San Ġużepp huwa wieħed mill-aktar qaddisin meqjuma fil-Knisja Kattolika. Minbarra li nqimuh bħala r-raġel ta’ Marija u l-missier putattiv ta’ Ġesù, iżda għalina huwa wkoll il-patrun tal-mewt it-tajba jew ta’ dawk li qed imutu. Dan it-titlu ġej mill-fidi u t-tradizzjoni tal-Knisja li tqis li San Ġużepp miet fil-preżenza ta’ Ġesù u Marija, b’paċi u b’imħabba kbira.
Għaliex San Ġużepp huwa marbut mal-mewt it-tajba?
Fl-Evanġelji ma nsibu xejn dwar il-mewt ta’ San Ġużepp, iżda minħabba li huwa ma jissemmiex matul il-ħajja pubblika ta’ Ġesù, għalhekk fit-tradizzjoni nisranija, bosta jemmnu li San Ġużepp kien miet qabel ma Ġesù beda l-predikazzjoni tiegħu. Skont din it-tradizzjoni, hu miet fid-dar ta’ Nazaret, fil-preżenza ta’ Ġesù u Marija.
Din ix-xena saret simbolu devot ta’ mewt qaddisa u paċifika, fejn persuna tħalli din id-dinja bil-preżenza u l-grazzja ta’ Alla. Għalhekk il-Knisja bdiet titlob lil San Ġużepp bħala interċessur speċjali għal dawk li jkunu qorbu lejn il-mewt.
Id-devozzjoni lejn San Ġużepp
Tul is-sekli, ħafna Nsara kabbru fihom devozzjoni kbira lejn San Ġużepp u jitolbuh jgħinhom jitħejjew għall-mewt b’fidi u serenità. F’ħafna talb tradizzjonali, l-insara jitolbu lil San Ġużepp biex jakkumpanjahom fl-aħħar mumenti ta’ ħajjithom u biex jikseb għalihom il-grazzja ta’ mewt tajba.
Messaġġ spiritwali
Il-persuna ta’ San Ġużepp tgħallimna ħafna dwar fiduċja, umiltà u fedeltà lejn Alla. Hu kien raġel li għex ħajja sempliċi u moħbija, iżda mimlija ġustizzja u mħabba. Il-mewt tiegħu, skont it-tradizzjoni, hija meqjusa bħala mudell ta’ kif il-bniedem jista’ jitlaq minn din id-dinja b’qalb mimlija paċi.
Għalhekk il-Knisja tħares lejn Ġużeppi mhux biss bħala l-ħarries tal-Familja Mqaddsa u Patrun tal-Knisja, iżda wkoll bħala akkumpanjatur u patrun ta’ dawk li jinsabu fl-aħħar vjaġġ tagħhom.
