ĦADD IL-GĦID “TAL-QAWMIEN TAL-MULEJ”
VELJA TAL-GĦID TAL-LEJL QADDIS
KAPPELLA PAPALI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru
Sibt il-Għid, 4 ta’ April 2026
“Jalla mela, bil-misteru ta’ dan il-lejl qaddis […] jinqered il-ħażen, tixxejjan l-ebusija tas-setgħana, jisseddqu l-fehma waħda u s-sliem” (Prekonju Paskwali).
Hekk, għeżież ħuti, id-djaknu fil-bidu ta’ din iċ-ċelebrazzjoni għanna lid-dawl ta’ Kristu Rxoxt, issimbolizzat fil-Blandun tal-Għid. Minn dan il-Blandun waħdieni lkoll xgħelna x-xemgħat tagħna u, kull wieħed b’daqsxejn ta’ fjamma meħuda mill-istess dawl, dawwalna din il-bażilika kbira. Dan huwa s-sinjal tad-dawl tal-Għid, li jgħaqqadna fil-Knisja bħal imsiebaħ għad-dinja. Għat-tħabbira tad-djaknu aħna weġibna “Amen”, u hekk affermajna l-impenn tagħna li nħaddnu din il-missjoni, u minn hawn u ftit ieħor se ntennu l-“iva” tagħna billi nġeddu l-Wegħdiet tal-Magħmudija.
Din, għeżież, hi Velja mimlija dawl, l-eqdem waħda fit-tradizzjoni Nisranija, imsejħa “omm il-vġejjel kollha”. Fiha nerġgħu ngħixu t-tifkira tar-rebħa ta’ Sid il-ħajja fuq il-mewt u fuq art l-imwiet. Dan qed nagħmluh wara li terraqna, fil-jiem li għaddew, bħal f’ċelebrazzjoni kbira waħda, il-misteri tal-Passjoni ta’ Alla li għalina sar il-“bniedem li bata” (Iż 53:3), “imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin” (ibid.), ittorturat u msallab.
Hemm imħabba ikbar minn din? Għotja b’xejn iktar sħiħa? L-Irxoxt huwa l-istess Ħallieq tal-univers li, bħalma fil-bidu tal-istorja mix-xejn tana l-eżistenza, hekk fuq is-salib, biex jurina mħabbtu bla limiti, tana ħajtu.
Dan fakkarhulna l-Ewwel Qari, bir-rakkont tal-oriġni. Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art (ara Ġen 1:1), u mill-kaos ħareġ il-kożmu, mid-diżordni l-armonija, u fada lilna, maħluqa fuq is-sura u x-xbieha tiegħu, il-missjoni li nkunu ħarriesa tiegħu. U anki meta, bid-dnub, il-bniedem ma kkorrispondiex għal dan il-pjan, il-Mulej ma telqux waħdu, imma wrieh b’mod iktar sorprendenti, fil-maħfra, il-wiċċ ħanin tiegħu.
Il-“misteru ta’ dan il-lejl qaddis”, allura, ixettel l-għeruq tiegħu anki hemm fejn seħħ l-ewwel falliment tal-umanità, u jinfirex matul is-sekli bħal mixja ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ grazzja.
Ta’ din il-mixja l-liturġija pproponitilna xi tappi permezz tat-testi sagri li smajna. Fakkritna kif Alla żamm id Abraham, pront biex jissagrifika lil ibnu Iżakk, biex jurina li hu ma jridx il-mewt tagħna, imma pjuttost li nikkonsagraw ruħna biex inkunu, f’idejh, membri ħajjin ta’ dixxendenza ta’ mifdija (ara Ġen 22:11-12,15-18). Hekk ukoll huwa stedinna nirriflettu fuq kif il-Mulej ħeles lil-Lhud mill-jasar tal-Eġittu, u bidel il-baħar, post il-mewt u xkiel li qajla jingħeleb, fil-bieb tad-dħul għall-bidu ta’ ħajja ġdida u ħielsa. U l-istess messaġġ jirritorna bħal eku fil-kelmiet tal-Profeti, li fihom smajna t-tifħir tal-Mulej bħala ragħaj li jsejjaħ u jiġbor (ara Iż 54:5-7), għajn li taqta’ l-għatx, ilma li jagħti l-ħajja (ara Iż 55:1,10), dawl li juri t-triq tal-paċi (ara Bar 3:14), Spirtu li jittrasforma u jġedded il-qalb (Eż 36:26).
F’dawn il-mumenti kollha tal-istorja tas-salvazzjoni rajna kif Alla, għall-ebusija tad-dnub li jaqsam u joqtol, iwieġeb bil-qawwa tal-imħabba li tgħaqqad u trodd il-ħajja. Erġjana ħarisna lejhom flimkien, bis-salmi u t-talbiet bejn kull rakkont, biex niftakru li, bl-Għid ta’ Kristu, “indfinna miegħu fil-mewt […] hekk aħna ngħixu ħajja ġdida […] mejtin għad-dnub, iżda ħajjin għal Alla fi Kristu Ġesù” (Rum 6:4-11), ikkonsagrati fil-Magħmudija għall-imħabba tal-Missier, magħqudin fil-komunjoni tal-qaddisin, magħmula bi grazzja ġebel ħaj għall-bini tas-Saltna tiegħu (ara 1 Piet 2:4-5).
F’dan id-dawl naqraw ir-rakkont tal-Qawmien, li għadna kemm smajna fil-Vanġelu skont Mattew. Fl-għodwa tal-Għid, in-nisa għelbu n-niket u l-biża’, u telqu jimxu. Riedu jmorru fuq il-qabar ta’ Ġesù. Kienu qed jistennew li jsibuh issiġillat, b’ġebla kbira fid-daħla u s-suldati għassa. Dan huwa d-dnub: ħajt għoli u tqil li jagħlaqna u jifridna minn Alla, u jipprova jmewwet fina l-Kliem tiegħu ta’ tama. Imma Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra ma ħallewx xi jbeżżagħhom. Marru fejn il-qabar u, grazzi għall-fidi tagħhom u l-imħabba tagħhom, saru l-ewwel xhieda tal-Qawmien. Fit-terremot u fl-anġlu, bilqiegħda fuq il-ġebla mgerba, lemħu l-qawwa tal-imħabba ta’ Alla, aqwa minn kull forza tal-ħażen, kapaċi “ssaffi minn kull dnub” u “xxejjen l-ebusija tal-qawwija”. Il-bniedem jista’ joqtol il-ġisem, imma l-ħajja ta’ Alla tal-imħabba hi ħajja eterna, li tmur lil hemm mill-mewt u li l-ebda qabar ma jista’ ijassar. Hekk il-Mislub saltan mis-salib, l-anġlu qagħad bilqiegħda fuq il-ġebla u Ġesù dehrilhom ħaj u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” (Mt 28:9).
Għeżież, dan huwa, illum ukoll, il-messaġġ tagħna lid-dinja, il-laqgħa li rridu nagħtu xhieda tagħha, bil-kliem tal-fidi u bl-opri tal-karità, aħna u ngħannu b’ħajjitna l-“Hallelujah” li nxandru b’fommna (ara Santu Wistin, Sermo 256, 1). Bħan-nisa, li marru jiġru jagħtu l-aħbar lill-aħwa, aħna wkoll irridu nagħtu l-ħajja lil dinja ġdida, ta’ paċi, ta’ għaqda, bħala “għadd ta’ bnedmin u fl-istess ħin […] bniedem wieħed, għax, imqar jekk huma ħafna l-Insara, wieħed huwa Kristu” (Santu Wistin, Enarrationes in Psalmos, 127,3).
Għal din il-missjoni qed jikkonsagraw ruħhom l-aħwa li, hawn preżenti, ġejjin minn diversi rkejjen tad-dinja, minn hawn u ftit tal-ħin ieħor se jirċievu l-Magħmudija. Wara l-mixja twila tal-katekumenat, illum jitwieldu mill-ġdid fi Kristu biex isiru ħlejjaq ġodda (ara 2 Kor 5:17), xhieda tal-Vanġelu. Għalihom, u għalina lkoll, intennu dak li Santu Wistin qal lill-Insara ta’ żmienu: “Xandar lil Kristu, iżra’ […], xerred ma’ kullimkien dak li tnissel f’qalbek” (Sermo 116, 23-24).
Ħuti, anki fi żmienna ma humiex nieqsa l-oqbra li rridu niftħu, u spiss il-ġebliet li hemm jagħlquhom huma hekk tqal u mgħassa tajjeb li jidhru li ma jistgħux jiċċaqilqu. Xi wħud jifnu lill-bniedem f’qalbu, bħall-qtigħ il-qalb, il-biża’, l-egoiżmu, il-korla; oħrajn, konsegwenza ta’ dawk interjuri, ifarrku r-rabtiet bejnietna, bħall-gwerra, l-inġustizzja, l-għeluq bejn il-popli u n-nazzjonijiet. Ejjew ma nħalluhomx jipparalizzawna! Tant bnedmin, matul il-medda tas-sekli, bl-għajnuna ta’ Alla, gerbuhom, forsi b’ħafna tbatija, xi drabi bi prezz għal ħajjithom, imma bi frott ta’ ġid li minnu għadna ngawdu sa issa. Ma humiex persunaġġi li ma nistgħux nilħquhom, imma persuni bħalna li, imqawwija mill-grazzja tal-Irxoxt, fl-imħabba u fil-verità, kellhom il-kuraġġ jitkellmu, kif jgħid l-Appostlu Pietru, “il-kliem ta’ Alla” (1 Piet 4:11) u li jaġixxu “bis-setgħa li Alla tah, u hekk f’kollox ikun igglorifikat Alla” (ibid.).
Inħallu jqanqalna l-eżempju tagħhom u f’dan il-Lejl qaddis nagħmlu tagħna l-impenn tagħhom, biex kullimkien u dejjem, fid-dinja, jikbru u jwarrdu d-doni tal-Għid li huma l-fehma waħda u s-sliem.