Il-Belt ta’ Alla – opra importanti u deċiżiva għall-iżvilupp tal-ħsieb politiku tal-Punent u għat-teoloġija Nisranija tal-istorja.
Inkiteb bejn l-413 u l-426 fi 22 ktieb. L-okkażjoni kienet il-Ħtif ta’ Ruma mill-Goti fl-410. Il-pagani, li f’dak iż-żmien kienu għadhom ħafna fl-għadd, u anki mhux ftit Insara, kien jaħsbu li Alla tar-reliġjon il-ġdida u l-istess Appostli kienu wrew li ma kellhomx il-ħila jipproteġu l-belt.
Fi żmien l-allat pagani, Ruma kienet caput mundi, il-kapitali l-kbira, u ħadd qatt ma kien joħlom li setgħet taqa’ f’idejn l-għedewwa. Issa, b’Alla tal-Insara, din il-belt kbira ma kinitx għadha fiż-żgur. Għalhekk deher li Alla tal-Insara, li ma kienx qed jagħti protezzjoni, ma setax ikun Alla li tista’ tafdah.
Għal din l-oġġezzjoni, li kienet tmiss fil-fond anki l-qalb tal-Insara, iwieġeb Santu Wistin b’din l-opra grandjuża, De civitate Dei (Il-belt ta’ Alla), u jiċċara x’għandna u x’m’għandniex nistennew minn Alla, liema hi r-relazzjoni bejn l-isfera politika u l-isfera tal-fidi, tal-Knisja. Illum ukoll dan il-ktieb huwa għajn biex niddefinixxu tajjeb il-lajċità vera u l-kompetenza tal-Knisja, il-vera tama kbira li tagħtina l-fidi.
Dan il-ktieb kbir huwa preżentazzjoni tal-istorja tal-umanità mmexxija mill-Providenza divina, imma attwalment maqsuma minn żewġ imħabbiet. U dan hu l-pjan fundamentali, l-interpretazzjoni tiegħu tal-istorja, li hi t-taqbida bejn żewġ imħabbiet: l-imħabba tagħna nfusna “sal-indifferenza lejn Alla”, u l-imħabba lejn Alla “sal-indifferenza lejna nfusna” (Il-belt ta’ Alla XIV,28), sal-libertà sħiħa minna nfusna għall-oħrajn fid-dawl ta’ Alla. Għalhekk, dan hu aktarx l-akbar ktieb ta’ Santu Wistin, ta’ importanza dejjiema. Daqstant ieħor importanti hu d-De Trinitate (It-Trinità), opra fi 15-il ktieb fuq il-qalba ewlenija tal-fidi Nisranija, il-fidi f’Alla Trinità, miktuba f’żewġ żminijiet: bejn it-399 u l-412 l-ewwel 12-il ktieb, ippubblikati bla ma kien jaf Wistin, li lejn l-420 lestiehom u rreveda l-opra kollha. Hawn hu jirrifletti fuq il-wiċċ ta’ Alla u jfittex jifhem dan il-misteru ta’ Alla li hu wieħed, il-Ħallieq waħdieni tad-dinja, tagħna lkoll, u safrattant, proprju dan Alla wieħed hu trinitarju, ċirku ta’ mħabba. Ifittex jifhem il-misteru bla tarf: proprju l-essri trinitarju, fi tliet Persuni, hu l-għaqda l-iżjed reali u l-iżjed profonda ta’ Alla wieħed.
Silta mill-Katekeżi tal-Papa Benedittu XVI dwar il-Kitbiet ta’ Santu Wistin. 20/02/2008.
Aktar dwar il-Ktieb ta’ Santu Wistin, De civitate Dei – Il-belt ta’ Alla …
A Beginner’s Guide to St. Augustine’s Masterpiece: The City of God
The City of God, by Saint Augustine of Hippo (Part 1/2) | Graham H. Walker and David J. Theroux. (video)
“The City of God,” by Saint Augustine of Hippo (Part 2/2) | Graham H. Walker and David J. Theroux. (video)
Lectures organizzati mill-Istitut Agostinjan matul l-2005

▪ Augustine’s City of God.
▪ Il-Filosofija u l-belt t’Alla.
▪ Il-ligi skont San Tumas t’Akwinu. (F’kunstest komparattiv ma’ Santu Wistin)
▪ L-imħabba, s-sisien taż-żewġt ibliet.
▪ Manichaen Gnosticism.
▪ Qarrej politiku lajk tal-belt t’Alla.
▪ Santu Wistin De Civitate Dei u San Tumas t’Akwinu De Regiminie Principum.
Biex tisma’ dawn ir-recordings u oħrajn, klikkja hawn …

Email: … tsrp@agostinjani.org
