Messaġġ tal-Papa Ljun XIV fl-Angelus tal-Ħames Ħadd matul ir-Randan

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħames Ħadd tar-Randan, 22 ta’ Marzu, 2026

Għeżież ħuti, il-Jum it-tajjeb!

F’dal-ħames Ħadd tar-Randan, il-Liturġija tħabbrilna l-Evanġelju tal-qawmien mill-mewt ta’ Lazzru (cfr Ġw 11, 1-45).

Fil-mixja tar-Randan, dan hu sinjal li jkellimna dwar ir-rebħa ta’ Ġesù fuq il-mewt u d-don tal-ħajja ta’dejjem, li nirċievu permezz tal-Magħmudija (cfr Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1265).  Illum, Ġesù jgħid lilna wkoll, kif qal lil Marta oħt Lazzru: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt” (Ġw 11,25-26)

Hekk, il-Liturġija tgħallimna biex f’dan id-dawl, fil-Ġimgħa Mqaddsa li hi qrib, ngħixu l-ġrajjiet tal-Passjoni tal-Mulej – id-daħla f’Ġerusalemm, l-Aħħar Ikla, il-proċess, it-tislib, id-difna – biex nisiltu minnhom l-aktar sens awtentiku u ninfetħu għad-don tal-grazzja li jħaddnu fihom.

Infatti, fi Kristu Rxoxt, rebbieħ fuq il-mewt u li hu ħaj fina bil-grazzja tal-Magħmudija, dawn il-ġrajjiet isibu l-milja tagħhom, għas-salvazzjoni tagħna u għall-milja tal-ħajja.

Il-grazzja tiegħu iddawwal id-dinja li donnha qatt ma tehda tfittex in-novità u l-bidla, anki akkost li tissagrifika dak li hu importanti – iż-żmien, l-enerġija, il-valuri, l-għożża – qiesu li l-fama, dak li hu materjali, id-divertiment, ir-relazzjonijiet fiergħa, jistgħu jimlewlna qlubna jew jagħmluna immortali.  Hu sintomu ta’ ħtieġa tal-infinit li lkoll kemm aħna nġorru fina u li t-tweġiba għaliha qatt ma nistgħu norbtuha ma’ dak li jgħaddi.  Xejn minn dak li jintemm ma jista’ qatt jaqtgħalna dan l-għatx li nħossu ġo fina għax aħna magħmulin għal Alla u ma nsibux paċi jekk ma nistriħux fih (cfr Confessiones I,1.1).

Ir-rakkont tal-qawmien ta’ Lazzru, għalhekk, jistedinna biex nagħtu widen għal dil-ħtieġa profonda li hemm fina u, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, insaffu qlubna minn drawwiet, kundizzjonamenti u mod ta’ ħsieb li, jagħlquna fil-qabar tal-egoiżmu, tal-materjaliżmu, tal-vjolenza, tas-superfiċjalità, qieshom blata tqila.

Lilna wkoll, Ġesù qed jgħidilna: “Oħroġ!” (Ġw 11,43), qed jixprunana biex imġeddin mill-grazzja tiegħu noħorġu minn dawn l-irkejjen mudlama ħalli nimxu fid-dawl tal-imħabba bħala nisa u rġiel ġodda bil-ħila li jittamaw u jemmnu fil-karità (imħabba) bla tarf tiegħu, bla kalkoli u bla kejl.

Il-Verġni Marija tgħinna ngħixu dawn il-ġranet qaddisa: bil-fidi li kellha, bil-fiduċja tagħha, bil-fedeltà tagħha, biex ġo fina wkoll tiġġedded ta’ kuljum l-esperjenza mdawla tal-laqgħa ma’ Binha rxuxtat.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

b’xokk kbir għadni qed insegwi s-sitwazzjoini fil-Lvant Nofsani, kif ukoll f’reġjuni oħra tad-dinja mtertqin mill-gwerra u l-vjolenza.  Ma nistgħux nibqgħu fommna sieket quddiem it-tbatija ta’ tant persuni, vittmi bla difiża ta’ dawn il-kunflitti.  Dak li jidrob lilhom jidrob lill-umanità kollha kemm hi.  Il-mewt u n-niket li jipprovokaw dawn il-gwerer huma skandlu għall-familja umana kollha kemm hi u huma karba li titla’ lejn Alla!  Inġedded bil-qawwa l-appell biex nipperseveraw fit-talb sabiex tieqaf din l-ostilità u finalment jinfetħu toroq ta’ paċi msejsin fuq djalogu sinċier u r-rispett lejn id-dinjità ta’ kull persuna umana.

Illum f’Ruma qed issir il-Maratona li qed jieħdu sehem fiha ħafna atleti mid-dinja kollha.  Dan hu sinjal ta’ tama!  Jalla l-isports ifassal toroq ta’ paċi, ta’ inklużjoni soċjali u spiritwalità.

Minn qalbi nsellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi, partikolarment lil dawk mid-djoċesi ta’ Córdoba, fi Spanja.

Nilqa’ bil-ferħ lill-fidili minn Belluno u Pordenone, minn Crotone u mill-parroċċa Santa Maria delle Grazie f’Ruma.  Insellem liż-żgħażagħ minn Nave, fid-djoċesi ta’ Brescia, lill-grupp li se jirċievi l-Konfermazzjoni mid-djoċesi ta’ Firenze u lir-rappreżentanti “tal-Assoċjazzjoni Direttori di Albergo”.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading