L-EVANĠELJU TA’ NIKODEMU
magħruf ukoll qabel bħala
L-ATTI TA’ PONZJU PILATU
Maqlub għall-Malti
minn
ANTON F. ATTARD, B.A. ©
KAP I
Kristu mixli mil-Lhud quddiem Piltatu li qiegħed ifejjaq nhar ta’ Sibt.
Anna u Qajfa, u Summa, u Data, Gamaljel, Ġuda, Levi, Neftali, Alessandru, Ġairu u Lhud oħra, marru għand Pilatu dwar Ġesu’, jixluh b’ħafna ħtijiet ħżiena. 2 U qalu, Aħna nafu tabilħaqq li Ġesu’ huwa bin Ġużeppi l-Mastrudaxxa, u mwieled minn Marija, u li jistqarr lilu nnifsu l-Iben ta’ Alla, u sultan; u mhux hekk biss, imma jaħbat iġib fix-xejn is-Sibt, u l-liġijiet ta’ missirijietna. 3 Wieġeb Pilatu, X’inhu li jistqarr? U x’qiegħed jaħbat iġib fix-xejn? 4 Qalulu l-Lhud, Għandna liġi li ma tħallix li jsir fejqan f’Jum is-Sibt; iżda hu jfejjaq f’dak il-jum iz-zopop u t-torox, u ‘l dawk mifluġin, il-għomja u l-imġiddmin, u l-imxajtna b’mezzi ħżiena. 5 Wieġeb Pilatu, Kif jista’ jagħmel dan b’mezzi ħżiena? Weġbuh, Hu saħħar, u jkeċċi x-xjaten bis-saħħa tal-prinċep tax-xjaten; u hekk kollox jiġi taħt il-ħakma tiegħu. 6 Qal, imbagħad, Pilatu, It-tkeċċija tax-xjaten ma tidhirx li hi l-ħidma ta’ spirtu ħażin, imma ġejja mis-setgħa ta’ Alla. 7 Wieġbu l-Lhud lil Pilatu, Nitolbu lill-Altezza Tiegħek sabiex issejjaħlu ħalli jidher quddiem it-tribunal tiegħek, u tisimgħu int innifsek. 8 Sejjaħ, imbagħad, Pilatu baxxar u qallu, Kif se nġibuh hawn lil Kristu? 9 Telaq, mela, il-baxxar, u billi kien jaf lil Kristu, tah qima; u, wara li firex il-mantar li kellu f’idu fl-art, qal, Mulej, imxi fuq dan, u idħol, għax il-gvernatur qiegħed isejjaħlek.
Ġesu’ msejjaħ quddiem Pilatu minn baxxar.
10 Meta l-Lhud intebhu x’kien għamel il-baxxar, stagħġbu (kontrih) ma’ Pilatu, u qalu, Għaliex ma bgħattx issejjaħlu ma’ qaddej, u mhux ma’ baxxar? – Għax il-baxxar meta rah, qiemu, u firex il-mantar li kellu f’idu fl-art quddiemu, u qallu, Mulej, il-gvernatur qiegħed isejjaħlek. 11 Sejjaħ, imbagħad, Pilatu lill-baxxar, u qallu, Għaliex għamilt hekk? 12 Wieġeb il-baxxar, Meta bgħattni għand Alessandru minn Ġerusalemm, rajt lil Ġesu’ riekeb b’sura fqajra fuq ħmara, u wlied il-Lhud kienu qegħdin igħajtu, Osanna, fil-waqt li kellhom f’idejhom friegħi tas-siġar. 13 Oħrajn firxu ħwejjiġhom fil-mogħdija, u qalu, Eħlisna, int li qiegħed fis-smewwiet; imbierek dak li ġej f’isem il-Mulej. 14. Għajtu, imbagħad, il-Lhud, kontra l-baxxar, u qalu, Ulied il-Lhud leħħnu l-agħjat ta’ ferħ tagħhom bl-ilsien Lhudi; u kif stajt int, li int Grieg, tifhem il-Lhudi? 15 Weġibhom il-baxxar u qal, Staqsejt lil wieħed mil-Lhud u għidtlu, X’inhu dan li wlied il-Lhud qegħdin igħajtu bl-ilsien Ebrajk? 16 U fissirli hu, igħid, Qegħdin igħajtu Osanna, li meta taqlibha tiġi, Ja Mulej, eħlisini; jew Eħles, ja Mulej. 17 Qalilhom, imbagħad, Pilatu, ‘Ilgħala qegħdin tixhdu intom infuskom għall-kliem li ntqal minn uliedkom, jiġifieri bis-skiet tagħkom? Fiex għamel ħażin il-baxxar? U ma tkellmux. 18 Qal, imbagħad, il-gvernatur lill-baxxar, Itlaq u ara kif tagħmel biex iġġibu hawn ġew. 19 Iżda l-baxxar telaq, u għamel bħal qabel; u qal, Mulej, idħol, għax il-gvernatur qiegħed isejjaħlek.
Ġesu’ meqjum mill-Istendardi
20 U malli Ġesu’ kien dieħel minn ħdejn l-alfieri, li kellhom l-istendardi, il-qċaċet tagħhom tbaxxew u qiemu lil Ġesu’. 21 Li wara dan il-Lhud għajtu aktar bil-qawwi kontra l-alfieri. 22 Iżda, qal Pilatu lil-Lhud, Naf li ma jogħġobkomx li l-qċacet ta’ l-istendardi tbaxxew weħidhom u qiemu lil Ġesu’; iżda ‘lgħala qegħdin tilsnu kontra l-alfieri, bħallikieku kienu huma li tbaxxew u qimuh? 23 Weġbuh lil Pilatu, Rajna l-alfieri nfushom jitbaxxew u jqimu lil Ġesu’. 24 Sejjaħ, mela, l-gvernatur lill-alfieri, u qalilhom, ‘Ilgħala għamiltu dan? 25 Qalulu ‘l Pilatu l-alfieri, Aħna lkoll pagani u nqimu l-allat fit-tempji; u kif kellna naħsbu xi ħaġa biex inqimuh? Aħna żammejna biss l-istendardi f’idejna u huma tbaxxew u qimuh. 26 Qal, imbagħad, Pilatu lill-mexxejja tas-sinagoga, Agħżlu intom xi rġiel godlija u ħalluhom iżommu l-istendardi, u naraw jekk, imbagħad, jiltwewx weħidhom. 27 Għalhekk, fittxew ix-xjuħ tal-Lhud tnax-il raġel xiħ mill-aktar godlija u ta’ ħila u ġegħluhom iżommu l-istendardi u qagħdu hemm waqt li kien hemm il-gvernatur. 28 Qal, imbagħad, Pilatu lill-baxxar, Oħroġ lil Ġesu’ ‘l barra, u erġa’ b’xi mod daħħlu ġewwa. U ħarġu Ġesu’ u l-baxxar ‘il barra mis-sala. 29 U sejjaħ Pilatu lill-alfieri li qabel kienu refgħu l-istendardi u ħalfilhom li jekk ma kinux refgħu l-istendari b’dak il-mod meta Ġesu’ qabel kien daħal ġewwa, huwa kien jaqtgħalhom rashom. 30 Amar, imbagħad, il-gvernatur lil Ġesu’ biex jerġa’ jdħol. 31 U għamel il-baxxar bħalma kien għamel qabel, u talbu wisq lil Ġesu’ biex jirfes fuq il-mantar tiegħu u jimxi fuqu, u mexa fuqu, u daħal. 32 U meta Ġesu’ daħal, l-istendardi tbaxxew weħidhom bħal qabel u qimuh.
KAP II
Pilatu jibża’
Issa meta Piltatu ra dan, beża’, u kien għoddu se jqum mill-maqgħad tiegħu.
Mart Piltatu titħassar lil Ġesu’
2 Iżda fil-waqt li kien qiegħed jaħseb biex iqum, martu, li kienet qiegħda mbiegħda minnu, bagħtet tgħidlu, Ma jkollokx x’taqsam ma’ dak il-bniedem ġust; għaliex batejt wisq minħabba fih f’dehra dal-lejl. 3 Meta l-Lhud semgħu dan, qalu lil Pilatu, M’għidnilekx li hu saħħar? Ara, ġiegħel lil martek toħlom. 4. Imbagħad, Pilatu, wara li sejjaħ lil Ġesu’, qal, Smajt x’qegħdin jixhdu kontrik u ma tagħti ebda tweġiba? 5 Wieġeb Ġesu’, li kieku ma kellhomx is-setgħa li jitkellmu, ma kinux jitkellmu; iżda għaliex kulħadd għandu s-setgħa fuq l-ilsien tiegħu nnifsu, biex jitkellem kemm it-tajjeb kif ukoll il-ħażin, ħalli jarah hu dan. 6 Wieġbu, iżda, ix-xjuħ tal-Lhud, u qalu lil Ġesu’, X’għandna naraw?
Ġesu’ mixli li twieled fiż-żina
7 L-ewwel nett, nafu dan dwarek: li int twelidt fiż-żina; it-tieni li minħabba twelidek, f’Betlehem it-trabi qatluhom; it-tielet li missierek u ommok ħarbu lejn l-Eġittu għax ma setgħux joqogħdu fuq nieshom. 8 X’uħud mil-Lhud li kienu hemm tkellmu aktar b’ġibda lejh, Ma nistgħux ingħidu li twieled fiż-żina; iżda nafu li ommu Marija kienet imgħarrsa ma’ Ġużeppi, u hekk ma twelidx fiż-żina. 9 Qal, imbagħad, Pilatu lil-Lhud li saħħu li kien twieled fiż-żina: Din il-ġrajja tagħkom m’hix minnha, meta taraw li kien hemm għerusija, kif qegħdin jixhdu dawk li huma minn ġenskom stess. 10 Kellmu Anna u Qajfas lil Pilatu, Għandha titqies din il-ġemgħa kollha ta’ nies li qegħdin igħajtu li twieled fiż-żina u li hu saħħar; iżda dawk li qegħdin jiċħdu li twieled fiż-żina, huma dawk li qalbu miegħu u dixxipli tiegħu. 11 Wieġeb, imbagħad, Pilatu lil Anna u ‘l Qajfas, Min huma dawk li qalbu miegħu? Wieġbu: huma dawk ulied il-pagani u li ma sarux Lhud, iżda segwaċi tiegħu.
Xhieda ta’ l-Egħrusija tal-Ġenituri Tiegħu –
Il-Mibegħda tal-Lhud lejh.
12 Wieġbu, imbagħad, Eleazer u Asterju u Antonju u Ġakbu, Karas u Samwel, Iżakk u Finees, Krsipu u Agrippa, Anna u Ġuda; aħna m’aħniex proseliti, iżda wlied il-Lhud u qegħdin ngħidu s-sewwa u konna hemm meta tgħarrset Marija. 13 Imbagħad, Pilatu, fil-waqt li tkellem mat-tnax-il raġel li qalu dan, qalilhom, Nitlobkom fuq il-ħajja ta’ Ċesri li tistqarru fis-sewwa jekk twelidx fiż-żina u jekk humiex minnhom dawk il-ħwejjeġ li semmew. 14 Wieġbu lil Pilatu, Għandna liġi li biha ma nistgħux naħilfu, billi dnub. Ħallihom jaħilfu fuq il-ħajja ta’Ċesri li dak li għidna m’hux minnu u nkunu hienja li ningħataw il-mewt. 15 Qalu, imbagħad, Anna u Qajfas lil Pilatu, Dawk it-tnax-il raġel ma jemmnux li nafu li twieled b’mod baxx u li hu saħħar għalkemm iridha li hu l-iben ta’ Alla u li hu sultan: li aħna hekk imbegħdin milli nemmu dan li nirtogħdu meta nisimgħu. 16 Amar, imbagħad, Pilatu biex kulħadd joħroġ ‘il barra ħlief it-tnax-il raġel li qalu li ma kienx twieled biż-żina u lil Ġesu’ biex jitbiegħed, u qalilhom, Għaliex il-Lhud għandhom ħsieb joqtlu li Ġesu’? 17 Weġbuh, Huma mgħaddbin għax fejjaq nhar ta’ Sibt. Qal Pilatu, Iridu joqtluh għax għamel ħaġa tajba. Igħidulu, Iva, Sire.
KAP III
Ġesu’ meħus minn Pilatu
Imbagħad, Pilatu, mimli bil-għadab ħareġ mis-sala u qal lil-Lhud, Insejjaħ id-dinja kollha biex tixhed li jien ma nsib ebda ħtija f’dak ir-raġel. 2 Wieġbu l-Lhud lil Pilatu, Li kieku ma kienx ħażin ma konniex inġibuh quddiemek. 3 Qalilhom Pilatu, Ħuduh intom u stħarrġuh intom skond il-liġi tagħkom. 4 Qalu, imbagħad, il-Lhud, Għalina m’hux skond il-liġi li nagħtu l-mewt lil xi ħadd. 5 Qal Pilatu lil-Lhud, Il-kmandament la toqtolx, imiss lilkom, imma mhux lili. 6 U reġa’ daħal fis-sala u sejjaħ lil Ġesu’ waħdu u qallu, Int is-sultan tal-Lhud? 7 U Ġesu’, fil-waqt li wieġeb, qal lil Pilatu, Dan qiegħed tgħidu minn jeddek jew qaluhulek il-Lhud fuqi? 8 Pilatu, biex iwieġeb, qal lil Ġesu’, Uwa jien Lhudi? Il-ġens kollu u l-mexxejja tal-Lhud telquk f’idejja. X’għamilt? 9 Ġesu’, fil-waqt li wieġeb, qal, Saltnati m’hijiex ta’ din id-dinja: li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, imbagħad kienu l-qaddejja tiegħi jissieltu u jien ma kontx ningħata f’idejn il-Lhud; iżda saltnati issa m’hijiex minn hawn. 10 Qal Pilatu, Mela int sultan? Wieġeb Ġesu’, Int qiegħed tgħid li jien sultan: għal dan il-għan twelidt, u b’dan il-għan ġejt fid-dinja; b’dan il-ħsieb ġejt biex nagħti xhieda tal-verita’; u kulmin hu mill-verita’, jisma’ leħni.
Ġesu’ jħaqqaqha ma’ Pilatu dwar il-Verita’
11 Igħidlu Pilatu, X’inhi l-verita’? 12 Qal Ġesu’, Il-verita’ mis-sema. 13 Qal Pilatu, Mela l-verita’ m’hijiex fuq l-art. 14 Qal Ġesu’ lil Pilatu, Emmen li l-verita’ qiegħda fuq l-art fost dawk li, meta għandhom is-setgħa tal-ħaqq, jitmexxew mill-verita’ u jagħmlu ħaqq tajjeb.
KAP IV
Pilatu ma jsibx ħtija f’Ġesu’
Ħalla, imbagħad, Pilatu lil Ġesu’ fis-sala, u ħareġ ħdejn il-Lhud u qal, Ma nsib ebda ħtija f’Ġesu’. 2 Igħidulu l-Lhud, Imma huwa qal: Jien nista’ nġarraf it-tempju ta’ Alla u fi tlett ijjiem nerġa’ nibnih. 3 Igħidilhom Pilatu, X’għamla ta’ tempju hu dak li dwaru qiegħed jitkellem? 4 Igħidulu l-Lhud, Dak li Salamun dam sitta u erbgħin sena jibni, qal li kien iġarrfu u fi tlett ijjiem jibnih. 5 Reġa’ qalilhom Pilatu, Jien bla ħtija għad-demm ta’ dak ir-raġel; arawh intom. 6 Igħidulu l-Lhud, Demmu fuqna u fuq uliedna. Imbagħad, Pilatu, fil-waqt li sejjaħ flimkien ix-xjuh u l-kittieba, il-qassisin u l-Leviti; igħidilhom rasu u rashom: Tagħmlux hekk; ma sibt xejn fix-xili tagħkom (kontrih) dwar il-fejqan tal-morda u l-ksur tas-Sibt, li jistħoqq il-mewt. 7 Wieġbu l-qassisin u l-Leviti lil Pilatu, Fuq il-ħajja ta’ Ċesri, jekk xi ħadd ikun midgħi, ħaqqu l-mewt, imma dan ir-raġel dagħa kontra l-Mulej. 8 Imbagħad, reġa amar il-gvernatur lil-Lhud biex joħorġu mis-sala; u fil-waqt li sejjaħ lil Ġesu’, qallu, X’se nagħmel bik? 9 Wieġeb Ġesu’, Agħmel bħalma hemm miktub. 10 Qallu Pilatu, Kif hemm miktub? 11 Igħidlu Ġesu’, Bassru Mose’ u l-Profeti dwar it-tbatija u l-qawmien tiegħi mill-mewt. 12 Malli semgħu dan il-Lhud tqanqlu u qalu lil Pilatu, Għaliex trid tisma’ iżjed id-dagħa ta’ dak ir-raġel? 13 Igħidilhom Pilatu, Jekk dan il-kliem jidhrilkom li hu dagħwa, aqbduh, ġibuh fil-qorti tagħkom u stħarrġuh intom skond il-liġi tagħkom. 14 Iwieġbu l-Lhud lil Pilatu, Tgħid il-liġi tagħna: huwa għandu jaqla’ disa’ u tletin daqqa ta’ frosta; iżda, jekk wara dan, jidgħi kontra l-Mulej, huwa jkun imħaġġar. 15 Igħidilhom Pilatu, Jekk kliemu kien dagħwa, stħarrġuh skond il-liġi tagħkom.
Il-Lhud jitolbu li Ġesu’ jkun mislub
16 Igħidu l-Lhud lil Pilatu, Tamrilna l-liġi tagħna biex ma nagħtu l-mewt lil ħadd: nixtiequ li jkun mislub, għax ħaqqu l-mewt tas-salib. 17 Igħidilhom Pilatu, Ma jixraqx li jkun mislub: ħa jkun imsawwat u mibgħut lil hemm. 18 Iżda meta l-gvernatur ħares lejn in-nies li kienu hemm u l-Lhud, ra ħafna mil-Lhud bid-dmugħ. U qal lill-qassisin il-kbar tal-Lhud: In-nies kollha ma jixtequx il-mewt tiegħu. 19 Wieġbu x-xjuħ tal-Lhud lil Pilatu, Aħna u n-nies kollha ġejna hawn għal dan il-għan innifsu, li għandu jmut. 20 Igħidilhom Pilatu, ‘Ilgħala għandu jmut? 21 Qalulu, Għaliex stqarr lilu nnifsu li hu l-Iben ta’ Alla u Sultan.
KAP V
Nikodemu jitkellem biex jaqbeż għal Kristu
u jgħid fuq l-egħġubijiet tiegħu.
Iżda Nikodemu, wieħed Lhudi, qagħad quddiem il-gvernatur u qal, Nitolbok, ja mħallef tajjeb, li bil-għoġba tiegħek tħallini ngħid xi ftit kliem. 2 Qallu Pilatu, Tkellem. 3 Qal Nikodemu, Tkellimt max-xjuħ tal-Lhud u l-kittieba, u l-qassisin u Leviti, u l-kotra kollha tal-Lhud fil-ġemgħa tagħhom: Xi tridu tagħmlu b’dan ir-raġel? 4 Hu raġel li għamel ħafna għeġubijiet ta’ ħtieġa u ta’ sebħ, hekk li ebda bniedem ieħor fid-dinja qatt m’għamel bħalhom qabel, u lanqas ma jagħmel. Ħalluh imur u la tagħmlulu ebda ħsara; jekk ġej minn Alla, jissuktaw l-egħġubijiet tiegħu (il-fejqan tal-għaġeb tiegħu); iżda jekk mill-bnedmin, jiġu fix-xejn. 5 Hekk Mose’, meta ntbagħat minn Alla mill-Eġittu, għamel l-egħġubijiet li amarlu Alla, quddiem il-Fargħun, Sultan ta’ l-Eġittu; u għalkemm is-sħaħar ta’ dik l-art Jamni u Jambri, għamlu bis-seħer tagħhom l-istess għeġubijiet li għamel Mose’, b’dana kollu ma setgħux jagħmlu kulma għamel hu; 6 U l-egħġubijiet li għamlu s-sħaħar ma kinux minn Alla kif tafu intom, ja kittieba u Fariżin, iżda huma li għamluhom intilfu, u dawk kollha li emmnuhom. 7 U issa ħallu ‘l dan ir-raġel imur, għaliex l-egħġubijiet infushom li għalihom qegħdin tixluh, huma minn Alla; u ma jistħoqqlux il-mewt. 8 Qalu, imbagħad, il-Lhud lil Nikodemu, Sirt int dixxiplu tiegħu u qiegħed tagħmel int taħdit kif jaqbel lilu? 9 Qalilhom Nikodemu, Il-gvernatur sar dixxiplu tiegħu wkoll, u qiegħed hu jagħmel taħdit kif jaqbel lilu? Ma għamlux Ċesri f’dik il-qagħda għolja? 10 Meta l-Lhud semgħu dan, triegħdu u għażżu snienhom lejn Nikodemu, u qalulu, Tista’ tilqa’ tagħlimu bħala verita’ u jkollok sehmek ma’ Kristu. 11 Wieġeb Nikodemu, Amen; nilqa’ tagħlimu u sehmi miegħu bħalma għidtu intom.
Lhudi ieħor jixhed dwar għeġubijiet oħra
12 Qam, imbagħad, wieħed Lhudi ieħor, u xtaq li l-gvernatur iħallih isemmgħu xi kelmiet. 13 U qal il-gvernatur, Għid x’għandek f’moħħok. 14 U qal, Domt tmienja u għoxrin sena ħdejn il-għadira tan-ngħaġ f’Ġerusalemm, inġarrab marda kbira u nistenna l-fejqan li kellu jsir bil-miġja ta’ Anġlu, li f’xi waqt kien iqanqal l-ilma, u li kulmin wara t-tqanqil ta’ l-ilma kien jinżel ġo fih l-ewwel, kien jitfejjaq minn kull marda li seta’ kellu. 15 U meta Ġesu’ rani mgħaxxex hemm, qalli, Trid tfiq? Weġibt, Mgħallem m’għandi ‘l ħadd min jitfagħni fil-għadira meta l-ilma jitqanqal. 16 U qalli, Qum, erfa’ soddtok u imxi. U minnufih fiqt u erfajt is-sodda u mxejt. 17 Qalu, imbagħad, il-Lhud lil Pilatu, Sidna l-Gvernatur, nitolbuk staqsih f’liema jum tfejjaq mill-marda tiegħu. 17 Wieġeb il-marid, Kien is-Sibt. 19 Qalu l-Lhud lil Pilatu, M’għidniex li jagħmel il-fejqan tiegħu s-Sibt u jkeċċi x-xjaten bil-prinċep tax-xjaten? 20 Resaq, imbagħad, wieħed Lhudi ieħor u qal, Kont agħma, stajt nisma’ l-ħsejjes, iżda ma stajt nara ‘l ħadd; u fil-waqt li Ġesu’ kien miexi, smajt il-miġemgħa għaddejja u staqsejt x’kien hemm. 21 Qaluli li kien għaddej Ġesu’: imbagħad, għajjatt, ingħid, Ġesu’ Bin David, ħenn għalija. U waqaf u amar biex ninġieb quddiemu u qalli, Xi trid? 22 Għidt, Mulej, li nieħu d-dawl tiegħi. 23 Qalli, Ħu d-dawl tiegħek, u dak il-ħin rajt u mxejt warajh, nigħaxxaq u niżżi ħajr. 24 Resaq ukoll Lhudi ieħor u qal, Kont imġiddem u fejjaqni b’kelmtu biss, igħid, Irrid, indaf; u f’dak il-ħin tnaddaft mill-ġdiem tiegħi. 25 U resaq Lhudi ieħor u qal, Kont imgħawweġ u ddrittani b’kelmtu.
Il-Veronika tixhed dwar l-egħġubijiet ta’ Ġesu’
26 Waħda mara jisimha Veronika qalet, Kont imdejqa bin-nixa tad-demm għal tnax-il sena u messejt il-keffa ta’ ħwejġu u dak il-waqt in-nixa ta’ demmi waqaf. 27 Qalu, imbagħad, il-Lhud, Għandna liġi li mara ma tistax titħalla bħala xhieda. 28 U, wara ħwejjeġ oħra, qal Lhudi ieħor, Rajt lil Ġesu’ mistieden f’tieġ mad-dixxipli tiegħu, u kien hemm nuqqas ta’ nbid f’Kana tal-Galilija. 29 U meta l-inbid kien inxtorob kollu, amar lill-qaddejja biex jimlew bl-ilma sitt ġarar li kien hemm, u mlewhom sax-xifer, u hu berikhom, u bidel l-ilma f’inbid u xorbu n-nies kollha, mistagħbin b’dan il-għaġeb. 30 U ħareġ ‘il quddiem Lhudi ieħor, u qal, Rajt lil Ġesu’ jgħallem fis-Sinagoga ta’ Kafarnahum; u kien hemm fis-Sinagoga wieħed raġel li kellu xitan; u kien igħajjat, igħid, Ħallini waħdi; x’għandna x’naqsmu miegħek, Ġesu’ ta’ Nażaret? Ġejt biex teqridna? Naf li int il-Qaddis ta’ Alla. 31 U ċanfru Ġesu’, igħid, Iskot, ja spirtu maħmuġ, u oħroġ mir-raġel; u dak il-ħin ħareġ minnu u ma weġġgħu b’ebda mod. 32 Intqalu wkoll dawn il-ħwejjeġ minn wieħed Fariżew: Rajt li qatgħa kbira ġiet għand Ġesu’ mill-Galilija, u mix-xtajta, u ħafna pajjiżi mal-Ġurdan, u ħafna morda ġew għandu u fejjaqhom kollha. 33 U smajt l-ispirti maħmuġa jgħajtu, u jgħidu, Int l-Iben ta’ Alla. U talabhom bis-sħiħ Ġesu’ biex ma jxandruhx.
Iċ-Ċenturjun u Lhud oħra jixhdu dwar
aktar għeġubijiet ta’ Ġesu’
34 Wara dan, ieħor li kien jismu Ċenturju(n), qal, Rajt lil Ġesu’ f’Kafarnahum u tlabtu, ingħid, Mulej, hemm il-qaddej tiegħi mimdud id-dar marid bil-għotba. 35 U qalli Ġesu’, Niġi u nfejqu. 36 Iżda, għidt jien, Mulej ma jistħoqqlix li tiġi taħt is-saqaf tiegħi; iżda għid il-kelma u l-qaddej jitfejjaq. 37 U qalli Ġesu’, Mur għal xogħlok; u bħalma emmint, hekk jintgħamillek. U fieq il-qaddej tiegħi minn dik is-siegħa. 38 Qal, imbagħad, wieħed għani, Jien kelli iben f’Kafarnahum li kien qiegħed f’tarf il-mewt; u meta smajt li Ġesu’ kien ġie l-Galilija, mort u tlabtu biex jinżel sa dari u jfejjaq ‘l ibni, għaliex kien jinsab f’tarf il-mewt. 39 Qalli, Mur għal triqtek, ibnek igħix. 40 U fieq ibni minn dik is-siegħa. 41 Minbarra dawn, ħafna Lhud oħra wkoll, kemm nisa kif ukoll irġiel, għajtu u qalu, Hu tassew l-Iben ta’ Alla, li jfejjaq il-mard bi kliemu biss u li x-xjaten ikoll joqogħdu għalih. 42 Qalu wħud aktar ‘il bogħod, Din is-setgħa ma tista’ toħroġ mingħand ħadd għajr minn Alla. 43 Qal Pilatu lil-Lhud, ‘Ilgħala x-xjaten ma joqogħdux għall-imgħallmin tagħkom? 44 Qalu x’uħud minnhom, Is-setgħa li ġġiegħel x-xjaten joqogħdu għalih ma tixtax toħroġ ħlief minn Alla. 45 Iżda, qalu oħrajn lil Pilatu li kien qajjem lil Lzzru mill-imwiet wara li kien ilu erbat ijjiem f’qabru. 46 Meta l-gvernatur sema’ dan, qal jirtogħod lill-miġemgħa tal-Lhud, Xi qligħ se jkun hemm għalikom billi xxerrdu demm bla ħtija?
KAP VI
Pilatu jitbeżża’ mill-ħamba tal-Lhud
Imbagħad, Pilatu, wara li sejjaħ flimkien lil Nikodemu u l-ħmistax-il raġel li qalu li Ġesu’ ma kienx twieled miż-żina, qalilhom, X’se nagħmel, la qiegħed nara li bħal hemm rewwixta fost il-poplu? 2 Qalulu, Ma nafux; ħa jarawha dawk li jqajmu r-rewwixta. 3 Reġa’, imbagħad, Pilatu sejjaħ lill-miġemgħa u qalilhom, Intom tafu li għandkom drawwa li għandi neħilsilkom ħabsi għall-festa tal-Għid; 4 Għandi ħabsi magħruf li jismu Barabba u Ġesu’, imsejjaħ Kristu, li fih ma nsib xejn li jistħoqqlu l-mewt; liema minnhom, mela, għandkom f’moħħkom li neħilsilkom?
Jitolbu li Barabba jinħeles u Kristu jinsalab
5 Igħajtu lkoll u jgħidu, Eħilsilna lil Barabba. 6 Qalilhom Pilatu, X’se nagħmel, imbagħad, b’Ġesu’, imsejjaħ Kristu? 7 Iwieġbu lkoll, Ikun imsallab. 8 Jerġgħu jgħajtu u jgħidu lil Pilatu, M’intix ħabib ta’ Ċesri jekk teħles lil dan ir-raġel, għax hu stqarr li hu l-Iben ta’ Alla u Sultan. Iżda int imxaqleb li hu għandu jkun sultan u mhux Ċesri.
Pilatu jitħaddet magħhom bil-ħlewwa
9 Imbagħad, Pilatu, mimli bil-għadab, qalilhom, Ġenskom minn dejjem kien xewwiexi u intom dejjem kontu kontra dawk li qdewkom. 10 Wieġbu l-Lhud, Min huma dawk li qdewna? 11 Weġibhom Pilatu, Alla tagħkom li ħeliskom mill-jasar kiefer ta’ l-Eġizzjani u ġabkom minn fuq il-Baħar l-Aħmar bħalli kieku kienet art niexfa, u temagħkom fix-xagħri bil-manna u l-laħam tas-summien, u ħarġilkom l-ilma mill-blat, u takom liġi mis-sema. 12 Intom qanqaltuh dejjem u xtaqtu għalikom infuskom għoġol tad-deheb u qimtuh u dbaħtlulu u għidtu, Dawn huma allatek, ja Israel, li ħarġukom mill-art ta’ l-Eġittu! 13 Li minħabba f’dan kien Alla tagħkom ixaqleb li jeqridkom, iżda Mose’ ndaħal għalikom u Alla tagħkom semgħu u ħafer il-ħażen tagħkom. 14 Wara dan għadabtu kontra l-profeti tagħkom Mose’ u Arun, u kontu toqtluhom, meta ħarbu lejn il-Għarix (tabernaklu) u intom kontu dejjem tgergru kontra Alla u l-profeti tiegħu. 15 U fil-waqt li qam minn fuq magħqad il-ħaqq, kien se joħroġ ‘il barra; iżda l-Lhud għajtu lkoll: Aħna nagħirfu ‘l Ċesri bħala sultan, u mhux lil Ġesu’. 16 Billi dan, malli twieled ġew il-għorrief u offrewlu għotjiet; li meta Erodi sema’ dan, tħawwad bil-kbir u ried joqtlu. 17 Meta missieru sar jaf b’dan, ħarab bih u b’ommu lejn l-Eġittu. Erodi, meta sema’ li kien twieled, ried joqtlu; u, għaldaqstant, bagħat qatel it-tfal kollha li kien hemm Betlehem u fix-xtut kollha tagħha, ta’ minn sentejn u taħthom. 18 Meta Pilatu sema’ din il-ġrajja, beża’; u fil-waqt li amar is-skiet fost in-nies li kienu qegħdin jagħmlu għagħa, qal lil Ġesu’, Mela int sultan? 19 Wiegbu l-Lhud kollha lil Pilatu, Dan huwa dak stess li Erodi fittex li joqtol.
Pilatu jaħsel idejh minn demm Kristu
20 Imbagħad, Pilatu, fil-waqt li ħa l-ilma, ħasel idejh quddiem il-poplu, u qal, Jien bla ħtija għad-demm ta’ dan il-bniedem ġust: arawh intom. 21 Wieġbu l-Lhud, Demmu fuqna u fuq uliedna. 22 Amar, imbagħad, Pilatu biex Ġesu’ jinġieb quddiemu u kellmu b’dan il-kliem. 23 Ġensek stess qiegħed jixlik li għamilt lilek innifsek sultan; għaldaqstant, jien, Pilatu, nikkundannak biex tkun imsawwat skond il-liġijiet tal-gvernaturi ta’ qabel, u li tkun l-ewwel marbut, u mbagħad imdendel ma’ salib f’dak l-imkien fejn bħalissa tinsab maqbud; u miegħek ukoll żewġt irġiel ħżiena li jisimhom Disma u Ġesta.
KAP VII
Kif Kristu kien mislub maż-żewġ ħallelin
Ħareġ, imbagħad, Ġesu’ mis-sala u miegħu ż-żewġ ħallelin. 2 U meta waslu fl-imkien imsejjaħ Golgota, neżżgħuh minn ħwejġu u geżwru madwaru b’ċarruta tal-għażel, u qegħdulu klila tax-xewk fuq rasu, u qiegħdu qasba f’idu. 3 Hekk ukoll għamlu liż-żewġ ħallelin li sallbu miegħu, Disma fuq idu l-leminija u Ġesta fuq ix-xellug tiegħu. 4 Qal, iżda, Ġesu’: Aħfrilhom, Missier, għax ma jafux x’qegħdin jagħmlu. 5 U qasmu ħwejġu bejniethom, u fuq libstu tefgħu x-xorti. 6 Qagħdu dak il-ħin in-nies fil-qrib, u l-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-Lhud iddieħku bih, igħidu, Ħeles lill-oħrajn, ħalli issa jeħles lilu nnifsu jekk jista’; jekk inhu l-Iben ta’ Alla, ħalli jinżel minn fuq is-salib. 7 U s-suldati wkoll iddieħku bih, u fil-waqt li qabdu l-ħall u l-morr ressquhulu biex jixrob, u qalulu, Jekk inti s-sultan tal-Lhud, eħles lilek innifsek. 8 Imbagħad, Lonġinu, wieħed suldat, fil-waqt li qabad lanza, nifidlu ġenbu, u ħareġ dak il-ħin demm u ilma. 9 U kiteb Pilatu l-isem fuq is-salib b’ittri bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg, jiġifieri, Dan hu s-sultan tal-Lhud. 10 Iżda wieħed mill-ħallelin li kienu mislubin ma’ Ġesu’, li kien jismu Ġesta, qal lil Ġesu’: Jekk inti l-Kristu, eħles lilek innifsek u lilna. 11 Iżda l-ħalliel li kien mislub fuq il-lemin tiegħu, li kien jismu Disma, fil-waqt li wieġeb, ċanfru, u qal, Ma tibżax minn Alla, inti li qiegħed għal dan il-kastig? Aħna tabilħaqq qegħdin nieħdu fis-sewwa u fil-ħaqq dak li jistħoqq għall-egħmejjel tagħna; iżda dan Ġesu’, x’ħażin għamel? 12 Wara dan it-tnehid, qal lil Ġesu’, Mulej, ftakar fija meta tiġi f’saltnatek. 13 U Ġesu’, fil-waqt li wieġeb, qallu, Tabilħaqq ingħidlek li f’dan il-jum tkun miegħi fil-ġenna.
KAP VIII
Id-dehra tal-għaġeb f’mewtu
U kien madwar is-sitt siegħa, u d-dlam kien fuq wiċċ id-dinja kollha sad-disa’ siegħa. 2 U waqt li x-xemx kienet mikfusa, ara il-velu tat-tempju ċċarrat minn fuq s’isfel; u l-blat ukoll inqasam, u l-oqbra nfetħu, u ħafna iġsma tal-qaddisin li kienu rieqda, qamu. 3 U madwar id-disa’ siegħa, għajjat Ġesu’ b’leħen qawwi, igħid, Heli, Heli, lama żabacthani? li tfisser Alla tiegħi, Alla tiegħi, ‘ilgħala tlaqtni? 4 Wara dawn il-ħwejjeġ, qal Ġesu’, Missier, f’idejk nerħi r-ruħ tiegħi; u wara li qal dan, ta ruħu. 5 Iżda meta ra ċ-ċenturjun li Ġesu’ ta ruħu hekk igħajjat, sebbaħ lil Alla, u qal, Tassew kien dan bniedem ġust. 6 U n-nies kollha li kienu qegħdin hemm fil-qrib, tħawdu qatigħ għad-dehra; u fil-waqt li tħassbu fuq dak li kien ġara, ħabbtu fuq sidirhom, u reġgħu lura lejn il-belt ta’ Ġesursalemm. 7 Mar iċ-Ċenturjun għand il-gvernatur u qallu b’kull ma kien ġara. 8 U meta kien sema’ dawn il-ħwejjeġ kollha, tnikket bil-bosta; 9 U fil-waqt li sejjaħ il-Lhud flimkien, qalilhom: Rajtu l-għaġeb tal-kifs tax-xemx, u l-ħwejjeġ l-oħra li ġraw waqt li Ġesu’ kien qiegħed imut?
Il-lhud igħidu li l-kifs kien naturali
10 Li, meta l-Lhud semgħu dan, wieġbu lill-gvernatur: Il-kifs tax-xemx ġara bħalma darri. 11 Iżda dawk kollha li kienu jafu lil Kristu qagħdu ‘ bogħod, bħalma għamlu n-nies li kienu ġew wara Ġesu’, jiflu dawn il-ħwejjeġ kollha.
Ġużeppi ta’ Arimatea jidlek ġisem Ġesu’ bil-fwejjaħ u jidfnu
12 U, ara, wieħed raġel minn Arimatea, jismu Ġużeppi, li kien ukoll dixxiplu ta’ Ġesu’, iżda mhux hekk fil-miftuħ, minħabba l-biża’ tal-Lhud, ġie għand il-gvernatur u talab lill-gvernatur biex iħallih jieħu l-ġisem ta’ Ġesu’ mis-salib. 13 U l-gvernatur ħallih. 14 U ġie Nikodemu, u ġieb miegħu taħlita ta’ mirra u sabbara madwar sebgħa u ħamsin ratal; u niżżlu lil Ġesu’ mis-salib bid-dmugħ, u geżwruh f’lożor tal-għażel bil-ħwawar skond id-drawwa tad-dfin fost il-Lhud. 15 U qegħduh f’qabar ġdid, li Ġużeppi kien bena u ħaffer fi blata, li fih qatt ma kien tqiegħed ebda bniedem; u gerbu ħaġra kbira lejn il-bieb tal-qabar.
KAP IX
Il-Lhud imgħaddbin għal Nikodemu
Meta l-Lhud il-ħżiena semgħu li Ġużeppi kien talab u difen il-ġisem ta’ Ġesu’, fittxew lil Nikodemu; u lil dawk il-ħmistax’il raġel li kienu xehdu quddiem il-gvernatur li Ġesu’ ma kienx twieled miż-żina, u l-uħud l-oħrajn li kienu wrew xi għemejjel tajba lejh. 2 Iżda meta huma lkoll inħbew minħabba l-biża’ tal-Lhud, Nikodemu waħdu wera ruħu lejhom, u qalilhom, Kif jistgħu nies bħal dawn jidħlu fis-sinagoga? 3 Weġbuh il-Lhud, Imma kif għandek il-ħila tidħol int fis-sinagoga li kont imxierek ma’ Ġesu’? Ħalli għażlek ikun miegħu fid-dinja l-oħra. 4 Wieġeb Nikodemu, Amen; hekk ikun, li jkolli għażli miegħu f’saltnatu.
U għal Ġużeppi ta’ Arimatea
5 Hekk ukoll Ġużeppi, meta ġie għand il-Lhud, qalilhom, ‘Ilgħala intom imgħaddbin għalija għax xtaqt il-ġisem ta’ Ġesu’ mingħand Pilatu? Araw, qegħidtu fil-qabar tiegħi u geżwirtu f’għażel nadif, u qegħidt ħaġra fil-bieb tal-qabar. 6 Jien għamilt sewwa miegħu; iżda intom għamiltu ħażin kontra bniedem tajjeb billi sallabtuh, tajtuh il-ħall biex jixrob, xiddejtulu klila tax-xewk, slaħtulu ġismu bis-swat u tlabtu li l-ħtija ta’ demmu taqa’ fuqkom.
Jitfgħuh il-ħabs
7 Meta semgħu dan, il-Lhud iddejqu u tħawdu; u qabdu ‘l Ġużeppi u amrulu biex jitqiegħed taħt għassa qabel is-Sibt, u jinżamm hekk sakemm igħaddi s-Sibt. 8 U qalulu, agħmel stqarrija; għax bħalissa bil-liġi ma nistgħu nagħmlulek ebda ħsara sakemm jasal l-ewwel jum tal-ġimgħa. Iżda aħna nafu li int ma tkunx meqjus li jistħoqqlok difna; imma aħna nagħtu laħmek lit-tajr ta’ l-ajru u l-bhejjem ta’ l-art. 9 Wieġeb Ġużeppi, Kliemkom bħal kliem Gulija l-kburi, li ċanfar lil Alla ħaj billi tkellem kontra David. Imma kunu afu intom, kittieba u mgħallmin, li qal Alla permezz tal-profeta: Il-vendetta hija tiegħi u jiena nħallaskom tal-ħażin daqs dak li bih tkunu heddidtuni. 10 Alla, li dendiltu fuq is-salib, għandu l-ħila jeħlisni minn taħt idejkom. Il-ħażen tagħkom kollu jdur fuqkom. 11 Għax il-gvernatur, meta ħasel idejh qal, Jien ħieles mid-demm ta’ dan il-bniedem ġust. Iżda intom weġibtu u għajjattu, Demmu fuqna u fuq uliedna. Mela kif għidtu, ħa tintilfu għal dejjem. 12 Ix-xjuħ tal-Lhud, meta semgħu dan il-kliem, tgħaddbu qatigħ; u fil-waqt li ħatfu lil Ġużeppi tefgħuh f’għorfa fejn ma kien hemm ebda tieqa; qaflu l-bieb u ssiġillaw is-serratura. 13 U qiegħdu Ann u Qajfa għassa magħha, u ħadu l-parir tal-qassisin u l-Leviti li għandhom jiltaqgħu wara s-Sibt, u fittxew liema mewt għandhom jagħtu lil Ġużeppi. 14 Meta kienu għamlu dan il-mexxejja Anna u Qajfa, amru biex Ġużeppi jinħareġ.
Hawnhekk hawn biċċa mill-Evanġelju mitlufa jew imħollija barra li ma tistax tingħata.
KAP X
Il-ħarba ta’ Ġużeppi
Meta l-ġemgħa kollha semgħu dan stagħġbu u tgħaġġbu għax sabu l-istess siġill fuq is-serratura tal-għorfa u ma setgħux isibu lil Ġużeppi.
Is-Suldati jirrakkontaw il-qawmien mill-mewt ta’ Kristu
2 U ħarġu, imbagħad, Anna u Qajfa, u fil-waqt li kienu lkoll jistagħġbu bil-ħarba ta’ Ġużeppi, ara wieħed mis-suldati li kien qiegħed għassa mal-qabar ta’ Ġesu’ tkellem fil-ġemgħa. 3 Li fil-waqt li kienu qegħdin igħassu l-qabar ta’ Ġesu’, kien hemm theżhiża ta’ l-art; u rajna Anġlu tal-Mulej igerbeb il-ġebla tal-qabar u joqgħod bil-qiegħda fuqha. 4 U l-bixra tiegħu kienet bħall-berqa u ħwejġu bħas-silġ; u sirna aħna bil-biża’ bħal nies mejtin. 5 U smajna anġlu igħid lin-nisa ħdejn il-qabar ta’ Ġesu’: La tibżgħux, Nafu li qegħdin tfittxu lil Ġesu’ li kien mislub; qam bħalma ħabbar minn qabel. 6 Ejjew araw l-imkien fejn kien tqiegħed; u morru issa, u għidu lid-dixxipli tiegħu li qam mill-mewt u li se jmur qabilkom il-Galilija; hemm intom tarawh bħalma qalilkom. 7 Sejħu, imbagħad, il-Lhud is-suldati kollha flimkien li kienu għassa mal-qabar ta’ Ġesu’, u qalulhom: Min huma dawk in-nisa li l-Anġlu tkellem magħhom? Għaliex ma ħtaftuhomx? 8 Wieġbu s-suldati u qalu, Ma nafux min kienu n-nisa; barra minn dan aħna sirna bħal nies mejtin bil-biża’, u kif stajna naħtfu lil dawk in-nisa? 9 Qalulhom il-Lhud, Sakemm idum ħaj il-Mulej, ma nemmnukomx. 10 Fil-waqt li wieġbu, qalu s-suldati Lhud, Meta intom rajtu u smajtu lil Ġesu’ jagħmel daqshekk għeġubijiet, m’emmintuhx, kif se temmnu lilna? Sewwa għidtu, sakemm il-Mulej ikun ħaj, għaliex il-Mulej huwa ħaj tabilħaqq. 11 Smajna li qfiltu lil Ġużeppi li difen il-ġisem ta’ Ġesu’, f’għorfa, b’serratura li kienet issiġillata; u meta ftaħtuha ma sibtuhx hemm. 12 Għalhekk ġibulna ‘l Ġużeppi li intom qegħidtuh taħt għassa f’għorfa, u aħna nġibulkom lil Ġesu’ li konna għassa miegħu waqt li kien fil-qabar. 13 Wieġbu l-Lhud u qalu, Aħna nġibu lil Ġużeppi, ġibu intom lil Ġesu’. Iżda Ġużeppi qiegħed f’beltu Arimatea. 14 Wieġbu s-suldati, Jekk Ġużeppi qiegħed Arimatea, u Ġesu’ l-Galilija, smajna lill-anġlu jgħarraf lin-nisa. 15 Meta l-Lhud semgħu dan, beżgħu u qalu bejniethom, Jekk b’xi mod dawn il-ħwejjeġ isiru magħrufa minn kulħadd, imbagħad, kulħadd jemmen f’Ġesu’. 16 Ġabru, imbagħad, somma kbira ta’ flus u tawha lis-suldati, igħidu, Għidu lin-nies li d-dixxipli ta’ Ġesu’ ġew bil-lejl fejn kontu reqdin u serqu l-ġisem ta’ Ġesu’; u jekk Pilatu l-gvernatur jisma’ b’dan, aħna naqtgħulu xewqtu u neħilsukom minn kull ħsara. 17 Għaldaqstant, ħadu s-suldati l-flus u qalu kif kienu mwissijin mil-Lhud; u xtered kliemhom barra fost in-nies kollha.
Kristu jidher jippriedka l-Galilija
18 Iżda wieħed qassis Finee, Adas, imgħallem ta’ l-iskola u Levita jismu Aggew, ġew dawn it-tlieta Ġerusalemm mill-Galilija u qalu lill-qassisin il-kbar u ‘l dawk kollha li kienu fis-sinagoga, igħidu, 19 Rajna lil Ġesu’, li intom sallabtu, jitkellem mal-ħdax-il dixxiplu tiegħu u bil-qiegħda f’nofshom fuq il-Għolja taż-Żebbuġ, u jgħidilhom: 20 Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ġnus kollha u għammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ Ruħ il-Qodos; u kull min jemmen u jitgħammed, ikun meħlus.
Il-Lhud jindmu mill-kefrija tagħhom lejh
U meta kien qal dawn il-ħwejjeġ lid-dixxipli tiegħu, rajnieh tiela’ ‘l fuq lejn is-sema. 22 Meta l-qassisin il-kbar, ix-xjuħ u l-Leviti semgħu dawn il-ħwejjeġ, qalu lil dawn it-tliet irġiel, Sebbħu lil Alla ta’ Israel u stqarrulu jekk dawk il-ħwejjeġ humiex tabilħaqq minnhom, li qegħdin tgħidu li rajtu u smajtu. 23 Qalu huma fil-waqt li wieġbu, sakemm ikun ħaj il-Mulej ta’ missirijietna, Alla ta’ Abram, u Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb, bħalma smajna ‘l Ġesu’ jitkellem mad-dixxipli tiegħu, u bħalma rajnieh tiela’ s-sema, hekk aħna għidnielhom is-sewwa. 24 Wieġbu aktar it-tliet irġiel, u qalu, fil-waqt li żiedu dan il-kliem: Kieku ma kellux ikollna l-kliem li smajna lil Ġesu’ jitkellem, u li rajnieh tiela’ s-sema, konna nkunu ħatja tad-dnub. 25 Qamu, imbagħad, bil-wieqfa mill-ewwel il-qassin il-kbar, u fil-waqt li żammu f’idejhom il-ktieb tal-liġi, talbu lil dawn in-nies bil-qawwa kollha, igħidu, La tistqarrux iżjed mil-lum ‘l quddiem dawk il-ħwejjeġ li tkellimtu dwarhom fuq Ġesu’. 26 U tawhom somma kbira ta’ flus, u bagħtu nies oħra magħhom, li kellhom iwassluhom f’arthom, biex bl-ebda mod ma jagħmlu xi waqfa f’Ġerusalemm. 27 Inġemmgħu, imbagħad, il-Lhud ilkoll flimkien, u wara li fissru l-iżjed taqtiq ta’ qalb tal-biki, qalu, X’inhi din il-ħaġa ta’ barra minn hawn li ġrat f’Ġerusalemm? 28 Iżda sabbruhom Anna u Qajfa, igħidu, ‘Ilgħala għandna nemmru s-suldati li kienu jgħassu ‘l qabar ta’ Kristu, f’li qalulna, li Anġlu gerbeb il-ħaġra mill-bieb tal-qabar? 29 Jista’ jkun li d-dixxipli tiegħu nfushom qalulhom dan, u tawhom il-flus ħalli jgħidu hekk, u ħadu huma nfushom il-ġisem ta’ Ġesu’. 30 Minn barra hekk, qisu intom dan, li m’għandu jingħata ebda widen lill-barranin, għaliex huma wkoll ħadu somma kbira mingħandna, u stqarrulna skond it-twissijiet li tajniehom. Jew għandhom ikunu fidili lejna, jew lejn id-dixxipli tiegħu.
KAP XI
Nikodemu jagħti parir lil-Lhud
Qam, imbagħad, Nikodemu u qal, Qegħdin tgħidu sewwa, ja wlied Israel, li smajtu x’ħalfu bil-liġi ta’ Alla li raw dawk it-tliet irġiel li qalu: Rajna lil Ġesu’ jitkellem mad-dixxipli tiegħu fuq il-Għolja taż-Żebbuġ u rajnieh tiela’ s-sema. 2 U l-Iskrittura tgħallimna li l-profeta mqaddes Elija ttella’ s-sema u Eliżew meta kien mistoqsi minn ulied il-profeti, Fejn hu missierna Elija? Qalilhomli kien ittieħed is-sema. 3 U qalulu wlied il-profeti: Jista’ jkun li l-ispirtu ħadu f’waħda mill-iġbla ta’ Israel, għandna mnejn insibuh hemm. U talbu lil Eliżew u tlajja magħhom għal tlett ijjiem u ma setgħux isibuh. 4 U issa isimgħuni, ja wlied Israel, ħalli nibagħtu l-irġiel fl-iġbla ta’ Israel, li jista’ jkun l-ispirtu ma ġarrx lil Ġesu’, u hemm għandna mnejn insibuh, u jkun biżżejjed għalina. 5 U għoġob il-parir ta’ Nikodemu lin-nies kollha; u bagħtu l-irġiel li fittxew lil Ġesu’, iżda ma setgħux isibuh: u fil-waqt li reġgħu lura, qalu, morna kullimkien u ma stajniex insibu lil Ġesu’, iżda sibna lil Ġużeppil fil-belt tiegħu ta’ Arimatea.
Ġużeppi misjub
6 Meta semgħu dan il-mexxejja u n-nies kollha kienu hienja u faħħru lil Alla ta’ Israel għax Ġużeppi instab li huma sakkru f’għorfa u ma setgħux isibuh. 7 U meta kienu sawru migemgħa kbira, qalu l-qassisin il-kbar. B’liema mod se nġibu lil Ġużeppi għandna biex inkellmuh? 8 U fil-waqt li qabdu biċċa karta kitbulu u qalu, Is-sliem miegħek u ma’ familtek kollha. Aħna nafu li nqasma kontrik u kontra Alla. Ħa jkun jogħġbok li tagħmlilna żjara, lilna missirijietek, għaliex aħna nħsadna għal kollox bil-ħarba tiegħek mill-ħabs. 9 Nafu li kien parir ħajjen li ħadna kontrik u li l-Mulej ħa ħsiebek mit-tir tagħna. Is-sliem miegħek, Ġużeppi, li inti ta’ ġieh fost in-nies kollha. 10 U għażlu sebgħa minn ħbieb Ġużeppi u qalulhom, Meta tiġu għand Ġużeppi sellmulu fis-sliem u agħtuh din l-ittra.
Mistieden mil-Lhud biex jarġa’ lura
11 Għalhekk, meta ġew l-irġiel għand Ġużeppi, sellmulu fis-sliem u tawh l-ittra. 12 U meta Ġużeppi qraha, qal, Ikun imbierek il-Mulej Alla li ħelisni mill-Israelin u ma setgħux ixerrdu demmi. Tkun imbierek Alla li ħaristni taħt ġwinħajk. 13 U bieshom Ġużeppi u daħħalhom f’daru. U ‘lgħada, rikeb Ġużeppi l-ħmar tiegħu u mar flimkien magħhom Ġerusalemm. 14 U meta l-Lhud kollha semgħu dawn il-ħwejjeġ, marru jiltaqgħu miegħu u għajtu, igħidu, Is-sliem, ilħaq mal-miġja tiegħek hawn, missier, Ġużeppi. 15 Li wieġeb għal dan, il-ġid mingħand il-Mulej jilħaq in-nies kollha. 16 U bisuh ilkoll; u ħadu f’daru Nikodemu wara li kien hejja laqgħa kbira. 17 Iżda ‘lgħada, billi kien Jum it-Thejjija, Anna u Qajfas u Nikodemu qalu lil Ġużeppi, Agħmel qrara lil Alla ta’ Israel u weġibna għal dawk il-mistoqijiet kollha li se nistaqsuk. 18 Għax aħna tħawwadna wisq li int dfint il-ġisem ta’ Ġesu’, u li meta aħna sakkarniek f’għorfa, ma stajniex insibuk, u ilna mbeżżgħa minn dak in-nhar s’issa għad-dehra tiegħek fostna. Għidilna, mela, quddiem Alla kulma ġara.
Jirrakkonta l-mod tal-ħarba tal-għaġeb tiegħu
19 Imbagħad, Ġużeppi, fil-waqt li wieġeb, qal, Intom għalaqtuni tabilħaqq f’Jum it-Thejjija sa fil-għodu. 20 Iżda fil-waqt li kont wieqaf nitlob f’nofs il-lejl, sfat id-dar imdawra minn erba’ anġli, u rajt lil Ġesu’ jiddi bħax-xemx u waqajt fl-art bil-biża’. 21 Iżda Ġesu;, fil-waqt li qabadli f’idi, refagħni mill-art u, imbagħad, intraxx in-nida fuqi,; iżda hu, fil-waqt li mesaħli wiċċi, biesni u qalli, La tibżax, Ġużeppi, ħares lejja għax jiena jien. 22 Ħarist, imbagħad, lejh u għidt, Rabboni Elija! Weġibni, Jien m’iniex Elija, imma Ġesu’ ta’ Nażareth li ġismu inti dfint. 23 Għidtlu, Urini l-qabar fejn middejtek. 24 Imbagħad, Ġesu’, fil-waqt li qabadni minn idi, wassalni fil-post fejn middejtu, u wrieni l-lożor tal-għażel u l-midila li qegħidtlu madwar rasu. Għaraft, imbagħad, li kien Ġesu’ u qimtu u għidt, Ikun imbierek dak li ġej f’isem il-Mulej. 25 U waqt li qabadli f’idi, wassalni Arimatea f’dari u qalli, Is-sliema ikun miegħek; iżda toħroġx minn darek sa lerbgħin jum; iżda jien ikolli mmur għand id-dixxipli tiegħi.
KAP XII
Il-Lhud mistagħġba u mħawda
Meta l-qassisin il-kbar u l-Leviti semgħu dawn il-ħwejjeġ kollha, kienu mistagħġba u waqgħu b’wiċċhom fl-art bħal nies mejtin, u fil-waqt li għajtu wieħed lil ieħor, qalu, X’inhu dan il-għelm ta’ barra minn hawn li ġara’ f’Ġerusalemm? Nafu aħna ‘l omm u ‘l missier Ġesu’. 2 U qal wieħed Levita, Naf ħafna minn qrabatu, nies reliġjużi, li huma mdorrija joffru s-sagrifiċċji u d-debhiet lil Alla ta’ Israel fit-tempju, bit-talb. 3 U meta l-qassis Xmun ħadu f’dirgħajh, qallu, Mulej, ħalli issa l-qaddej tiegħek jitlaq fis-sliem skond kelmtek; għax raw għajnejja s-salvazzjoni tiegħek li hejjejt quddiem wiċċ in-nies kollha: dawl li jdawwal il-ġnus, u s-sebħ tal-poplu tiegħek, Israel. 4 Hekk ukoll bierek Xmun lil Marija omm Ġesu’, u qalilha, Nistqarrlek dwar dak it-tifel; maħtur hu għall-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna u għal għelmli jitkellmu kontrih. 5 Iva, sejf jinfidlek ruħek ukoll, u l-ħsibijiet ta’ ħafna qlub jinkixfu. 6 Qalu, imbagħad, il-Lhud kollha: Ħalli nibagħtu għal dawk it-tliet irġiel li qalu li rawh jitkellem mad-dixxipli tiegħu fuq il-Għolja taż-Żebbuġ. 7 Wara dan, staqsewhom x’kienu raw; li wieġbu b’fehma waħda: Quddiem Alla ta’ Israel, inwettqu li rajna ċar lil Ġesu’ jitkellem mad-dixxipli tiegħu fuq il-Għolja taż-Żebbuġ u tiela’ ‘l fuq lejn is-sema. 8 Ħaduhom, imbagħad, Anna u Qajfas f’imkejjen għalihom u stħarrġuhom għalihom; li bi qbil flimkien stqarrew is-sewwa, u qalu li kien raw lil Ġesu’. 9 Qalu, imbagħad, Anna u Qajfas, Tgħid il-liġi tagħna – B’fomm żewġ jew tliet xhieda, kull kelma tkun imwettqa. 10 Iżda x’għidna aħna? Kien jogħġob lil Alla l-imbierek Enok u ttieħed ‘il fuq bil-kelma ta’ Alla; u midfen l-imbierek Mose’ hu magħruf. 11 Ġesu’, iżda kien mitluq f’idejn Pilatu, imsawwat, inkurunat bix-xewk, beżqulu, nifduh b’lanza, kien mislub, miet fuq is-salib, u kien midfun u ‘l ġismu Ġużeppi li jistħoqqlu kull ġieh difen f’qabar ġdid, u qiegħed jixhed li rah ħaj. 12 U barra minn dan, stqarru dawn l-irġiel li rawh jitkellem mad-dixxipli tiegħu fuq il-Għolja taż-Żebbuġ u tiela’ ‘l fuq lejn is-sema. 13 Imbagħad, Ġużeppi, fil-waqt li qam qal lil Anna u ‘l Qajfas, Jista’ jkun li intom qegħdin taħt ħasda kbira li ntqalilkom li Ġesu’ huwa ħaj u tela’ fis-smewwiet. 14 Hi tabilħaqq ħaġa li tgħaġġeb tassew li mhux hu biss li għandu jqum mill-imwiet, iżda jqajjem ukoll lil oħrajn minn qabarhom. 15 U issa iismigħuni ftit. Konna nafu lkoll lil Xmun l-imqaddes, il-qassis il-kbir, li refa’ ‘l Ġesu’ f’dirgħajh fit-tempju meta kien għadu tarbija. 16 Kellu dan l-istess Xmun żewġ ulied subjien tiegħu, u aħna konn lkoll hemm f’mewthom u d-difna tagħhom..
L-Ulied ta’ Xmun, Karinu u Lenzju jqumu mill-imwiet
fil-Kruċifissjoni ta’ Kristu
17 Morru, mela, u araw l-oqbra tagħhom għax dawn huma miftuħa u huma qamu: u araw, huma fil-belt ta’ Arimatea, iqattgħu ħinhom flimkien fil-qadi ta’ qima. 18 Semgħu x’uħud tabilħaqq il-ħoss ta’ leħinhom fit-talb, iżda ma jitħaddtu ma’ ħadd, imma jissuktaw imbikkma bħal bnedmin mejta.
Ġużeppi jipproponi li jġibhom biex jgħidu l-misteri tal-qawmien tagħhom mill-mewt
19 Ejjew, iżda, ħalli mmorru għandhom u nġibu ruħna lejhom bil-qima kollha kif imiss u bil-ħsieb. U jekk nistgħu nġibuhom biex jaħilfu, jista’ jkun li jgħidulna x’uħud mill-misteri tal-qawmien tagħhom mill-mewt. 20 Meta l-Lhud semgħu dan ferħu wisq.
Imfittxa u misjuba
21 Marru, imbagħad, Anna u Qajfas, Nikodemu, Ġużeppi u Gamaljel, Arimatea, iżda ma sabuhomx f’qabarhom; imma fil-waqt li kienu mexjin madwar il-belt sabuhom għarrkubbejthom fil-qima tagħhom.
Misjuba fis-sinagoga
22 Meta, imbagħad, sellmulhom bil-qima kollha u għożża lejn Alla, ġabuhom is-sinagoga Ġerusalemm: u wara li għalqu l-bibien ġabu l-ktieb tal-liġi tal-Mulej.
Jaħilfu privatament biex iżommu s-sigriet
23 U fil-waqt li qegħduh f’idejhom ħallfulhom b’Alla, Adonaj u Alla ta’ Israel li kellem lil missirijietna permezz tal-liġi u l-profeti, igħidu, Jekk temmnuh li qajjimkom mill-imwiet, li hu Ġesu’, għidilna x’rajtu u kif qajjimkom mill-imwiet. 24 Triegħdu Karinu u Lentju meta semgħu dawn il-ħwejjeġ, u tħawdu u karbu; u fl-istess ħin, fil-waqt li ħarsu lejn is-sema, raddu s-salib fuq ilsienhom b’subgħajhom.
Jeħduha fuqhom li jiktbu dak li raw
25 U tkellmu minnufih, u qalu, Agħtu lil kull wieħed minna xi karta u niktbulkom dawk il-ħwejjeġ kollha li rajna. U kull wieħed minnhom qagħad bil-qiegħda u kiteb, igħidu:
KAP XIII
Tibda l-Ġrajja ta’ Karinu u Lentju
Ja Mulej Ġesu’ u Missier, li int Alla, ukoll il-qawmien u l-ħajja tal-mejtin, agħtina t-tħollija li nistqarru l-misteri tiegħek li rajna wara l-mewt ta’ salibek, għax aħna maħlufa b’ismek. 2 Għax inti mnajt il-qaddejja tiegħek li jistqarru ħwejġek il-mistura li saru b’setegħtek fil-Limbu.
Dawl kbir fil-Limbu
3 Meta tqegħidna ma’ missirijietna fil-għammieq tal-Limbu, fis-swedija tad-dlam, minnufih deher lewn ix-xemx bħad-deheb u dawl qawwi ta’ lewn ħamrani idawwal l-imkien. 4 Malli dan, dak il-ħin, Adam, missier il-bnedmin kollha bil-patrijarki u l-profeti kollha, feraħ u qal, Hu dak id-dawl il-Ħallieq tad-dawl ta’ dejjem li wiegħed li jeħodna fid-dawl ta’ bla tmiem. 5 Għajjat, imbagħad, Isaija l-profeta u qal, Dan hu dawl il-Missier, u l-Iben ta’ Alla, skond il-profezija tiegħi, meta kont ħaj fuq l-art. 6 Art Żebulun u art Neftali, lil hinn mill-Ġurdan, poplu li kien miexi fid-dlam, raw dawl kbir; u lilhom li kienu jgħammru fin-naħa ta’ dell il-mewt, xegħel dawl u issa ġie, u dawwalna lilna li konna qegħdin fil-mewt.
Jasal Xmun u jħabbar il-Miġja ta’ Kristu
7 U fil-waqt li konna lkoll nifirħu fid-dawl li idda fuqna, ġie fostna missierna Xmun, u fil-waqt li feraħ lix-xirka kollha, qal, Sebbħu lill-Mulej Ġesu’ Kristu, l-Iben ta’ Alla, 8 Li erfajtu f’dirgħajja fit-tempju meta kien għadu tarbija, u mqanqal minn Ruħ il-Qodos, għidtlu u għaraft li issa għajnejja raw il-ħelsien tiegħek li hejjejt quddiem wiċċ il-popli kollha, dawl li jdawwal il-ġnus u sebħ tal-poplu tiegħek Israel. 9 Il-qaddisin kollha li kienu f’għammieq il-Limbu, meta semgħu dan ferħu aktar. 10 Wara dan, ħareġ wieħed qisu eremita ċkejken, u kien mistoqsi minn kulħadd, Min inti? 11 Li wieġeb għal dan, Jien il-leħen ta’ wieħed igħajjat fid-deżert, Ġwanni l-Għammiedi u l-Profeta ta’ l-Aktar Għoli li mort qabel il-miġja tiegħu biex inhejji u biex nagħti t-tagħlim tas-salvazzjoni lill-poplu tiegħi għall-maħfra tad-dnubiet. 12 U jien, Ġwanni, meta rajt li Ġesu’ ġej għandi, imqanqal minn Ruħ il-Qodos, għidt, Araw il-ħaruf ta’ Alla, arawh lilu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. 13 U għammidtu fix-xamra Ġurdan, u rajt lil Ruħ il-Qodos nieżel fuqu taħt sura ta’ ħamiema u smajt leħen mis-sema jgħid, Dan hu Ibni l-maħbub, li bih nitgħaxxaq. 14 U issa li kont sejer quddiemu, inżilt hawnhekk biex ingħarrafkom li l-Iben ta’ Alla imiss li jżurna,u, bħaż-żerniq mill-għoli, jiġi għandna, li aħna fid-dlam u f’dell il-mewt.
KAP XIV
Adam iġiegħel lil Set biex jirrakkonta x’sema’ mingħand Mikiel l-Arkanġlu meta bagħtu l-ġenna biex jitlob lil Alla ħallil jidliklu rasu fil-mard tiegħu
Iżda meta l-ewwel bniedem missierna Adam sema dawn il-ħwejjeġ, li Ġesu’ kien imgħammed fil-Ġurdan, sejjaħ lil inbu Set, u qal, 2 Stqarr lil uliedek, il-patrijarki, dawk il-ħwejjeġ kollha li smajt mingħand Mikiel, l-arkanġlu meta bgħattek fil-bibien tal-Ġenna, biex titlob lil Alla ħalli jidlikli rasi meta kont marid. 3 Imbagħad, Set, fil-waqt li ġie ħdejn il-patrijarki u l-profeti, qal, Jien, Set, meta kont qiegħed nitlob lil Alla fil-bibien tal-Ġenna, rajt l-anglu tal-Mulej, Mikiel jidhirli jgħid, Jien mibgħut għandek mill-Mulej; jiena maħtur biex naħkem fuq l-iġsma tal-bnedmin. 4 Ngħidlek Set, La titlobx lil Alla bid-dmugħ, u tittallab lilu ż-żejt tas-siġra tal-ħniena li bih tidlek ‘il missierek Adam għall-uġigħ ta’ ras tiegħu. 5 Għaliex int ma tista’ tiksbu b’ebda mod ħlief fl-aħħar jum u fl-aħħar żminijiet, jiġifieri meta jkunu għaddew ħmistax-il elf u ħames mit sena. 6 Jiġi, imbagħad, Kristu, l-Iben l-aktar ħanin ta’ Alla, fid-dinja biex jerġa’ jqajjem il-ġisem ta’ bniedem ta’ Adam, u fl-istess ħin iqajjem l-iġsma tal-mejtin; u meta jiġi, jitgħammed fil-Ġurdan. 7 Jidlek, imbagħad, biż-żejt tal-ħniena tiegħi lil dawk kollha li jemmnu fih; u jissokta ż-żejt tal-ħniena tiegħi għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni, għal dawk li jitwieldu mill-ilma u minn Ruħ il-Qodos għall-ħajja dejjiema. 8 U meta jiġi f’dak iż-żmien l-Iben l-aktar ħanin ta’ Alla, Kristu Ġesu’, idaħħal lil missierna Adam fil-Ġenna, ħdejn is-siġra tal-ħniena. 9 Meta l-patrijarki u l-profeti semgħu dawn il-ħwejjeġ kollha mingħand Set, ferħu iżjed.
KAP XV
Ġlieda bejn Satana u l-Prinċep tal-Limbu dwar il-wasla mistennija ta’ Kristu fil-Limbu
Fil-waqt li l-qaddisin kienu qegħdin jifirħu, ara Satana, il-prinċep u r-rajjes tal-mewt, qal lill-Prinċep tal-Limbu, 2 Hejju biex tilqgħu lil Ġesu’ ta’ Nażaret innifsu, li ftaħar li kien l-Iben ta’ Alla, u b’dana kollu kien bniedem jibża’ mill-mewt, u qal, Ruħi mnikkta għall-mewt. 3 Barra minn dan għamilli ħafna deni lili u lil ħafna oħrajn; għax ‘il dawk li agħmejt u għattabt, u ‘l dawk ukoll li ħqart b’bosta xjaten, fejjaq b’kelmtu; iva, u lil dawk li ġibt mejtin għandek, jeħodhomlok bis-saħħa. 4 Wieġeb il-Prinċep tal-Limbu lil Satana, Min hu dak il-prinċep hekk qawwi, u b’dana kollu bniedem li jibża’ mill-mewt? 5 Għax il-qawwiet kollha tad-dinja huma tagħt setegħti li int ġibthom taħt setegħtek. 6 Jekk hu, iżda, hu hekk qawwi fin-natura tiegħu ta’ bniedem, intwettaqlek bħala verita’, li hu jista’ kollox fin-natura divina tiegħu, u ebda bniedem ma jista’ jieqaf lill-qawwa tiegħu. 7 Meta, għalhekk, qal li kien qiegħed jibża mill-mewt, għamel f’moħħu li jonsbok, u jkun ta’ dwejjaq għalik għal żminijiet li ma jintemmu qatt. 8 Imbagħad, fil-waqt li wieġeb, qal Satana lill-Prinċep tal-Limbu, Għaliex fissirt dubju u kont beżgħan lil tilqa’ lil Ġesu’ ta’ Nażaret, għaduk kif ukoll għaduwi? 9 Ingħid għalija, ġarrabtu u qanqalt lill-poplu antik tiegħi, il-Lhud, bil-ħeġġa u bil-għadab kontrih. 10 Sinnejt il-lanza għat-tbatija tiegħu, ħallatt il-morr mal-ħall, u amart li għandu jixorbu; hejjejt is-salib biex insallbu, u l-imsiemer biex jinfdulu idejh u saqajh; u issa mewtu fil-qrib magħna, inġibu hawnhekk, taħtek u taħti. 11 Imbagħad, fil-waqt li wieġeb, qal il-Prinċep tal-Limbu, Għadek kemm għidtli issa, li ħa l-mejtin mingħandi bis-saħħa. 12 Huma li nżammu hawn sakemm għandhom jerġgħu jgħixu fuq l-art, ittieħdu minn hawn, mhux bis-setgħa tagħhom, iżda bit-talb magħmul lil Alla, u Alla tagħhom li jista’ kollox ħadhom miegħuh. 13 Min hu, mela, dak Ġesu’ ta’ Nażaret li b’kelmtu ħa l-mejtin mingħandu mingħajr talba lil Alla? 14 Jista’ jkun li hu l-istess wieħed li ħadli lil Lazzru wara li kien ilu erbat ijjiem mejjet, u kien niten kif ukoll tħassar, u li ħadtu għandi b ħala bniedem mejjet, b’dana kollu reġa’ ġabu għall-ħajja b’setegħtu. 15 Fil-waqt li rrisponda, wieġeb Satana lill-Prinċep tal-Limbu: Hu tabilħaqq l-istess wieħed, Ġesu’ ta’ Nażaret. 16 Li, meta sema’ dan il-Prinċep tal-Limbu, qallu, Nitolbok bis-setgħatl li huma tiegħek u tiegħi, li ma ġġibux għandi. 17 Għax meta smajt bil-qawwa ta’ kelmtu, tregħidt bil-biża’, u x-xirka ħażina tiegħi kollha kienu fl-istess ħin imħawda. 18 U ma kellniex il-ħila nżommu ‘l Lazzru, iżda hu tqanqal waħdu, u bl-egħliem tal-ħżunija telaq mingħandna minnufih; l–istess art fejn kien qiegħed Lazzru rmietu ħaj. 19 U naf issa li hu Alla li jista’ kollox li jista’ jagħmel ħwejjeġ bħal dawn, li hu qawwi fil-ħakma tiegħu u setgħan fin-natura ta’ bniedem, li hu l-Ħellies tal-Bnedmin. 20 Iġġibx, mela, lil dan il-wieħed hawnhekk, għax jeħles lil dawk kollha li qiegħed inżomm fil-ħabs taħt in-nuqqas ta’ twemmin u marbutin bil-qjad ta’ dnubiethom, u jwassalhom fil-ħajja ta’ dejjem.
KAP XVI
Il-wasla ta’ Kristu fil-bibien tal-Limbu
U fil-waqt li Satana u l-prinċep tal-Limbu kienu jitħaddtu ma’ xulxin, minnufih kien hemm leħen bħal tar-ragħad u t-tvenvin tar-rijeħ, igħid, Erfgħu bibienkom, intom ja prinċpijiet; erfgħu, intom ja bibien ta’ dejjem, u Sultan is-Sebħ se jidħol. 2 Meta l-prinċep tal-Limbu sema’ dan, qal lil Satana, Itlaq minn ħdejja, u mur ‘il barra mill-agħmajjar tiegħi; jekk inti gwerrier setgħani, isselet ma’ Sultan is-Sebħ. Iżda x’għandek x’taqsam miegħu? 3 U xeħtu ‘l barra mill-agħmajjar tiegħu. 4 U qal il-Prinċep lill-uffiċċjali ħżiena tiegħu, Sakkru l-bibien taram safrani tal-kefrija u aqfluhom bil-vireg tal-ħadid, u tqabdu bil-qlubija li ma mmorrux nittieħdu lsiena. 5 Iżda meta x-xirka kollha tal-qaddisin semgħu dan, tkellmu b’leħen għoli ta’ għadab mal-Prinċep tal-Limbu: 6 Iftaħ bibienek ħalli Sultan is-Sebħ ikun jista’ jidħol. 7 U għajjat il-profeta divin David, igħid, Meta kont fid-dinja, m’għamiltx tabilħaqq profezija u għidt, Li kienu l-bnedmin ifaħħru l-Mulej għal tjubitu u għal ħidmietu tal-għaġeb għal ulied il-bnedmin. 8 Għax kisser il-bibien tar-ram safrani, qasam il-vireg tal-ħadid fi tnejn. Ħadhom minħabba ħżunithom u minħabba l-ħjiena tagħhom kienu miġruħa. 9 Wara dan Profeta ieħor, jiġifieri Isaija l-imqaddes, tkellem hekk ukoll mal-qaddisin kollha, M’għamiltilkomx profezija sewwa jiena meta kont ħaj fuq l-art? 10 Il-mejtin igħixu u jerġgħu jqumu huma li qegħdin fl-oqbra tagħhom u jifirħu huma u qegħdin fid-dinja; għax in-nida li hu mill-Mulej iġibilhom il-ħelsien. 11 U għidt f’naħa oħra: Ja mewt fejn hi r-rebħa tiegħek? Ja mewt fejn hi n-niggieża tiegħek? 12 Meta l-qaddisin kollha semgħu dawn il-ħwejjeġ jingħadu minn Isaija, qalu lill-Prinċep tal-Limbu: Iftaħ issa bibienek u neħħi l-vireg tal-ħadid tiegħek; għax issa tkun marbut u ma jkollok ebda setgħa.
Kristu jinżel il-Limbu
13 Kien hemm, imbagħad, leħen kbir bħal tal-ħoss tar-ragħad, igħid: Erfgħu bibienkom, ja Prinċpijiet, u ntrefgħu intom ja bibien tal-Limbu, u Sultan is-Sebħ se jidħol. 14 Il-Prinċep tal-Limbu, billi ntebah li l-istess leħen kien ittenna, għajjat bħallikieku ma kien jaf xejn: Min hu Sultan is-Sebħ? 15 Wieġeb David lill-Prinċep tal-Limbu, u qal, Jien nifhem kliem dak il-leħen, għax għidtu bl-Ispirtu tiegħu. U issa bħalma għidt hawn fuq, ingħid lilek, Il-Mulej sħiħ u setgħani, il-Mulej qawwi fit-taqbida: hu Sultan is-Sebħ u hu l-Mulej fis-sema u fl-art; 16 Ħares ‘l isfel biex jisma’ l-krib tal-ħabsinu telaq merħijin dawk li huma maħturin għall-mewt. 17 U issa, inti, Prinċep maħmuġ u tinten tal-Limbu, iftaħ bibienek, ħalli jidħol Sultan is-Sebħ; għax hu l-Mulej tas-sema u l-art. 18 Fil-waqt li David kien qiegħed igħid dan, deher il-Mulej qawwi fis-sura ta’ bniedem, u dawwal dawk l-imkejjen li qabel kienu dejjem fid-dlam, 19 U qasam fi tnejn il-qjad li qabel ma setgħux jinkisru, u bis-setgħa tiegħu li ma tistax tintrebaħ, żar lil dawk li kienu qegħdin hemm fid-dlam għammieqi bil-ħażen f’dell il-mewt bid-dnub.
KAP XVII
Il-Mewt u x-Xjaten b’biża’ kbir għall-miġja ta’ Kristu
Meta l-mewt ħażina u l-qaddejja kiefra tagħha semgħu dawn il-ħwejjeġ, inħakmu mill-biża’ fil-bosta saltniet tagħhom, meta raw id-dija tad-dawl, 2 U ‘l Kristu nnifsu jidher f’daqqa waħda fl-agħmajjar tagħhom; għalhekk għajtu u qalu, Aħna marbutin minnek; tidher li għandek ħsieb it-taħwid tagħna quddiem il-Mulej. 3 Min inti li m’għandek ebda għelm ta’ taħsir, ħlief dik id-dehra tiddi li hija prova sħiħa tal-kobor tiegħek, li tiegħu b’dana kollu tidher li ma tagħtix kas. 4 Min inti, hekk qawwi u hekk dgħajjef, hekk kbir u hekk żgħir, ċkejken u b’dana kollu suldat ta’ l-ogħla fila, li tista tamar fis-sura ta’ qaddej, bħala suldat komuni! 5 Sultan is-Sebħ, mejjet u ħaj, għalkemm maqtul għal darba fuq is-salib. 6 Li qiegħed mejjet fil-qabar, u ġejt ħaj għandna, u b’mewtek il-ħlejjaq kollha triegħdu, u l-kwiekeb kollha tħarrku, u għandek issa l-ħelsien tiegħek fost il-mejtin, u tagħti t-qanqil lil-leġjini tagħna? 7 Min inti li teħes l-ilsiera li kienu miżmuma fil-ktajjen tad-dnub tal-bidu, ġġibhom fil-ħelsien tagħhom ta’ qabel? 8 Min inti li tifrex dawl hekk sabiħ u divin fuq dawk li kienu mogħmija bid-dlam tad-dnub? 9 Inħakmu bl-istess mod bi twerwir bħal dan il-leġjuni kollha tax-xjaten, u għajtu b’biża’ ta’ min hu mhejji joqgħod għal ħaddieħor, u qalu, 10 M’nejn hu ġej, inti ja Ġesu’ Kristu li inti bniedem hekk setgħani u msebbaħ fil-maesta’, hekk tiddi li m’għandek ebda tebgħa, u hekk safi li m’għandek ebda ħtija. Għax dik id-dinja ta’ taħtana, li s’issa kienet minn dejjem taħtna, u minfejn konna nilqħu dejjem għandna għotjiet, qatt qabel ma bagħtitilna bniedem mejjet bħal dan, qatt ma bagħtitilna rigali bħal dawn lill-prinċpijiet tal-Limbu. 11 Min inti, għalhekk, li bi qlubija bħal din tidħol fost l-agħmajjar tagħna, u mhux biss m’intix beżgħan li theddidna bl-akbar pwieni, imma wkoll tixtieq teħles lill-oħrajn kollha mill-ktajjen li bihom qegħdin inżommuhom? 12 Jista’ jkun li inti dak Ġesu’ li dwaru Satana għad kemm kellem lill-Prinċep tagħna, li bil-mewt tas-salib kont se tilqa’ għandek is-setgħa tal-mewt.
Kristu jirfes fuq il-Mewt, jaħtaf il-Prinċep tal-Limbu u jieħu ‘l Adam miegħu fis-Sema.
13 Imbagħad, Sultan is-Sebħ, fil-waqt li rifes fuq il-mewt, ħataf il-Prinċep tal-Limbu, neżżgħu mis-setgħa tiegħu kollha u ħa ‘l missierna ta’ din l-art miegħu fis-sebħ.
KAP XVIII
Beelżebub, Prinċep tal-Limbu, iċanfar bil-qawwa li Satana talli ppersegwita ‘l Kristu u ġabu fil-Limbu.
Ħa, imbagħad, il-Prinċep tal-Limbu lil Satana u b’dagħdigħa kbira qallu, Int, ja Prinċep tal-qerda ħallieq tat-telfa ta’ Beelżebub u tat-tbarrija tiegħu, iċ-ċanfira ta’ l-anġli ta’ Alla u mistkerrah mit-tajbin kollha! X’kien li xaqilbek biex tagħmel hekk? 2 Ridt insallab lil Sultan is-Sebħ u bil-qerda tiegħu, għalmiltilna wegħdiet ta’ fejdiet kbar ħafna, iżda bħal baħna ma kontx nafu għal xiex kont dieħel. 3 Għaliex ara, issa li Ġesu’ ta’ Nażaret bid-dija tad-divinita’ msebbħa tiegħu, ħarrab is-setgħat tad-dlamijiet kollha li jwaħħxu u l-mewt; 4 Kisser il-ħabsijiet tagħna minn fuq s’isfel, bagħat ‘il barra l-ilsiera kollha, telaq lil dawk kollha li kienu marbuta, u dawk kollha li qabel kienu mdorrija jokorbu taħt it-toqol tal-moħqrija tagħhom issa żebilħuna, u aħna bħalxejn ikunu mirbuħa bit-talb tagħhom. 5 L-inħawi ħżiena tagħna huma mrażżna, u ebda biċċa mill-bnedmin m’hi issa mħollija taħtna, iżda min-naħa l-oħra jistednuna għall-ġlied bi qlubija; 6 Għalkemm, qabel, il-mejtin qatt ma kienu jaħbtu jħibuu ruħhom magħna biż-żebliħ, u lanqas billi hum ħabsin, ma setgħu f’ebda waqt ikunu ferrieħa.
Kristu jagħti lil Beelżebub il-ħakma fuq Satana għal dejjem bħala ħlas talli ħa ‘l Adam u ‘l Uliedu
7 Ja Satana, int prinċep tal-ħżiena kollha, missier il-ħajna u l-mitluqin, għaliex meta ridt taħbat tagħmel din il-bravura, meta tara li ħabsin tagħna kienu s’issa mingħajr l-iċken tamiet għall-ħelsien u l-ħajja. 8 Iżda issa m’hemm ebda wieħed li qatt jokrob, lanqas m’hemm l-inqas dehra ta’ demgħa f’wieħed minn wiċċhom. 9 Ja Prinċep Satana, għassies kbir ta’ l-inħawi infernali, il-fejdiet tiegħek kollha li ksibt mis-sigra mimnugħa, u t-telfien tal-Ġenna, tlift issa bil-għid tas-salib. 10 U ntemm, imbagħad, il-hena tiegħek kollu, meta sallabt lil Ġesu’ Kristu, Sultan is-Sebħ. 11 Ħdimt inti kontra dak li kien jaqbel lilek u lili, bħalma se tara dal-ħin b’dawk il-moħqrijiet kbar u l-pwieni bla tmiem li dal-waqt se ġġarrab. 12 Ja Satana, prinċep tal-ħażen kollu, ħallieq tal-mewt, għajn ta’ kulll kburija, l-ewwel kien imissek staqsejt dwar id-dnubiet ta’ Ġesu’ ta’ Nażaret, u kont issib, imbagħad,li ma kien ħati ta’ ebda ħtija li tistħoqq il-mewt. 13 ‘Ilgħala ħassejt il-qlubija mingħajr la raġuni jew ħaqq, li ssalllbu u ġibt hawn isfel fl-inħawi tagħna wieħed bla ħtija u tajjeb, u b’hekk tlift il-midinbin kollha, nies ħżiena u ħajnin fid-dinja kollha. 14 Fil-waqt li l-Prinċep tal-Limbu kien qiegħed hekk jitkellem ma’ Satana, qal Sultan is-Sebħ lil Beelżebub, il-Prinċep tal-Limbu: Satana, il-Prinċep, ikun taħtek għal dejjem, f’imkien Adam u wliedu t-tajbin, li huma tiegħi.
KAP XIX
Kristu jaqbad f’id Adam, il-bqija tal-qaddisin jingħaqdu magħhom b’idejhom, u jitilgħu l-Ġenna lkoll
Medd, imbagħad, Kristu idu, u qal: Ejjew għandi, intom ilkoll, qaddisin tiegħi, li kontu maħluqa xbieha tiegħi, li kontu kkundannati mis-siġra tal-frott ipprojbit, u mix-xitan u l-mewt. 2 Għixu, issa, bil-għuda ta’ salibi; ix-xitan il-prinċep ta’ din id-dinja ngħeleb u l-mewt intrebħet. 3 Ingħaqdu, imbagħad, flimkien dak il-ħin il-qaddisin kollha taħt id Alla l-aktar għoli; u qabad f’id Adam il-Mulej Ġesu’ Kristu, u qallu: Is-sliem miegħek u t-tajbin kolla tiegħek li għad jiġu warajk, li huma tiegħi. 4 Tkellem miegħu, imbagħad, Adam, fil-waqt li xteħet f’riġlej’ Ġesu’, bid-dmugħ, b’ilsien imċekken, u b’leħen igħajjat, igħid, 5 Irrid ingħollik, ja Mulej, għax int erfajtni u ma ferraħtx l-egħdewwa tiegħi fuqi. Ja Mulej Alla tiegħi, għajjatlek u int fejjaqtni. 6 Tellajt, ja Mulej lil ruħi mill-qabar; żammejtni ħaj, biex ma ninżilx fil-ħofra. 7 Għannu lill-Mulej, intom ilkoll il-qaddisin tiegħu, u roddu ħajr fit-tifkira ta’ qdusitu. Għaliex għadbu jdum biss għal waqt wieħed; fil-għoġba tiegħu l-ħajja. 8 Hekk ukoll il-qaddisin kollha mitfugħa f’riġlejn Ġesu’ b’leħen wieħed qalu: Ġejt int, ja Feddej tad-dinja u temmejt tassew il-ħwejjeġ kollha, li bassart permezz tal-liġi u l-profeti mqaddsa tiegħek. 9 Fdejt b’salibek lill-ħajjin, u nżilt għandna biex bil-mewt tas-salib tkun tista’ teħlisna mil-Limbu, u b’setegħtek mill-mewt. 10 Ja Mulej, qegħidt int egħliem sebħek fis-sema u waqt għelm il-fidwa tiegħek saħansitra salibek fuq l-art. Għalhekk, Mulej, qiegħed għelm ir-rebħa ta’ salibek fil-Limbu, biex il-mewt ma jkollha ħakma qatt iżjed. 11 Għamel, imbagħad, il-Mulej għelm is-salib fuq Adam, u fuq il-qaddisin kollha tiegħu. 12 U fil-waqt li qabad ‘l Adam f’idu l-leminija, tela’ mil-Limbu, u l-qaddisin kollha ta’ Alla marru warajh. 13 Għajjat, imbagħad, bil-qlubija l-profeta David, u qal, Għannu lill-Mulej għanja ġdida għaliex għamel ħwejjeġ tal-għaġeb; idu l-leminija u driegħu l-imqaddes ġabulu r-rebħa. 14 Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu, wera bil-miftuħ tjubitu f’għajnejn il-pagani. 15 U wieġbu l-miġemgħa kollha tal-qaddisin, igħidu, Għandhom il-qaddisin kollha tiegħu dan il-ġieh, Amen, faħħru intom lill-Mulej. 16 Għajjat wara dan il-profeta Ħabbakuk, u qal, Mor ‘il quddiem int għas-salvazzjoni ta’ niesek, saħanasitra għas-salvazzjoni ta’ nislek. 17 U qalu l-qaddisin kollha, Imbierek hu li ġej f’isem il-Mulej; għax il-Mulej dawwalna. Dan hu Alla tagħna għal dejjem ta’ dejjem; isaltan fuqna għal żminijiet bla tmiem, Amen. 18 Tkellmu hekk ukoll il-profeti kollha l-ħwejjeġ qaddisa ta’ tifkira, u marru wara l-Mulej.
KAP XX
Kristu jagħti ‘l Adam lil Mikiel l-Arkanġlu.
Imbagħad, il-Mulej, fil-waqt li żamm f’id Adam, tah lil Mikiel l-Arkanġlu; u wara wasslu fil-Ġenna mimli bis-sliema u bis-sebħ. 2 U ltaqgħu magħhom tnejn min-nies antiki ħafna, li kienu mistoqsija mill-qaddisin, Min intom li ma kontux għadkom magħna fil-Limbu, u kellkom ġisimkom imqiegħed il-Ġenna?
Jiltaqgħu ma’ Henok u Elija fis-Sema, u wkoll mal-Ħalliel it-Tajjeb, li jgħid kif ġie fis-sema
3 Wieħed minnhom, fil-waqt li wieġeb, qal, Jien Henok, li tteħidt bil-kelma ta’ Alla, u dan il-bniedem li qiegħed miegħi hu Elija t-Tirxi li ttieħed f’karru tan-nar. 4 Hawn konna s’issa u ma doqniex il-mewt, iżda qegħdin biex nerġgħu lura fil-miġja ta’ l-Antikrist armati b’egħliem ta’ Alla u egħġubijiet neħduha miegħu f’taqbida u biex nitqatlu minn Ġerusalemm u biex nerġgħu nittieħdu ‘l fuq ħajjin fis-sħab wara tlett ijjiem u nofs. 5 U fil-waqt li l-imqaddsin Elija u Henok kienu qegħdin igħidu dan, ara ġie raġel ieħor f’sura msejkna, iġorr is-salib fuq kitfejh. 6 U meta l-qaddisin kollha rawh, qalulu, Min inti? Għax bixritek ta’ ħalliel; u ‘lgħala qiegħed terfa’ salib fuq kitfejk? 7 Li għal dan fil-waqt li wieġeb, qal, Qegħdin tgħidu sewwa, għax jien kont ħalliel, li għamilt kull xorta ta’ ħażen fid-dinja. 8 U sallbuni l-Lhud ma’ Ġesu’; u qgħadt nara l-ħwejjeġ tal-għaġeb li ġraw fil-ħolqien fit-tislib tal-Mulej Ġesu’. 9 U emmintu li kien il-Ħallieq ta’ kollox, u s-sultan li jista’ kollox, u tlabtu, ingħid, Mulej, ftakar fija meta tiġi f’saltnatek. 10 U qies dak il-ħin talbi, u qalli, tassew ingħidlek, illum tkun miegħi fil-Ġenna. 11 U tani dan il-għelm tas-salib, igħid, Erfa’ dan u mur il-Ġenna; u jekk l-anġlu li qiegħed għassa fil-Ġenna ma jdaħħlikx, urih għelm is-salib, u għidlu, Bagħatni hawn għandek Ġesu’ Kristu li issa u msallab. 12 Meta għamilt dan, u għidt dawn il-ħwejjeġ kollha lill-anġlu li qiegħed għassa tal-Ġenna, u semagħhom, fetaħ dak il-ħin il-bibien, daħħalni, u qegħidni fuq in-naħa tal-lemin fil-Ġenna, 13 Igħid, Oqgħod hawn għal ftit tal-ħin, sakemm Adam, misser il-bnedmin kollha, jidħol ma’ wliedu kollha li huma l-qaddejja imqaddsa u tajbin ta’ Ġesu’ Kristu li kien mislub. 14 Meta semgħu din il-ġrajja kollha mingħand il-ħalliel, qalu, Tkun imbierek, int Alla li tista’ kollox, Missier t-tjieba ta’ dejjem, Missier kull ħniena, li wrejt hekk għoġba lil dawk li kienu midinba kontra tiegħu, u li ġabhom għall-ħniena tal-Ġenna, u qegħidthom fost il-ħażniet kbar u tar-ruħ tiegħek f’ħajja qaddisa u tar-ruħ. Amen.
KAP XXI
Karinu u Lentju jitħallew biex jibqgħu fid-dinja tlett ijjiem biss
Dawn huma l-misteri qaddisa ta’ Alla, li rajna u smajna. Jien Karinu u Lentju m’aħniex imħollija nistqarru l-misteri l-oħra ta’ Alla kif amrilna l-Arkanġlu Mikiel, 2 Billi qal, Tmorru intom ma’ ħuti f’Ġerusalemm u tissuktaw fit-talb, tistqarru u ssebbħu l-qawmien ta’ Ġesu’ Kristu, meta taraw li qajjimkom mill-imwiet fl-istess ħin miegħu nnifsu. 3 U m’għandkom titkellmu ma’ ebda raġel, iżda toqogħdu bħal nies imbikkma, sakemm jasal iż-żmien meta l-Mulej iħallikom tgħidu l-misteri tad-divinita’ tiegħu. 4 U amrilna iżjed l-Arkanġlu Mikiel biex immorru lil hinn mill-Ġurdan, lejn art tajba wisq u għammiela, fejn hemm ħafna li qamu mill-imwiet flimkien magħna bħala turija tal-qawmien ta’ Kristu, 5 Għax għandna biss tlett ijjiem imħollija għalina mill-mejtin, li qamu biex jagħmlu l-għid f”ġieh il-Mulej tagħna Ġesu’ Kristu flimkien mal-ġenituri tagħna u biex ma nagħtux x-xhieda tagħna għal Kristu l-Mulej u tgħammidna fix-xmara qaddisa tal-Ġurdan. U issa ħadd iżjed ma jarahom. 6 Dan hu daqskemm Alla ħalliena ngħidu; agħtuh, mela, tifħir u ġieh, u indmu, u jkollu hu ħniena minnkom. Is-sliem għalikom mill-Mulej All Ġesu’ Kristu, u l-Ħellies tagħna lkoll. Amen, Amen, Amen.
Igħidu r-rakkonti tagħhom li jaqblu b’mod tal-għaġeb, u jgħibu
7 U wara li waqfu jiktbu u kienu kitbu fuq biċċtejn karta għalihom, ta’ Karinu dak li kiteb f’idejn Anna, u Qajfas, u Gamaljel. 8 Ta’ hekk ukoll Lentju li kiteb f’idejn Nikodemu u Ġużeppi, u mbidlu minnufuh f’suriet bojod qatigh u ma dehrux iżjed. 9 Iżda dak li kienu kitbu nstab li kien jaqbel f’kollox, il-waħda ma fihiex ittra waħda iżjed jew inqas mill-oħra. 10 Meta l-miġemgħa kollha tal-Lhud semgħu dawn il-ġrajjiet kollha tal-għaġeb ta’ Karinu u Lentju, qalu lil xulxin: Kienu tabilħaqq dawn il-ħwejjeġ kollha maħduma minn Alla u jkun imbierek il-Mulej Ġesu’ Kristu għal dejjem ta’ dejjem, Amen. 11 U marru bi tħassib kbir, u biża’, u rogħda, u ħabbtu fuq sirdirhom, u telqu lil hemm kull wieħed lejn daru. 12 U f’daqqa waħda dawn il-ħwejjeġ kollha li ngħadu mil-Lhud fis-sinagogi tagħhom dwar Ġesu’, intqalu dak il-ħin minn Ġużeppi u Nikodemu lill-Gvernatur.
Pilatu jikteb dawn il-ġrajjiet
13 U kiteb Pilatu dawn il-ġrajjiet kollha, u qiegħed dawn il-kitbiet fid-dokumenti pubbliċi ta’ l-awla tiegħu.
KAP XXII
Pilatu jmur fit-Tempju; isejjaħ flimkien il-mexxejja, u l-kittieba u għorrief
Wara dawn il-ħwejjeġ, mar Pilatu fit-tempju tal-Lhud u sejjaħ flimkien il-mexxejja u l-kittieba kollha, u l-imgħallmin tal-Liġi u mar magħhom fil-kappella tat-tempju.
Jamar li jingħalqu l-bibien; jordna l-ktieb ta’ l-Iskrittura; u jġiegħel lil-Lhud igħidu x’jafu tabilħaqq dwar Kristu
2 U wara li amar li l-bibien kellhom jingħalqu kollha, qalilhom, Smajt li għandkom xi ktieb kbir f’dan it-tempju. Nixtieq minnkom, mela, li jinġieb quddiemi. 3 U meta l-ktieb il-kbir, merfugħ minn erba’ ministri tat-tempju, u mżejjen bid-deheb u l-ħaġar għani, inġieb, qalilhom Pilatu lkoll: Nitlobkom b’Alla ta’ missirijietkom li ġiegħel u amar li dan it-tempju jinbena, li ma taħbulix is-sewwa. 4 Tafu intom il-ħwejjeġ kollha li hemm miktuba f’dak il-ktieb. Ghiduli, mela, issa, jekk intom sibtux xi ħaġa fil-Kotba Mqaddsa li Ġesu’ li intom sallabtu, f’liema żmien tad-dinja kellu jiġi: uruhieli. 5 Imbagħad, wara li ġiegħel lil Ana u ‘l Qajfas jaħilfu, amru lill-bqija kollha li kienu magħhom biex jitilqu mill-kappella. 6 U għalqu l-bibien tat-tempju u tal-knejjes, u qalu lil Pilatu, Ġegħiltna int naħilfu, ja Mħallef, bil-bini ta’ dan it-empju, biex nistqarrulek dak li hu veru u sewwa. 7 Wara li konna sallabna ‘l Ġesu’ billi ma konniex nafu li kien ‘l Iben ta’ Alla, iżda billi ħsibna li kien qiegħed jagħmel l-egħġubijiet b’xi snajja’ ta’ seħer, sejjaħna ġemgħa kbira f’dan it-tempju. 8 U meta konna nitħaddtu bejnietna dwar l-egħġubijiet li Ġesu’ kien għamel, sibna ħafna xhieda ta’ artna stess, li stqarru li rawh ħaj wara mewtu, u li rawh tiela’ fil-għoli tas-smewwiet, u dieħel fihom. 9 U rajna żewġ xhieda li ġisimhom Ġesu’ qajmu mill-imwiet, u li qalulna ħafna ħwejjeġ mhux tas-soltu li Ġesu’ għamel fost il-mejtin, li tagħhom għandna ġrajja miktuba f’idejna. 10 U hija d-drawwa tagħna li ta’ kull sena niftħu dan il-ktieb imqaddes u quddiem il-ġemgħa, u li nfittxu minn hemm il-parir ta’ Alla. 11 U sibna fl-ewwel mis-sebgħin ktieb, fejn Mikiel l-arkanġlu qiegħed jitkellem mat-tielet iben ta’ Adam l-ewwel bniedem, ġrajja li wara ħamest elef u ħames mit sena, Kristu l-Iben l-aktar maħbub ta’ Alla ġie fid-dinja. 12 U qisna iżjed li jista’ jkun li kien l-istess Alla ta’ Israel li kellem lil Mose’: Għandek tagħmel Arka tax-Xhieda, ikun żewġt idriegħ u nofs it-tul tagħha u driegħ u nofs il-wisa’ tagħha, u driegħ u nofs il-għoli tagħha. 13 B’dawn il-ħamest idriegħ u nofs għall-bini ta’ l-arka tal-Għaqda l-Qadima, fhimna u sirna nafu li fl-ħamest elef sena u nofs (elf) kellu Ġesu’ Krisut jiġi f’arka jew fil-għarix tal-ġisem.
Jistqarru li sallbu ‘l Kristu għax ma kinux jafu, u issa jafuh li hu l-Iben ta’ Alla, skond ix-xhieda ta’ l-Iskrittura; li, wara li qatluh, huma mistħarrġa.
14 U jixhdu, għalhekk, il-kotba tagħna li hu l-Iben ta’ Alla u l-Mulej u s-Sultan ta’ Israel. 15 U mħabba li wara t-tbatija tiegħu, stagħġbu l-qassisin il-kbar tagħna bl-egħliem li twettqu permzz tiegħu, ftaħna aħna l-ktieb ħalli nfittxu kull nisel li sar, nisel ta’ Ġużeppi u Marija, omm Ġesu’, billi ħsibna li hu miż-żerriegħa ta’ David. 16 U sibna l-ġrajja tal-ħolqien, u f’liema żmien għamel is-sema u l-art u l-ewwel bniedem Adam, u li minn hemm sad-diluvju kien hemm elfejn, mitejn u tnax-il sena. 17 U mid-diluvju sa Abraham disa’ mit sena u tnax. U minn Abraham sa Mose’, erba’ mit sena u tletin. U minn Mose’ sa David is-Sultan ħames mija u għaxra. 18 U minn David sal-jasar Babiloniż, ħames mit sena. U mill-jasar Babiloniż sa l-Inkarnazzjoni ta’ Kristu, erba’ mit sena. 19 Li l-għadd ta’ dan kollu jiġi ħamest elef sena u nofs (elf). 20 U hekk jidher li Ġesu’ li sallabnieh aħna, hu Ġesu’ Kristu l-Iben ta’ Alla, Alla veru u li jista’ kollox. Amen.
**********************
F’isem it-Trinita’ Mqaddsa hekk jintemmu l-Atti dwar il-Ħellies tagħna Ġesu’ Krisu, li l-Imperatur Teodosju l-Kbir sab f’Ġerusalemm, fl-awla (Pretorju?) ta’ Ponzju Pilatu, fost id-dokumenti pubbliċi.; ġraw dawn il-ħwejjeġ fid-19-il sena ta’ Tiberju Ċesri, imperatur tar-Rumani u fis-sbatax-il sena tal-gvern ta’ Erodi, bin Erodi, sultan tal-Galilija, fit-tmienja tal-Kalendi ta’ April, li hu t-tlieta u għoxrin jum tax-xahar ta’ Marzu u fil-mitejn u t-tieni Olimpjada, meta’ Ġużeppi u Qajfas kienu mexxejja tal-Lhud; li huma ġrajja miktuba bl-Ebrajk minn Nikodemu, ta’ x’ġara wara l-Kruċfissjoni tal-Ħellies tagħna.