It-Twelid, it-Trobbija u t-Tfulija ta’ Santu Wistin

L-Ewwel Ktieb tal-Istqarrijiet

L-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin ta’ Ippona (354-430), kienu miktuba minnu madwar is-snin 397 u 400 wara Kristu, u huma wieħed mill-akbar kitbiet klassici tal-letteratura nisranija u tal-filosofija. Fi 13-il ktieb, huwa jirrakonta l-vjaġġ tiegħu mid-dnub għall-konverżjoni u l-kontemplazzjoni ta’ Alla. Għalhekk nistgħu ngħidu li huwa kemm xogħol awtobijografiku, imma wkoll wieħed teoloġiku.

Iftaħ minn hawn l-Ewwel Ktieb tal-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin (pdf)

L-ewwel ktieb jiftaħ b’sejħa diretta lil Alla, fejn Wistin joffri ħajtu bħala għanja ta’ tifħir. Fih ma nsibux sempliċi djaru ta’ ħajtu, iżda qrara; kemm stqarrija tad-dnubiet, imma wkoll tal-grazzji mogħtija, u tal-verità. Hija sejħa għall-imħabba lejn Alla, sejħa li huwa jagħmel kemm lilu nnifsu u kemm lill-qarrejja tiegħu.

Forsi d-dikjarazzjoni tiegħu lil Alla, li l-aktar tibqa’ kkwotata sa żmienna hija l-famuża, “Inti għamiltna għalik, u qalbna ma ssibx kwiet qabel ma tistrieh fik.”. F’din is-sentenza hemm miġbura, il-ħajja kollha ta’ Wistin, waħda ta’ bla waqfien spiritwali. Hija invokazzjoni li tiċċelebra l-kobor ta’ Alla u tħeġġiġna nersqu lejh bl-umiltà sabiex jeħlisna mill-miżerji umani tagħna.

Ir-rakkont ta’ tfulitu

Wistin, fl-ewwel ktieb jirrakonta l-ħajja tiegħu. Imwieled f’Tagaste (l-Alġerja tal-lum), fil-15 ta’ Novembru 354, minn missier pagan, Patrizju, u omm nisranija, Monika. Huwa jirrifletti dwar id-dnubiet ta’ ċkunitu bħala dawk ġejjin mid-dnub oriġinali. Lil Alla jgħidlu, “Ħadd ma hu safi mid-dnub quddiemek, anqas tfajjel ċkejken li jgħix jum wieħed fuq l-art”. Anki tifel żgħir, jibki għal raġunijiet egoistiċi, jirrifjuta l-ikel jew ifittex l-għaxqa fi pjaċiri żgħar. Din hija riflessjoni profonda dwar in-natura umana falluta sa mit-twelid.

Darba meta kien għadu żgħir ħafna, Wistin kien waqa’ f’marda li wasslitu f’xifer il-qabar, u kollu ħerqan talab lil ommu biex taħsiblu għall­-magħmudija. Monika ħaffet biex jingħatalu s­ sagrament, iżda f’daqqa waħda, it-tfajjel qaleb għall-aħjar u għalhekk il-magħmudija tħalliet għal aktar tard.

F’dan il-ktieb, Wistin jiddeskrivi:

Dwar meta tgħallem il-Latin u l-Grieg: kif il-Latin kien jogħġbu, imma mhux dak li tgħallem minn ghand l-ewwel għalliema tieghu, izda wara, minn għand is-surmastrijiet tal-grammatka. Imma jgħid ukoll li matul tfulitu, l-Grieg ma ħamlux.

Dwar il-logħob u l-vizzji tat-tfulija: Jistqarr li kien iħobb il-logħob u l-ispettakli, imma jirrifletti wkoll dwar kif dawn kienu spiss jikkawżaw fih dipendenza fuqhom.

Dwar l-istudji inizjali tiegħu: Meta ta’ ħmistax kien qed jipprepara għal karriera futura tiegħu f’Kartaġni.

L-Ewwel ktieb tal-Istqarrijiet jieqaf meta Wistin kellu ħmistax-il sena. Minn hemm jibda’ jħejji lill-qarrej għat-Tieni Ktieb, dwar meta kellu sittax u l-vizzji taż-żgħożija.

Aktar dwar Santu Wistin …

Aktar dwar l-Isqarrijiet ta’ Santu Wistin …

Email: … tsrp@agostinjani.org

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading