Adorazzjoni – 5 Ħadd tar-Randan. Sena A

Sinjur Alla, Inti hawn, u jiena fik,

Inkellmek, u Inti tismagħni,

Nitolbok, u Inti tagħtini.

Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok.       (3 sek pawsa)

O Sinjur, illum se nressaqlek il-bnedmin kollha, biex tressaqhom lejn Qalbek, ħa jduqu l-imħabba bla qies l’Int għandek għalihom. Jalla o Ġesù, tkun maħbub u adorat minn kulħadd, għax Inti l-Ħaruf tas-sagrifiċċju, l-Għid il-ġdid, id-Dawl tad-dinja.                                                                                                                         (5 sek pawsa)

Mill-Qalb Ewkaristika tiegħek, toħroġ xmara ta’ ħniena u maħfra, grazzji qawwija li jipprovdu “mediċina” spiritwali għall-ġnus kollha, li jagħtu s-saħħa u qawwa lil kull min jinxteħet f’riġlejk.         (3 sek pawsa)

Mulej, se nressaqlek lill-umanità fraġli: mkissra bil-ġlied u l-konflitti, bl-għira u l-mibegħda, bil-vjolenza u l-abbużi, bir-regħba u l-inġustizzji.

Nitolbuk b’dik il-fidi “li ċċaqlaq il-muntanji”:

biex tmiss, tgħin, u tfejjaq lill-morda tagħna,

tagħti l-faraġ lil dawk li huma mnikkta,

konsolazzjoni lill-imġarrab,

tama lil dawk li tilfu kull sens fil-ħajja tagħhom,

libertà lil dawk li huma oppressi mill-ħażen,

fidi lil dawk li ma jemmnux,

imħabba lil dawk li huma waħedhom,

ħniena lil midneb, u paċi lid-dinja kollha.   

Silenzju       3min

Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann                              Ġw 11:3-7,17,20-27,33-45

F’dak iż-żmien, ħut Lażżru bagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, ara, ħabibek marid”. Meta sama’ l-aħbar Ġesù qal: “Din m’hijiex marda tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta’ Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta’ Alla”. Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lażżru. Meta sama’ li dan marad, baqa’ jumejn oħra fejn kien, u mbagħad qal lid-dixxipli: “Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija”.

Meta wasal, Ġesù sab li Lażżru kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar. Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar. Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll issa, jiena naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek”. Ġesù qalilha: “Ħuk jerġa’ jqum!”. Qaltlu Marta: “Jiena naf li jerġa’ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen ija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?”. Weġbitu: “Iva Mulej, jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja”.

Ġesù ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. “Fejn qegħedtuh?” staqsiehom. Huma weġbuh: “Mulej, ejja u ara”. U Ġesù beka. Għalhekk il-Lhud qalu: “Ara kemm kien iħobbu!”. Iżda xi wħud minnhom qalu: “Ma setax dan il-bniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?”.

Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb’oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu. Ġesù qal: “Neħħu l-blata”. Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: “Mulej issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet”. Qalilha Ġesù: “Ma għedtlekx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?”. Imbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa’ għajnejh ’il fuq u qal: “Missier, irroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għidt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni”. Kif qal hekk, għajjat b’leħen għoli: “Lażżru, oħroġ!”. U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom: “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur”.

Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih.

Il-Kelma tal-Mulej    

Tifħir lilek Kristu

Silenzju       1min

Quddiem il-mewt ta’ xi ħadd għażiż għalina, t-telfa tagħhom faċli twassal għas-sens ta’ frustrazzjoni, dieqa kbira; u tħoss li tlift kollox, u allura spiċċa kollox għalik. It-tiċrita tal-qalb li lkoll inħossu quddiem il-mewt ta’ xi ħadd għażiż għalina hija kbira.

