Tereża ta’ Kalkutta (20 ta’ Ottubru 2003), 3: L’Osservatore Romano, 20-21 ottobre 2003, 10.
[69] Franġisku, Omelija fil-Quddiesa tal-kanonizzazzjoni (13 ta’ Ottubru 2019): AAS 111 (2019), 1712.
[70] San Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika Novo millennio ineunte (6 ta’ Jannar 2001), 49: AAS 93 (2001), 302.
[71] Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Christus vivit (25 ta’ Marzu 2019), 231: AAS 111 (2019), 458.
[72] Ibid., Diskors lill-parteċipanti fil-Laqgħa dinjija tal-movimenti popolari (28 ta’ Ottubru 2014): AAS 106 (2014), 851-852.
[73] Ibid.: AAS 106 (2014), 859.
[74] Ibid., Diskors lill-parteċipanti fil-Laqgħa dinjija tal-movimenti popolari (5 ta’ Novembru 2016): L’Osservatore Romano, 7-8 novembre 2016, 5.
[75] Ibid.
[76] San Ġwanni XXIII, Radjumessaġġ lill-fidili kollha tad-dinja xahar wara l-ftuħ tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II (11 ta’ Settembru 1962): AAS 54 (1962), 682.
[77] G. Lercaro, Intervent fil-XXXV Kongregazzjoni Ġenerali tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II (6 ta’ Diċembru 1962), 2: AS I/IV, 327-328.
[78] Ibid., 4: AS I/IV, 329.
[79] Istituto per le Scienze Religiose (ed.), Per la forza dello Spirito. Discorsi conciliari del Card. Giacomo Lercaro, Bologna 1984, 115.
[80] San Pawlu VI, Allokuzzjoni fl-inawgurazzjoni solenni tat-II Sessjoni tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II (29 ta’ Settembru 1963): AAS 55 (1963), 857.
[81] Ibid., Katekeżi (11 ta’ Novembru 1964): Insegnamenti di Paolo VI, II (1964), 984.
[82] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 69, 71.
[83] San Pawlu VI, Ittra enċiklika Populorum progressio (26 ta’ Marzu 1967), 23: AAS 59 (1967), 269.
[84] Ara ibid., 4: AAS 59 (1967), 259.
[85] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Sollicitudo rei socialis (30 ta’ Diċembru 1987), 42: AAS 80 (1988), 572.
[86] Ibid.: AAS 80 (1988), 573.
[87] Ibid., Ittra enċiklika Laborem exercens (14 ta’ Settembru 1981), 3: AAS 73 (1981), 584.
[88] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 7: AAS 101 (2009), 645.
[89] Ibid., 27: AAS 101 (2009), 661.
[90] It-II Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina, Dokument ta’ Medellín (24 ta’ Ottubru 1968), 14, n. 7: CELAM, Medellín. Conclusiones, Lima 2005, 131-132.
[91] Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 202: AAS 105 (2013), 1105.
[92] Ibid., 205: AAS 105 (2013), 1106.
[93] Ibid., 190: AAS 105 (2013), 1099.
[94] Ibid., 56: AAS 105 (2013), 1043.
[95] Ibid., Ittra enċiklika Dilexit nos (24 ta’ Ottubru 2024), 183: AAS 116 (2024), 1427.
[96] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 41: AAS 83 (1991), 844-845.
[97] Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 202: AAS 105 (2013), 1105.
[98] Ibid.
[99] Ibid., Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 22: AAS 112 (2020), 976.
[100] Ibid., Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 209: AAS 105 (2013), 1107.
[101] Ibid., Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 50: AAS 107 (2015), 866.
[102] Ibid., Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 210: AAS 105 (2013), 1107.
[103] Ibid., Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 43: AAS 107 (2015), 863.
[104] Ibid., 48: AAS 107 (2015), 865.
[105] Ibid., Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 180: AAS 105 (2013), 1095.
[106] Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Istruzzjoni fuq xi aspetti tat-“Teoloġija tal-liberazzjoni” (6 ta’ Awwissu 1984), XI, 18: AAS 76 (1984), 907-908.
[107] Il-V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat Latin-Amerikan u tal-Karribej, Dokument ta’ Aparecida (29 ta’ Ġunju 2007), n. 392, Bogotá 2007, pp. 179-180. Ara Benedittu XVI, Diskors fis-sessjoni inawgurali tal-ħidmiet tal-V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat Latin-Amerikan u tal-Karribej (13 ta’ Mejju 2007), 3: AAS 99 (2007), 450.
[108] Ara l-V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat Latin-Amerikan u tal-Karribej, Dokument ta’ Aparecida (29 ta’ Ġunju 2007), nn. 43-87, pp. 31-47.
[109] Ibid., Messaġġ finali (29 ta’ Mejju 2007), n. 4, Bogotá 2007, p. 275.
[110] Ibid., Dokument ta’ Aparecida (29 ta’ Ġunju 2007), n. 398, p. 182.
[111] Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 199: AAS 105 (2013), 1103-1104.
[112] Ibid., 198: AAS 105 (2013), 1103.
[113] Ibid.
[114] Il-V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat Latin-Amerikan u tal-Karribej, Dokument ta’ Aparecida (29 ta’ Ġunju 2007), n. 397, p. 182.
[115] Franġisku, Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 64: AAS 112 (2020), 992.
[116] Ibid., Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate (19 ta’ Marzu 2018), 98: AAS 110 (2018), 1137.
[117] Ibid., Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 65-66: AAS 112 (2020), 992.
[118] San Girgor il-Kbir, Homilia 40, 10: SCh 522, Parigi 2008, 552-554.
[119] Ibid., 6: SCh 522, 546.
[120] Ibid., 3: SCh 522, 536.
[121] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 57: AAS 83 (1991), 862-863.
[122] Franġisku, Velja ta’ Għid il-Ħamsin flimkien mal-Moviment, il-Komunitajiet ġodda, l-Assoċjazzjonijiet, l-Aggregazzjonijiet lajkali (18 ta’ Mejju 2013): L’Osservatore Romano, 20-21 maggio 2013, 5.
[123] Id., Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 186: AAS 105 (2013), 1098.
[124] Ibid., 188: AAS 105 (2013), 1099.
[125] Ara ibid., 182-183: AAS 105 (2013), 1096-1097.
[126] Ibid., 207: AAS 105 (2013), 1107.
[127] Ibid., 200: AAS 105 (2013), 1104.
[128] Ibid., Diskors fl-okkażjoni tal-Laqgħa mad-dinja tax-xogħol fl-istabbiliment ILVA ta’ Genova (27 ta’ Mejju 2017): AAS 109 (2017), 613.
[129] Psewdo-Kriżostmu, Homilia de jejunio et eleemosyna: PG, 1060.
[130] San Girgor Nazjanzenu, Oratio XIV, 40: PG 35, Parigi 1886, 910.