It-Tieni Ktieb tal-Isqarrijiet
It-tieni ktieb tal-Isqarrijiet ta’ Santu Wistin huwa wieħed mill-aktar sezzjonijiet magħrufa u riflessivi ta’ dan ix-xogħol spiritwali u awtobijografiku tiegħu. Fih, huwa jiffoka fuq iż-żgħożija tiegħu, speċjalment fuq iż-żmien tal-adolexxenza, u jesplora b’mod profond il-kunċett tad-dnub, kif ukoll fuq ix-xewqa, u n-natura umana.
Iftaħ minn hawn it-Tieni Ktieb tal-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin (pdf)
Wieħed mill-episodji l-aktar famużi f’dan il-ktieb huwa l-istorja tas-serqa tal-lanġas. Wistin jirrakkonta kif, flimkien ma’ sħabu, seraq lanġas minn siġra mhux għax kellu bżonnhom jew għax kienu sbieħ, iżda sempliċement għall-pjaċir li jagħmel il-ħażen. Dan l-avveniment żgħir isir simbolu qawwi tal-kundizzjoni morali tal-bniedem, li kultant jagħmel il-ħażin mhux minħabba xi benefiċċju, iżda minħabba l-ġibda tagħna lejn id-dnub innifsu.
F’dan il-ktieb, Santu Wistin janalizza l-motivi interni tiegħu u jasal għall-konklużjoni li l-bniedem għandu ġibda lejn id-dnub, liema inklinazzjoni ġejja minn natura mħassra tagħna. Huwa jiddeskrivi kif il-ħbiberiji tiegħu, minflok ma għenuh lejn it-tajjeb, spiss wassluh biex jagħmel affarijiet ħżiena. Dan juri kemm l-influwenza soċjali tista’ tkun qawwija, speċjalment matul iż-żgħożija.
Tema oħra importanti f’dan il-ktieb, hija l-kunċett tal-imħabba ordinata u dik diżordinata. Wistin jargumenta li d-dnub iseħħ meta l-bniedem iħobb affarijiet temporanji jew inferjuri aktar milli jħobb lil Alla. Fil-każ tas-serqa tal-lanġas, l-imħabba tiegħu kienet waħda diżordinata, peress li kien qed ifittex pjaċir fil-ħażen minflok fil-ġid li seta’ jakkwista.
Barra minn hekk, il-ktieb juri sens qawwi ta’ rimors u riflessjoni. Wistin ma jirrakkontax dawn l-esperjenzi biex jiġġustifika ruħu, iżda biex jifhem aħjar il-misteru tad-dnub u biex ifaħħar u jrodd ħajr lill-Ħniena ta’ Alla li, minkejja kollox, baqa’ jsejjaħlu lura lejh.
B’mod ġenerali, it-tieni ktieb tal-Isqarrijiet ta’ Santu Wistin huwa meditazzjoni profonda fuq il-fraġilità tal-bniedem u l-bżonn tal-grazzja divina. Fih jistieden lill-qarrej jirrifletti fuq ħajtu stess u jfittex verità u fejqan spiritwali permezz ta’ relazzjoni aktar profonda ma’ Alla.

Aktar dwar l-Isqarrijiet ta’ Santu Wistin …

Email: … tsrp@agostinjani.org