Ġwanni Pawlu II fil-parroċċa ta’ S. Maria del Popolo

VIŻTA LILL-PARROĊĊA TA’ SANTA MARIA DEL POPOLO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 18 ta’ Novembru 1984

1. “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fil-hena ta’ sidek” (Mt 25, 23).

Qrib lejn tmiem is-sena liturġika, il-Knisja ssemmagħna kelmet il-Mulej u tistedinna ngħassu l-istennija tal-“parusia”. Għaliha jeħtieġ inħejju ruħna bi tweġiba sempliċi, imma deċiża, għall-appell ta’ konverżjoni, li Ġesù jindirizzalna billi jsejħilna biex ngħixu l-Vanġelu bħala tensjoni, tama, stennija.

Illum, fil-liturġija tallum, ir-Redentur ikellimna bil-parabbola tat- talenti, biex jurina kif min jingħaqad miegħu fil-fidi u jgħix operożament fl-istennija tar-ritorn tiegħu, huwa paragonabbli mal-“qaddej tajjeb u fidil”, li b’mod intelliġenti, mgħaġġel u fruttuż jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tas-sid imbiegħed.

Xi jfisser talent? Fis-sens letterali jindika munita ta’ valur kbir użata fi żmien Ġesù, Fis-sens tradott irid ifisser “il-kwalitajiet”, li kull bniedem huwa mżejjen bihom: il-kumpless tal-kwalitajiet, li bihom suġġett personali, fl-interess psikofiżiku tiegħu, jiġi mżejjen “min-natura”.

Bdanakollu l-parabbola tenfasizza li dawn il-ħiliet huma fl-istess ħin Rigali tal-Ħallieq “rigal” mogħti lil kull bniedem.

Dawn ir-“rigali” huma diversi u varjanti. Dan tikkonfermahulna l-osservanza tal-ħajja umana, li fiha naraw il-multipliċità u r-rikkezza tat-talenti li hemm fil-bnedmin.

Ir-rakkont ta’ Ġesù jenfasizza b’qawwa li kull “talent” huwa sejħa u obbligu għal xogħol determinat, mifhum fis-sinifikat doppju ta’ xogħol fuqna nfusna u fuq xogħol għall-oħrajn. Jisħaq, jiġifieri, il-bżonn ta’ axxetiżmu personali magħqud mal-operożità favur ħuk.

2. Illum ingħatali li nżur, fil-kwalità ta’ Isqof ta’ Rumas, il-parroċċa ta’ Santa Maria del-Popolo, li x-xbiha materna tagħha bil-Bambin Ġesù ibierek tistieden għat-talb u hija sinjal ta’ preżenza u ta’ mħabba.

Jiena kuntent li ninsab hawn fostkom f’din il-bażilika mżejna b’opri artistiċi, li jirrenduha waħda mill-monumenti rinaxximentali l-iktar prestiġjużi ta’ Ruma, u nixtieq insellem bil-qalb lil kulħadd u lil kull wieħed u waħda. Flimkien mal-Kardinal Vigarju u l-Isqof awżiljarju taż-żona, Monsinjur Filippo Giannini, insellem bil-qalb lill-Kardinal Thiandoum, titulari ta’ din il-bażilika distinta, insellem lill-kappillan Patri Lucio Fabbroni, il-viċi kappillani, kollaboraturi diretti tiegħu, u lir-reliġjużi agostinjani, li b’żelu jgħinu biex  iġorru f’għaqda fraterna r-responsabiltà pastorali ta’ din il-parti tad-dijoċesi ta’ Ruma.

Tislima tmur ukoll lir-reliġjużi rġiel u nisa li, preżenti fil-qasam tal-parroċċa, joperaw b’dedikazzjoni u ġenerożità: il-qassisin tas-Sacro Cuore di Betharram, Is-Sorijiet Figlie della misericordia, is-sorijiet  Angeliche di san Paolo.

Irrid fl-aħħarnett infakkar il-membri tal-kunsill pastorali, il-katekisti, il-ministranti, dawk kollha li jappartienu lid-diversi gruppi parrokkjali, il-ħaddiema residenti hawn: l-impjegati, il-professjonisti, l-artisti; insellem lill-morda u lill-persuni anzjani. Insellem liż-żgħażagħ li, huma numerużi biżżejjed, waqt li ninkuraġġixxi l-inizjattivi li l-parroċċa qiegħda tippromwovi favurhom. Lil kulħadd nassikura t-talb tiegħi u lil kulħadd nawgura biex tagħmlu mill-parroċċa “dar ta’ familja, fraterna u akkoljenti, fejn l-imgħammdin u kkreżimati jagħrfu li huma l-poplu ta’ Alla. Fejn il-ħobż tad-duttrina tajba u l-ħobż tal-Ewkaristija jitqassmu lil kulħadd b’abbundanza fil-kuntest tal-istess kult: fejn il-fidili jintbagħtu kuljum għall-missjoni apostolika tagħhom fl-inħawi kollha tad-dinja” (Ioannis Pauli PP. II,Catechesi Tradendae, 67).