U Int, o Ġesù, bħalna l-bnedmin, bkejt quddiem it-telfa tal-ħabib għażiż tiegħek Lazru. Int ħassejtek imnikket u mħawwad ħafna, għax ħassejt bħalma nħossu aħna quddiem il-mewt ta’ xi ħadd għażiż. (5 sek pawsa)

Marta u Marija, kif semmgħu li Int kont wassalt fir-raħal tagħhom, telqu kollox u ġew jiġru f’riġlejk, għax jafu li Int biss il-faraġ u l-konsolazzjoni f’dak il-mument ta’ qsim il-qalb.

Ejjew aħna wkoll, fuq l-eżempju ta’ dawn iż-żewġ aħwa, ninxteħtu f’riġlejn l-Imgħallem tagħna Sidna Ġesù Kristu, għax Hu stess qalilna: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nfarraġkom”. Ejjew immorru għandu, għax fih insibu l-veru faraġ u paċi tassew.

Silenzju                 2 min

Mulej, Int tidħol fi djalogu ma’ Marta fuq il-qawmien mill-imwiet. U Marta tistqarr: “Jiena naf li ħija jerġa’ jqum fl-aħħar jum”. Imma Int, o Sinjur, urejtha, li Int il-qawmien hu l-ħajja: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja, kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, ikollu l-ħajja; u kull min igħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt”   

U kif għidt lil Marta, hekk ukoll tgħid lil kull wieħed u waħda minna quddiem il-misteru u realtà tal-mewt. Kemm illum, u anke meta nitilfu xi ħadd għażiż għalina, Int tkun hemm magħna, tibki magħna, bħalma bkejt ma’ Marta u Marija; imma ssaqsina kif saqsejt lilha: “Intom temmnu, li Jien hu l-qawmien u l-ħajja”?              (10 sek pawsa)

Jalla jien u int, inwieġbu bħal Marta: “Iva, Mulej, jien nemmen li inti  l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li tagħti l-ħajja”. Int o Ġesù, Int is-Sid tal-ħajja, Int ir-rebbieħ fuq il-mewt. Kull min jemmen fik, jgħix għal dejjem. U l-prova tinsab f’Ħadd il-Għid filgħodu, meta Int qomt minn bejn l-imwiet.

Silenzju                 3 min

Innu: ____________

Talbiet tal-Komunitá

Alla Missierna, fil-Magħmudija tana l-Ispirtu tiegħu, u mliena bil-fiduċja fih. Nitolbuh jilqa’ t-talbiet li se nressqulu.

Imdawwlin minn din il-Kelma ta’ Ġesù: “Jien u l-qawmien u l-ħajja”, ejjew inġeddu l-fidi tagħna fil-Kelma ta’ Ġesù u fil-qawwa tiegħu fuq il-mewt. Nitolbu.

Nitolbu għall-Papa Ljun XIV, biex il-Mulej ikompli jbierku bl-għerf, bis-saħħa, u bil-paċenzja. Nitolbu.

Mulej, Int kont tħobb il-familja ta’ Lazzru, agħmel li l-mexxejja tan-nazzjonijiet jaħdmu dejjem favur il-familja. Nitolbu.  

Nitolbu għall-parroċċi kollha tagħna, biex aħna u nippreparaw issa mill-qrib għall-festi qaddisa tal-Għid, inkunu komunitajiet ta’ fidi, ta’ tama, u ta’ mħabba. Nitolbu.

Nitolbuk Mulej, għal dawk li tbegħdu minnek, biex f’dawn il-ġranet qaddisa tad-Duluri, tal-Ġimgħa l-Kbira u tal-Għid, jagħrfu kemm Inti tħobbna, kemm tagħdirna, kemm tħenn għalina. Nitolbu.

Nitolbu għall-adulti li se jitgħammdu fl-Għid il-Kbir, biex il-Mulej ikompli jgħinnhom fil-mixja tagħhom, jimliehom bil-barka u l-qawwa tiegħu. Nitolbu.

Nitolbuk Mulej, tagħti l-mistrieħ ta’ dejjem lill-mejtin għeżież tagħna, li aħna nafdawhom f’idejk, mimlijin bil-fidi fil-Qawmien ta’ Ġesù. Nitolbu.

Ejjew fis-skiet ta’ qalbna nagħmlu t-talba personali tagħna.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading