Il-Papa Ljun XIV ikompli l-katekeżi dwar Lumen Gentium ta’ Vatikan II

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 18 ta’ Marzu 2026

Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. II. Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium. 4. Knisja poplu saċerdotali u profetiku

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

Illum nixtieq nieqaf mill-ġdid fuq it-tieni kapitlu tal-Kostituzzjoni konċiljari Lumen gentium (LG), iddedikata lill-Knisja bħala poplu ta’ Alla.

Il-poplu messjaniku (LG, 9) jirċievi mingħand Kristu l-parteċipazzjoni fl-opra saċerdotali, profetika u regali li fiha sseħħ il-missjoni salvifika tiegħu. Il-Padri Konċiljari jgħallmuna li l-Mulej Ġesù permezz tal-Patt il-ġdid u etern waqqaf saltna ta’ saċerdoti, u għamel mid-dixxipli tiegħu “saċerdozju rjali” (1 Piet 2:9; ara 1 Piet 2:5; Apok 1:6). Dan is-saċerdozju komuni tal-fidili jiġi mogħti bil-Magħmudija, li tabilita lill-imgħammdin biex jagħtu qima lil Alla fl-ispirtu u l-verità, u “jistqarru quddiem il-bnedmin il-fidi li rċevew minn Alla permezz tal-Knisja” (LG, 11). Barra minn hekk, permezz tas-sagrament tal-Konfirmazjoni jew il-Griżma, l-imgħammdin kollha “jintrabtu mal-Knisja b’mod iżjed perfett u jkunu mogħnija minn qawwa speċjali tal-Ispirtu s-Santu; b’hekk huma jsiru iżjed obbligati illi, bħala xhieda ta’ Kristu, bil-kelma u bil-ħidma jxerrdu l-fidi u jiddefenduha” (ibid.). Din il-konsagrazzjoni tinsab fl-għeruq tal-missjoni komuni li tgħaqqad il-ministri ordnati u l-fidili lajċi.

Dwar dan, il-Papa Franġisku josserva: “Meta nħarsu lejn il-poplu ta’ Alla, niftakru li lkoll nagħmlu d-dħul tagħna fil-Knisja bħala lajċi. L-ewwel Sagrament, dak li jissiġilla għal dejjem l-identità tagħna, u li bih għandna nkunu dejjem kburin, huwa l-Magħmudija. Permezz tiegħu u bid-dilka tal-Ispirtu s-Santu, [il-fidili] ‘huma kkonsagrati biex ikunu tempju spiritwali u saċerdozju qaddis’ (LG, 10), u għalhekk ilkoll kemm aħna niffurmaw il-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla” (Ittra lill-President tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Amerika Latina, 19 ta’ Marzu 2016).

It-tħaddim tas-saċerdozju rjali jseħħ f’ħafna modi, kollha biex iqaddsuna, qabelxejn billi nieħdu sehem fl-offerta tal-Ewkaristija. Permezz tat-talb, l-axxeżi u l-karità ħabrieka aħna b’hekk nagħtu xhieda ta’ ħajja mġedda mill-grazzja ta’ Alla (ara LG, 10). Kif jiġbor fil-qosor il-Konċilju, “il-karattru sagru u l-istruttura organika tal-komunità saċerdotali jseħħu permezz tas-sagramenti u tal-virtujiet” (LG, 11).

Il-Padri Konċiljari mbagħad jgħallmu li l-poplu qaddis ta’ Alla għandu sehem ukoll fil-missjoni profetika ta’ Kristu (ara LG, 12). F’dan il-kuntest jintroduċu t-tema importanti tas-sens tal-fidi u tal-kunsens tal-fidili. Il-Kummissjoni Duttrinali tal-Konċilju ppreċiżat li dan is-sensus fidei “hu bħal fakultà tal-Knisja kollha, li grazzi għaliha hi fil-fidi tagħha tirrikonoxxi r-rivelazzjoni mgħoddija lilha, u tagħraf bejn il-veru u l-falz fl-kwistjonijiet ta’ fidi, u fl-isess waqt tinżel iktar fil-fond tagħha u b’mod iżjed sħiħ tapplikaha fil-ħajja” (ara Acta Synodalia, III/1, 199). Is-sens tal-fidi allura jappartieni lil kull wieħed u waħda mill-fidili mhux fuq bażi personali, imma bħala membri tal-poplu ta’ Alla fil-ġabra sħiħa tiegħu flimkien.

Il-Lumen gentium tikkonċentra l-attenzjoni tagħha fuq dan l-aħħar aspett u tqiegħdu f’relazzjoni mal-infallibbiltà tal-Knisja, li fiha ddaħħal, biex isserviha, dik tal-Papa. “Il-ġemgħa tal-fidili li għandhom id-dilka minn Alla l-Qaddis (ara 1 Ġw 2:20,27) ma tistax tiżbalja fit-twemmin. Hija turi din in-nota karatteristika permezz tas-sens sopranaturali tal-fidi tal-poplu kollu meta l-fidili kollha, ‘mill-isqfijiet sal-inqas fost il-lajċi’, jagħtu l-kunsens tagħhom fi ħwejjeġ ta’ fidi u ta’ morali” (LG, 12). Għalhekk il-Knisja, bħala komunjoni tal-fidili li tinkludi ovvjament lir-ragħajja, ma tistax tiżbalja fil-fidi: l-organu ta’ din il-proprjetà tagħha, imwaqqfa bid-dilka tal-Ispirtu s-Santu, huwa s-sens sopranaturali tal-fidi tal-poplu kollu ta’ Alla, li jidher fil-kunsens tal-fidili. Minn din l-għaqda, li l-Maġisteru tal-Knisja jħares, joħroġ li kull imgħammed hu suġġett attiv ta’ evanġelizzazzjoni, imsejjaħ biex jagħti xhieda koerenti ta’ Kristu skont id-don profetiku li l-Mulej isawwab fuq il-Knisja kollha tiegħu.

L-Ispirtu s-Santu, li jaslilna permezz ta’ Kristu Rxoxt, fil-fatt iqassam “lil kull grad ta’ fidili grazzji speċjali biex bihom ikunu jistgħu jidħlu aħjar u b’ħeġġa akbar għall-ħidmiet u għad-dmirijiet li bihom il-Knisja tkun tista’ tiġġedded u tinbena aktar fil-wisa’” (LG, 12). Dimostrazzjoni partikulari ta’ din il-vitalità kariżmatika toffrihielna l-ħajja kkonsagrata, li kontinwament tikber u twarrad bil-ħidma tal-grazzja. Anki l-għamliet assoċjattivi ekkleżjali huma eżempju mdawwal tal-firxa wiesgħa u tal-frott spiritwali għammiel għall-bini tal-Poplu ta’ Alla.

Għeżież, ejjew inqajmu fina l-għarfien u l-gratitudni li rċivejna d-don li nagħmlu parti mill-poplu ta’ Alla; u anki r-responsabbiltà li dan iġib miegħu.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading