Minn Daniel Borg
Il-Ħadd, 22 ta’ Marzu 2026: Il-Vanġelu tal-lum huwa vera rakkont qawwi, meta Ġesu jqajjem lil ħabibu Lazzru mill-mewt (Ġw 11, 1-45), rakkont ta’ emozzjonijiet kbar, imma wkoll messaġġ ta’ tama fl-azzjoni ta’ Ġesu’ f’ħajjitna. Frażi qawwija li jgħid lil Marta oħt Lazzru hija: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt.”
U l-Papa fl-Angelus jgħidilna li l-grazzja ta’ Kristu rxoxt ddawwal dinja, li kontinwament tfittex għal xi ħaġa ġdida, mingħajr ma ssib verament dak li jista’ jimla l-qalb. F’din it-tfitxija wieħed jaħli l-enerġija u jissagrifika l-valuri tiegħu, l-ħin u anke dawk ir-relazzjonijiet li verament huma mportanti f’ħajjitna. U minkejja dan kollu l-vojt f’ qalbna jibqa’ hemm. Għax ir-risposta għal dan il-vojt huwa biss Alla!
Ir-rakkont tal-qawmien ta’ Lazzru huwa stedina biex neħilsu lil qalbna minn dawk id-drawwiet li jżommuna fil-qabar tal-egoiżmu, tal-materjaliżmu, tal-vjolenza u tas-superfiċjalita’. Bħal Lazzru, Ġesu jgħidilna wkoll biex noħorġu minn dan il-qabar, biex nimxu verament fid-dawl tal-grazzja tiegħu! Ejjew nilqgħu aħna wkoll din l-istedina.
Tista’ tara wkoll dan il-ħsieb fuq din il-ħolqa ta’ facebook: https://www.facebook.com/daniel.borg.75/posts/pfbid0oCYyNH7vHmjcgC8wYLDQXsmFebYQJKPbR7nAnYsbVZHHmtLpGnBPRV1ezRmD3pUPl