3.Il-kelma ta’ Alla fiċ-ċelebrazzjoni tallum tippermetti li napprofondixxu l-għarfien li l-parroċċa hija komunità ta’ aħwa femminili u maskili, li huma msejħin biex jingħaqdu ma’ Kristu u biex ikunu t-trasparenza fil-postijiet fejn jgħixu u fejn jaħdmu.

Dan ifisser li kull wieħed u waħda minnkom, bil-ħila li ngħata minn Alla, jaħdem fuqu nnifsu biex jikkonverti kuljum qalbu f’mixja reliġjuża magħmula b’kostanza u deċiżjoni, b’rieda u ġenerożità.

Kull wieħed u waħda minnkom għandhom iħossuhom impenjati biex jiffissaw moħħhom u qalbhom f’dak li jgħodd. Għandhom jgħixu ħajja li ma tkunx iddeterminata mill-istima tad-dinja, ir-rispett uman. U dan ikun possibbli jekk tagħtu widen effettiv għall-kelma ta’ Ġesù, bħala sors ta’ vistù nisranija, u tobdu l-eżortazzjoni tal-appostlu Pawlu: “Kull ma tagħmlu, jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu” (Kol 3, 17); b’dan il-mod, kif ifakkarna t-tieni qari tal-quddiesa, żguri mill-fidwa ta’ Kristu “sew jekk inkunu nishru, u sew jekk inkunu rieqda, meta jiġi, ngħixu ħaġa waħda miegħu. Għalhekk farrġu lil xulxin u ibnu lil xulxin, kif qegħdin tagħmlu” (1 Ts 5, 9-11).

Wieħed mill-ikbar sinjali ta’ nuqqas ta’ ħidma fuqna nfusna ta’ assenza ta’ axxeżi huwa n-nuqqas ta’ aċċettazzjoni tal-persuna propja, ikkaratterizzata minn dawk it-talenti li għandna nilqgħuhom, għax mogħtija minn Alla ta’ ħniena, li ħalaqna, qed iżommna ħajjin u jgħinna niġġerrew it-toroq tal-eżistenza.

4. Frekwentement id-doni li Alla jqiegħed fl-esseri  tagħna huma talenti diffiċli, imma ma jistgħux jinħlew la minħabba disprezz, linqas b’diżubbidjenza, ferm inqas minħabba li huma iebsa. Is-salib għal Kristu ma kienx mottiv ta’ oġġezzjoni għar-rieda tal-Missier, imma l-kondizzjoni, it-talent suprem, li bih: billi miet qered il-mewt u bil-qawmien mill-imwiet reġà tana l-ħajja” (Prefaziju paskwali). Għalhekk jiena nitlob lilkom ilkoll, u partikolarment lill-morda, lill-batuti, lil dawk li huma handikappati, biex tirrendu fruttuż, permezz tat-talb u l-offerta, it-talent diffiċli, it-talent impenjattiv li rċivejtu.

Żommu dejjem preżenti li l-invokazzjoni, it-talb u l-aċċettazzjoni libera tax-xogħol u tal-pwieni tal-ħajja, jippermettulkom tilħqu lill-bnedmin kollha u li tikkontribwixxu għas-salvazzjoni tad-dinja kollha.

5. Dan ix-xogħol fuqkom infuskom, li jagħmel il-frott lill-bnedmin kollha, għandu għeruqu fil-Magħmudija, li tat il-bidu lil kull wieħed u waħda minnkom għall-ħajja l-ġdida, permezz tad-don soprannaturali tal-grazzja u tal-ħelsien mid-dnub oriġinali.  B’tali sagrament, li rrendikom ulied Alla, irċivejtu dawk id-“doti”, li jikkostitwixxu rikkezza nterna awtentika tal-ħajja fi Kristu.

Inkorporati mà Ġesù, ikkonfermati fih, intom imsejħa bħala membri ħajjin biex tikkontribwixxu bil-qawwiet kollha u l-attitudni tagħkom għat-tkabbir tal-parroċċa tagħkom, li hija il-bieb tal-Knisja Rumana universali.

