Għaliex fl-Ewwel Qari tal-Quddiesa matul Żmien il-Għid jkollna siltiet mill-Atti tal-Appostli?

Fil-liturġija tal-Knisja, iż-Żmien tal-Għid huwa wieħed mill-aktar perjodi importanti tas-sena liturġika. Dan il-perjodu jibda mill-Velja tal-Għid u jkompli sa Għid il-Ħamsin, meta nfakkru l-Inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli u fuq l-ewwel komunità nisranija. Matul dawn il-ġranet, il-Knisja tagħti l-akbar importanza lill-qari mill-Atti tal-Appostli, u dan mhux b’kumbinazzjoni, iżda għal raġunijiet teoloġiċi u spiritwali profondi.
Qabel xejn, il-ktieb tal-Atti tal-Appostli jirrakkonta x’ġara wara l-qawmien ta’ Ġesù Kristu. Juri kif id-dixxipli, li qabel kienu mbeżżgħin u mifxula, ġew mibdula mill-esperjenza tal-Qawmien u mill-miġja tal-Ispirtu s-Santu. Għalhekk, dan il-ktieb huwa estensjoni diretta tal-festa tal-Għid: mhux biss il-qawmien ta’ Ġesù, imma wkoll il-konsegwenzi tiegħu fil-ħajja tal-ewwel komunità Nisranija.
Il-qari mill-Atti juri wkoll kif il-messaġġ tal-Evanġelju beda jinxtered fid-dinja. Il-Quddiesa matul iż-Żmien tal-Għid ma tiffokax biss fuq il-ġrajja tal-Qawmien bħala avveniment tal-passat, imma bħala realtà ħajja li kompliet isseħħ fil-Knisja. L-Atti tal-Appostli juru kif il-fidi bdiet titħabbar minn San Pietru, u l-Appostli l-oħra, inkluż ukoll oħrajn li bħall-Appostlu Pawlu, qabel ma kienux jagħmlu parti mit-Tnax. Il-ktieb jurina kif il-Knisja kibret minkejja id-diffikultajiet u l-persekuzzjonijiet, anzi kif kien propju permezz ta’ dawn li l-hija xterdet mal-Imperu.
Nafu li l-qari fil-quddiesa mhux sempliċiment rakkont ta’ ġrajja, iżda għandu wkoll dimensjoni kateketika. L-Insara li jieħdu sehem fil-Quddiesa matul iż-Żmien tal-Għid huma mistiedna jaraw lilhom infushom bħala parti minn din l-istorja. Bħall-ewwel Insara, aħna wkoll imsejħin ngħixu u nxandru l-fidi tagħna fid-dinja tal-lum u fiċ-ċirkustanzi ta’ żmienna
Il-qari mill-Atti tal-Appostli juri l-għaqda li hemm bejn il-liturġija u l-ħajja tal-Knisja. Il-Qawmien ta’ Kristu mhux biss ċelebrazzjoni liturġika, iżda bidu ta’ missjoni. Għalhekk, il-Knisja tagħżel dan il-ktieb biex tfakkarna li l-fidi hija dinamika u missjunarja.
Għalhekk ikun tajjeb li minbarra li nisemgħu dan il-qari mill-Atti tal-Appostli fil-quddiesa, ikun tajjeb li nippruvaw insibu ftit tal-ħin kuljum sabiex matul il-ġurnata nkomplu niflu din il-ġrajja u nirriflettu dwarha. Hekk nintembhu kif illum, aħna wkoll qed inkomplu nagħmlu parti minn dak li seħħ dakinhar.
Katekeżijiet mill-Papa Franġisku dwar l-Atti tal-Appostli
Sabiex jgħinnuna f’din ir-riflssjoni kemm personali, imma wkoll fil-komunuità, nistgħu nirreferu għas-sensiela ta’ għoxrin katekeżi li kien ta l-Papa Franġisku bejn l-2019 u l-2020, propju dwar il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli. Dawn tista ssibhom kollha bil-Malti minn din il-paġna tal-Laikos … https://www.laikos.org/Papa_Frangisku_Atti.htm