Minn D. Edward Vella
Fil-ħajja tagħna huma importanti ħafna t-tifkiriet: birthday, anniversarji u l-bqija. Dawn it-tifkiriet jeħduna lura bil-memorja f’xi ġrajja passata li tkun importanti għalina. Hekk jagħmel ta’ kull sena l-poplu Lhudi: sal-ġurnata tal-lum kull sena jagħmel it-Tifkira ta’ meta ħarġu mill-iskjavitù tal-Eġittu. Kienu ilhom skjavi tal-Eġiżżjani għal mijiet ta’ snin, u kienu qatgħu qalbhom li għad jinħelsu; tant kienu draw mgħakksin li ħafna minnhom lanqas riedu jinħelsu. Iżda meta l-Eġiżżjani bdew jarawhom jikbru fl-għadd u bdew kulma jmur jgħakksuhom aktar għax beżgħu li jingħaqdu mal-għedewwa tagħhom u jirbħulhom, waslu f’punt fejn ma setgħux jissaportu aktar.
Mosè, l-istorja tiegħu nafuha lkoll, li kien meqjus bħala t-tifel tat-tifla tal-Farahun, għad li hu kien jaf li kien proprjament iben l-Ebrej, meta kiber ipprova jsalva l-poplu bil-qawwa tiegħu biss; dan wasslu għal falliment totali tant li tilef kollox u kellu jaħrab. X’ħin il-pjan tiegħu li jsalva l-poplu waħdu falla għal kollox jintervjeni Alla li jsejjaħlu u jibgħatu għand il-Farahun: għall-bidu huwa beda jsib l-iskużi biex ma jmurx, iżda Alla kien determinat li jeħles lill-poplu tiegħu. Nafu kif Alla jibgħat 10 kastigi fuq l-Eġiżżjani: l-aħħar wieħed smajnieħ fl-ewwel qari tal-lum. Il-poplu kellu joqtol il-ħaruf tal-Għid, u jċappas l-blata u l-koxox tal-bibien bid-demm tiegħu, u wara jagħmel l-ikla tal-Għid. Fl-istess ħin l-anġlu t’Alla kellu jgħaddi u joqtol it-tifel il-kbir ta’ kull familja li ma kelliex d-demm tal-ħaruf imċappas mal-bieb. Din l-ikla tal-Għid il-poplu Lhudi għadu jagħmilha sal-lum.
‘Dak il-jum ikun għalikom jum ta’ tifkira, u intom tħarsuh bħala festa tal-Mulej;…’ Alla stess jgħidlu lill-poplu tiegħu biex ikompli jagħmel din l-ikla kull sena bħala tifkira tal-ħruġ tagħhom mill-Eġittu. Iżda meta l-Lhud jagħmlu din t-tifkira huma ma jifhmux kif nifhmu aħna meta ngħidu tiftakar: infatti hemm differenza kbira bejn tiftakar u tagħmel it-tifkira. Il-Lhud meta jiċċelebraw l-ikla tal-Għid huma u jitolbu jgħidu meta ‘aħna ħriġna mill-Eġittu, meta Alla ħeles lilna minn dar il-jasar…’; infatti huma ma jħossuhomx li qed ifakkru ġrajja midfuna fil-passat tal-istorja, iżda jħossuhom li huma qed jgħixu mill-ġdid l-ħruġ tagħhom minn dar il-jasar tal-Eġittu bl-id qawwija ta’ Alla.
Il-lejla nġbarna biex nibdew iċ-ċelebrazzjoni tal-Mogħdija tal-Mulej, jew kif ngħidu aħna l-Għid. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid hija waħda, jiġifieri nibdew il-lejla billi niċċelebraw t-twaqqif tal-Ewkaristija, ninutaw iċ-ċelebrazzjoni tal-lejla ma tispiċċax bil-barka tal-aħħar bħas-solut; inkomplu għada meta nagħmlu t-tifkira solenni tal-Passjoni u l-mewt tal-Mulej fuq is-salib, ċelebrazzjoni li la tibda u lanqas tintemm bir-radd tas-salib, u naslu għall-milja ta’ din iċ-ċelebrazzjoni nhar Sibt il-Għid bil-lejl, ċelebrazzjoni li lanqas tibda bir-radd tas-salib, iżda li tintemm bil-barka speċjali tal-Għid.
Importanti ħafna, għeżież ħuti, li nifhmu li filwaqt li għalina l-grajja li qed nibdew niċċelebraw il-lejla tista’ tidher ġrajja passata li seħħet madwar 2000 sena ilu, tidher forsi li aħna qed niftakru f’dak li għadda minnu Ġesù il-Mulej ħafna żmien ilu, iżda għal Alla, li għalih ma hemmx żmien, din il-ġrajja qed isseħħ issa. Alla huwa etern, dan ma jfissirx żmien li ma jibdiex u ma jintemmx, iżda Alla huwa etern jiġfieir huwa ’l barra miż-żmien, għalih la hemm iżjed futur u lanqas passat. Allura Alla llum permezz taċ-ċelebrazzjoni tal-Għid irid jagħmilna ħaġa waħda mal-ħajja, passjoni, mewt u qawmien tal-Mulej li qed iseħħu issa. Iva għeżież ħuti, aħna llum għandna l-opportunità li bħal noħroġu mill-konfini taż-żmien u l-post u nsiru ħaġa waħda ma’ din il-ġrajja tal-ġrajjiet aktar milli kieku konna preżenti hemmhekk fiżikament 2000 sena ilu. Aħna ma aħniex qiegħdin niftakru fi ġrajja passata, iżda aħna qegħdin nagħmlu t-tifkira ta’ dak li għal Alla qiegħed iseħħ issa, u allura aħna għandna x-xorti li nsiru ħaġa waħda ma dan il-Misteru l-Kbir tal-Imħabba t’Alla għalina l-bnedmin.
San Pawl fit-tieni qari tal-Lum qalilna, ‘Il-kalċi mbierek huwa xirka mad-demm ta’ Kristu…’. Mela l-Ewkaristija tiġbor flimkien dak li aħna qed niċċelebraw f’dawn il-jiem u bil-qawwa tagħha aħna nsiru ħaġa waħda mal-ħajja, passjoni, mewt u qawmien tal-Mulej aktar milli kieku konna hemm preżenti meta seħħew storikament.
Ejjew għeżież ħuti, il-lejla niftħulu qalbna lill-Mulej, biex niltaqgħu miegħu, biex inħalluħ jaħslilna mhux riġlejna iżda qalbna mid-dnub, u mhux bl-ilma iżda b’demmu stess, ejjew fuq kollox naħslu saqajn xulxin, inħobbu lil xulxin jekk tabilħaqq irridu li l-grazzja li Alla qiegħed joffrilna ngħożżuha, u nħalluha taħdem ġewwa fina u permezz tagħna.