It-talenti riċevuti bil-Magħmudija huma wkoll sejħa għall-koperazzjoni mal-grazzja, li tfisser dinamiżmu inerenti għall-ħajja nisranija u għat-tkabbir gradwali u kostanti f’dik il-maturità, li tiġi ffurmata mill-fidi, mit-tama, mill-karità u mid-doni tal-Ispirtu Santu.

Tali kollaborazzjoni titwettaq fuq kollox f’dak iċ-ċentru ta’ komunjoni li huwa l-parroċċa, komunità ta’ rġiel u nisa, li jqegħdu il-kapaċitajiet tagħhom differenti għas-servizz tat-tkabbir personali u tal-aħwa viċini u mbegħda  .

Il-parroċċa hija Knisja: komunità ta’ bnedmin li għandhom jiżviluppaw fihom infushom “it-talenti tal-Magħnudija”. L-istruttura tagħha kollha,  waqt li tiffavorixxi u tiggarantixxi apostolat komuitarju, soċjalment permezz tal-liturġija, il-katekeżi u l-karità,  tħallat flimkien id-differenzi umani multipli li jsibu ruħhom hemm u tippermetti li kull wieħed u waħda, skont il-ħila li jippossiedu, jagħtu b’mod fratern il-kontribut tagħhom lil kull inizjattiva missjunarja tal-familja ekkleżjali tagħhom (cf. Apostolicam Actuositatem, 10).

6. Il-parabbola tallum tal-Vanġelu titkellem ukoll dwar talent “moħbi taħt l-art”, mhux utilizzat.

“Dak li kien ħa talent wieħed, u qal: Sinjur, jien lilek nafek bħala raġel aħrax; taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art, Hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek” (Mt 25, 24-25). Dan l-aħħar qaddej li rċieva biss talent wieħed juri kif iġib ruħu bniedem meta ma jgħix fedeltà operanti fil-konfront ta’ Alla. Il-biżà tegħleb, l-istima ta’ dak li jkun, l-affermazzjoni tal-egoiżmu, li tfittex li tiġġustifika l-imġieba propja bil-pretensjoni nġusta tas-sid, li jaħsad fejn ma jkunx żerà.

Dan l-atteġġjament jitlob min-naħa tas-sid kastig, għaliex dak il-bniedem naqas mir-responsabiltà li kienet ġiet mitluba minnu u, b’dak li għamel, ma wassalx għat-tmiem dak li r-rieda ta’ Alla kienet talbet, bil-konsegwenza tkun li ma twettaqx lilek innifsek, ma tkun ta’ użu għal ħadd.

Minflok ix-xogħol fih innifsu u għad-dinja huwa xi ħaġa li għandha timpenja b’mod konkret lil veru dixxiplu ta’ Kristu. Fis-sitwazzjonijiet differenti u speċifiċi li fihom in-nisrani huwa mqiegħed, huwa għandu jkun jaf jiddistingwi dak li Alla jrid minnu u jwettqu b’dak il-ferħ, li mbagħad Ġesù jirrendi sħiħ u etern.

7. Għeżież ħuti, inħeġġiġkom biex tingħaqdu bl-ispirtu kollu tagħkom fis-sagrifiċċju ta’ Kristu, fil-liturġija ewkaristika, li tirrapreżenta kull darba l-preżenza tas-Salvatur fil-komunità tagħkom.

Ipperseveraw li tkunu u li ssiru dejjem iktar qalb u ruħ waħda, biex kuljum tilqgħu fostkom lil Kristu. Jalla hu jidħol fikom, u jibqà fikom, biex iġibilkom il-milja tiegħu.

Jalla Omm Alla, Santa Marija tal-Poplu, tintroduċi lil Ġesù fil-komunità tagħkom u tgħinkom biex tibqgħu ma’ Binha, biex tagħmlu ħafna frott.

Hawn hi s-sintesi tat-tagħlim miġbur fil-parabbola tat-talenti, li flimkien smajna u mmeditajna: biex ikollna l-milja tal-ħajja u biex nagħmlu l-frott jeħtieġ, b’viġilanza ppassjonata, inwettqu r-rieda ta’ Alla u nibqgħu  fi Kristu, b’talb suppliku u adoranti.

Ejjew nibqgħu fih! Ejjew nibqgħu f’Ġesù Kristu!

Ejjew nibqgħu permezz tat-talenti ta’ ruħna u ta’ ġisimna!

Permezz tat-talenti tal-grazzja santifikanti u operanti!

Permezz tat-talenti kollha li jinvolvu s-sehem fil-kelma ta’ Alla u fis-sagramenti, b’mod speċjali fl-Ewkaristija!

Ejjew nibqgħu!

Ejjew nibqgħu biex nagħmlu ħafna frott!

Miġjub għall-Malti min Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading