Kitba ta’ Patri Juan De Bono ocd
Jien ġejt il-Knisja biex ngħid Talba. Imma int x’qiegħed/qieghdha tistenna biex tiġi ?
Ir-Randan żmien biex inbiddlu ħajjitna
Ir-Randan huwa ż-żmien biex INBIDDLU ĦAJJITNA.
Huwa ż-żmien li naraw liema huma d-dnubiet tagħna u permezz ta’ penitenza u tgħakkis, naqtgħu dawn id-dnubiet li fnewna u kiluna minn ġewwa, darba għal dejjem.
U le jiena m’għandix dnubiet kbar, jiena la noqtol u lanqas nisraq…
Kultant wieħed jew waħda jaħsbu, u le jiena m’għandix xi dnubiet kbar tafx ħdejn oħrajn!!!!! Jiena la noqtol u lanqas nisraq, qishom dawn kienu l-unika żewġ dnubiet li jeżistu.
U meta nagħmlu l-eżami tal-kuxjenza sew, nintebħu li barra minn fuqna ninsabu fuq ċint għoli għaxar sulari u dejjaq wiesgħa ta’ kantun wieħed biss, u tant aħna aljenati li lanqas biss intbaħna f’liema sitwazjoni qegħdin.
X’se nagħmlu issa li forsi ntbaħna li nistgħu naqgħu minn hemm fuq għal isfel?
Itlob lil Alla jibgħatlek helicopter (qrara tajba) u jiġu għalik biex jieħduk fuq art sigura.
Dnubiet gravi li spiss ma nintebħux bihom
Kemm anki segwaċi ta’ dan il-blog lanqas fil-jum tal-Ħadd ma jqaddsuh bil-parteċipazjoni tagħhom fil-Quddiesa!!! Kemm hi ta’ wġiegħ il-qalb għalina meta ninnutaw dan.
Jew kemm Maltin ħutna, jistħu l-isem ta’ Alla bid-dagħa !!!!!!
Kemm fostna jaħlu siegħat fuq il-midja soċjali, jaraw it-Tv jew jiskroljaw fuq l-internet !!!!! Ħin kollu li jista’ jintuża biex tgħid ħames posti Rużarju jew taqra ktieb !!!!!!
Kemm fostna jqattgħu siegħat fit-traffiku u flok jirreċitaw it-Talba tar-Rużarju permezz ta’ xi app, arhom iqattgħu dak il-ħin jisimgħu xi stazjon tar-radju u jgergru fuq it-traffiku li nqabdu fih, li jkunu qegħdin jiġġeneraw huma stess li ħarġu bil-karozza!!!!!
Kemm tqatta’ ħin tara l-pornografija, u mbagħad meta l-mara tgħajjatlek biex tgħidlek xi ħaġa erħilek taħtafha qisha kienet Putin jew Trump li kellmitek !!!!!
Jew inkella kemm hemm nsara li anki jekk kull nhar ta’ Ħadd ma jfallux Quddiesa, imma bla ma ndunaw huma bnew għalihom infushom għoġol tad-deheb, u niżlu jadurawh daqs li kieku kien Alla, għax daħħluha f’rashom li kien dak l-istess għoġol (li ma ninsewx li kienu huma stess li bnew) li kien ħariġhom mill-art tal-Eġittu !!!!
Kemm il-darba ltqajt ma xi ħadd fit-triq li jkun fil-bżonn u int ma waqaftx tgħinu !!!!!!
Kemm anzjani jew morda li jgħixu qrib tiegħek setgħu kellhom bżonn xi ħaġa u int bqajt għaddej bħal dawk li raw dak ir-raġel Sammaritan li kienu qabżu fuqu l-ħallelin u ħallewh nofsu mejjet fit-triq ?
Ningħaqdu ma’ Ġwanni l-Evanġelista
L-aħwa, il-qattus ġie fil-Knisja, u int meta se tagħmel Qrara tajba u tiddeċiedi li tibda tkun tassew dixxiplu ta’ Ġesu’ ?
Ejjew inkunu bħal Ġwanni l-Evanġelista li sforz l-imħabba li hemm tbaqbaq ġewwa fina nibqgħu mixjin wara Ġesu sa taħt is-Salib.
Ejjew nibqgħu fil-preżenza tal-Madonna.
Alla mhux li tilbes fil-purċisjoni tal-Ġimgħa l-kbira li jrid imma li tbiddel ħajtek u ssir Qaddis, anzi kif tkellimna lbieraħ, Alla qiegħed isejħilna biex inkunu Mistiċi, no more and no less.
ISSA F’IDEJK.

