Ġwanni Pawlu II quddiem ir-relikwiji ta’ Santu Wistin. Pavia (1984)

Talba tal-Papa Ġwanni Pawlu II fl-1,650 l- Anniversarju mit-Twelid ta’ Santu Wistin.

Fit-3 ta’ Novembru 1984, fl-erba’ mitt anniversarju mill-mewt ta’ San Karlu Borromeo, il-Papa Ġwanni Pawlu II żar il-belt ta’ Pavia, fejn żar ukoll il-Bażilika ta’ San Pietru in Ciel d’Oro, fejn mar biex jagħti ġieħ lil dak li huwa stess sejjaħ, “il-fdalijiet mortali ta’ ġenju reliġjuż li jwieġeb għall-isem ta’ Santu Wistin: dak li, wara li qasam u analizza l-baħar kbir tal-ansjetajiet kollha tal-qalb tal-bniedem, wera l-wasla tal-paċi fl-imħabba ta’ Alla.”

It-tifkira ta’ dan il-vjaġġ u ż-żjara lir-relikwi ta’ dan il-qaddis, żgur li baqgħet imnaqqxa fil-memorja tal-Papa Wojtyła matul ħajtu kollha.

Sentejn biss wara, fit-28 ta’ Awwissu 1986, fis-16-il ċentinarju tal-konverżjoni u l-magħmudija ta’ Santu Wistin, il-Papa Ġwanni Pawlu II ippubblika l-Ittra Appostolika tiegħu, Augustinum Hipponensem. Dan huwa l-kliem li bih il-Papa ta bidu għal din l-Ittra tiegħu; “Wistin ta’ Ippona, sa minn sena biss wara mewtu, kien diġà magħdud mill-predeċessur imbiegħed tiegħi, Il-Papa Ċelestinu I, fost l-aqwa għalliema tal-Knisja. Huwa kompla jkun preżenti fil-ħajja tal-Knisja u fil-moħħ u l-kultura tal-Punent kollu.”

Ġwanni Pawli kompla li huwa stess ried ikompli jzid leħnu ma’ dak tal-predeċessuri tiegħu, u wera x-xewqa ħerqana li d-duttrina ta’ Wistin tkun studjata u mxerrda, sabiex hekk jista’ jkompli jixtered it-tagħlim tiegħu fil-Knisja, tagħlim umli kif ukoll imdawwal, tagħlim li jitkellem fuq kollox dwar Kristu u dwar l-imħabba.”

Dawn il-kliem ikkonfermaw ir-rabta qawwija li l-papiet tal-passat u tal-preżent kellhom matul is-sekli ma’ dan il-qaddis. Il-Knisja dejjem ikkunsidrat lil Santu Wistin bħala t-tabib tagħha, tant li wieħed jista’ jitkellem b’mod leġittimu dwar il-kuxjenza Agostinjana tal-Knisja Kattolika.

Nhar il-Ħamis 11 ta’ Novembru 2004, ftit xhur qabel mewtu, il-ħsibijiet ta’ Ġwanni Pawlu II reġgħu daru lejn Wistin, tant li, fil-kappella privata tiegħu fil-Vatikan quddiem ir-relikwi tal-Qaddis, huwa rreċita, din it-talba fl-okkażjoni tal-1650 anniversarju mit-twelid tad-Duttur tal-Knisja, talba li hu stess ikkompona …

1,650 ANNIVERSARJU MIT-TWELID TA’ SANTU WISTIN
TALBA TA’ ĠWANNI PAWLU II LIL SANTU WISTIN

O kbir Wistin, missier u għalliem tagħna,
li taf it-triqat imdawlin ta’ Alla
u wkoll it-triqat imdawwrin tal-bnedmin,
nammiraw l-għeġubijiet li l-Grazzja Divina ħadmet fik,
billi għamlitek xhud passjonat tal-verità u t-tjubija
għas-servizz tal-proxxmu tiegħek.

Fil-bidu ta’ millennju ġdid, immarkat mis-Salib ta’ Kristu,
għallimna naqraw l-istorja
fid-dawl tal-Providenza Divina,
li tiggwida l-ġrajjiet sal-laqgħa finali mal-Missier.

Iggwidana lejn miri ta’ paċi,
billi tqanqal f’qalbna
ix-xewqa tiegħek stess għall-valuri li fuqhom aħna,
bis-saħħa li tiġi minn Alla,
nistgħu nibnu l-“belt tal-Bniedem”.

Jalla t-tagħlim profond li ġibt,
bi studju kollu mħabba u paċenzjuż,
mill-għejjun dejjem ħajjin tal-Iskrittura
idawwal lil dawk kollha li huma ttantati llum
minn miraġġi aljenanti.

Iksbilhom il-kuraġġ biex jibdew it-triq
lejn dak il-bniedem ta’ ġewwa li fih jistenna Dak,
li biss jista’ jġib lura l-paċi
fil-qlub bla kwiet tagħna.

Tant persuni minn żmienna,
jidhru li tilfu t-tama li jilħqu,
fost il-ħafna ideoloġiji konfliġġenti,
il-verità li jkomplu jixxennqu għaliha
fil-fond ta’ qalbhom.

Għallimhom biex qatt ma jaqtgħu t-tfittxija tagħhom
fiċ-ċertezza li, fl-aħħar,
l-isforzi tagħhom se jiġu ppremjati
bil-laqgħa sodisfaċenti
ma’ dik il-Verità suprema,
li hija s-Sors ta’ kull verità maħluqa.

Fl-aħħarnett, O Santu Wistin,
ikkomunika lilna wkoll
xrar ta’ dik l-imħabba taħraq għall-Knisja,
l-omm Kattolika tal-Qaddisin,
li sostniet u tat il-ħajja
lill-isforzi tal-ministeru twil tiegħek stess.

Agħmililna possibbli, hekk kif nimxu flimkien taħt
il-gwida tar-Ragħajja leġittimi tagħna,
li nilħqu l-glorja tal-Patrija tas-sema
fejn, mal-Beati kollha,
nistgħu ningħaqdu fil-kant
tal-Alleluia l-ġdida u eterna.

Ammen.


Ara l-verżjoni tat-talba bit-Taljan …

Aktar dwar Santu Wistin …

Aktar mill-Papa San Ġwanni Pawlu II u dwaru …