“ALLA TIEGĦI, ALLA TIEGĦI, GĦALIEX TLAQTNI?”
Fil-jiem li għaddew, iltqajna mal-għajta ta’ Ġesù, “Eloi, Eloi, lama sabachthani?”, li tfisser “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” Hi karba li tista’ tħawwadna. Imma Ġesù mhuwiex abbandunat; qed jitlob il-vers fil-bidu ta’ Salm 22, li jagħlaq bit-tifħir tal-ġemgħa lil Alla.
San Pawl jikteb li Ġesù “sar dnub għalina” avolja “ma kienx jaf dnub” (2 Korintin 5: 21). Meta jesperjenza l-konsegwenzi profondi tad-dnub, Ġesù jaf li d-dnub iġib iżolament u abbandun. abbandun.
Ġenerazzjoni wara oħra ta’ lsiera żgur li talbu Salm 22, jistaqsu jekk Alla kienx ħalliehom. Kienu qawwijin fil-fidi, ifaħħru lil Alla f’nofs il-ġemgħa. Ir-reliġjon Nisranija kienet waħda mill-ftit gruppi li żammet id-dinjità u l-kultura tan-nies b’kulur skur li għal ħafna snin kienu taħt il-jasar u s-segregazzjoni.
Id-Dikjarazzjoni Amerikana tal-1776 iddikjarat li “l-bnedmin kollha huma maħluqa ugwali.” Il-fundaturi Amerikani nfushom, inklużi Washington u Jefferson, kellhom l-ilsiera. Il-Kostituzzjoni tal-1787 saħħet l-iskjavitù, minkejja d-Dikjarazzjoni.
Ħasra li predikaturi Nsara kienu jinqdew bil-Bibbja biex jiġġustifikaw l-iskjavitù. Kienu jikkwotaw lil Mattew kapitlu 22, li “jagħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesri.”
F’dan il-kwadru, taħt it-tieqa tan-navata hemm panew storiku ta’ Abraham Lincoln u l-Arċisqof John Hughes ta’ New York. Lincoln bagħat lil Hughes lejn l-Ewropa bħala rappreżentant tiegħu, biex jipperswadi lill-potenzi Ewropej jappoġġjaw il-kawża ta’ dak li hu emmen fih. Għażel Arċisqof sabiex jagħmel il-każ morali li l-iskjavitù kienet offiża kontra Alla.
Lincoln wasal gradwalment biex l-iskjavitù tieqaf. Beda jaraha b’ċarezza morali, u anke teoloġika. Alla ma kienx se jabbanduna lil xi wħud mill-poplu tiegħu b’tali mod li jsiru lsiera minn oħrajn. Fl-1863 f’Gettysburg, Lincoln ma appellax għall-Kostituzzjoni tal-1787, li kienet tipproteġi l-iskjavitù, iżda għad-dikjarazzjoni tal-1776, li sostniet li “l-bnedmin kollha huma maħluqa ugwali.”
Sittax-il xahar wara l-Indirizz ta’ Gettysburg, u sitt ġimgħat biss qabel l-assassinju tiegħu, Lincoln ħejja l-aqwa diskors politiku li qatt sar bil-lingwa Ingliża. Fit-Tieni Indirizz Inawgurali tiegħu, il-president sar predikatur u għamel prietka aktar milli sempliċi diskors.
Lincoln indirizza b’mod dirett il-ħażen tal-iskjavitù, ipprattikat mill-fundaturi Amerikani, imdaħħal fil-Kostituzzjoni, iffavorit minn ħafna nies u minn diversi Stati. Kif jista’ dan id-dnub oriġinali jinħasel? Kif tista’ n-nazzjon tiġi mifdija? Kif jistgħu n-nies jiġu salvati? Forsi biss bit-tixrid tad-demm tal-gwerra?
Id-diskors ta’ Lincoln dakinhar għadu kommoventi, u jikkwota kemm Mattew 18 kif ukoll Salm 19. It-Tieni Inawgurazzjoni hija xierqa li tinqara fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, meta Alla nnifsu ħallas għal dnubietna bid-Demm Prezzjuż tiegħu. Dik id-dinamika tibqa’ fl-istorja, id-dinamika tad-dnub u s-sagrifiċċju tad-demm u l-fidwa.
F’Marzu 1865, il-Gwerra Ċivili Amerikana kienet fl-aħħar jiem tagħha. Lincoln qal hekk:
“It-tnejn (is-sidien u l-ilsiera) jaqraw l-istess Bibbja u jitolbu lill-istess Alla, u kull wieħed jitlob l-għajnuna tiegħu kontra l-ieħor. Jista’ jidher stramb li xi rġiel jissugraw jitolbu l-għajnuna ta’ Alla ġust biex ikollhom il-ħobż tagħhom mill-għaraq ta’ wiċċ irġiel oħra, imma ejjew ma niġġudikawx, biex ma niġux iġġudikati.
It-talb tat-tnejn ma setax jiġi mwieġeb. Ta’ ħadd minnhom ma ġie mwieġeb bis-sħiħ. Dak li jista’ kollox għandu l-ħsibijiet tiegħu. ‘Ħażin għad-dinja minħabba l-iskandli! Jeħtieġ li jsiru l-iskandli, imma ħażin għal dak il-bniedem li bih isir l-iskandlu.’
Nittamaw b’qalbna kollha, nitolbu bil-ħerqa, li dan il-flagell qawwi tal-gwerra (ċivili tal-Amerka) jgħaddi malajr. Madankollu, jekk Alla jrid li dan ikompli sakemm il-ġid kollu miġbur mill-mitejn u ħamsin sena ta’ xogħol mhux imħallas jingħata lura, u sakemm kull qatra demm li ħarġet bil-frosta titħallas, kif intqal tlett elef sena ilu, xorta waħda jrid jingħad ‘il-ġudizzji tal-Mulej huma veri u ġusti għalkollox.”
Ftit ġimgħat wara, Abraham Lincoln ġie maqtul b’tir ta’ pistola meta kien fit-teatru, proprju nhar il-Ġimgħa l-Kbira.
Joe Galea
