IL-PAPA LJUN XIV
REGINA COELI
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 12 ta’ April, 2026
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb u mill-ġdid l-Għid it-tajjeb!
Illum, it-tieni Ħadd tal-Għid, li San Ġwanni Pawll II kien iddedikah lill-Ħniena Divina, fl-Evanġelju naqraw dwar id-dehra ta’ Ġesù rxoxt lill-Appostlu Tumas (cfr Ġw 20,19-31). Il-fatt seħħ tmint ijiem wara l-Għid meta l-komunità hi miġbura flimkien, u kien hemmhekk li Tumas iltaqa’ mal-Imgħallem li jistiednu jara s-sinjali tal-imsiemer, iqiegħed sebgħu fuq il-ferita tal-kustat u jemmen (cfr v. 17). Xena li ġġagħalna nirriflettu dwar il-laqgħat tagħna ma’ Ġesù Rxoxt. Fejn insibuh? Kif nagħrfu li huwa Hu? Kif nemmnu? San Ġwann, li jirrakkonta l-ġrajja, itina indikazzjonijiet preċiżi: Tumas jiltaqa’ ma’ Ġesù fit-tmien jum, fil-komunità miġbura flimkien u jagħrfu mis-sinjali tas-sagrifiċċju tiegħu. L-istqarrija tal-fidi tiegħu hi riżultat ta’ din l-esperjenza, l-għola waħda fir-raba’ Vanġelu: “Sinjur tiegħi u Alla tiegħi!” (v. 29).
Minnu li mhux dejjem faċli temmen. La kien hekk fil-każ ta’ Tumas u lanqas hu hekk għalina. Il-fidi jeħtieġ inżommuha ħajja u nsostnuha. Għaldaqstant, “fit-tmien Jum”, jiġifieri kull nhar ta’ Ħadd, il-Knisja tistedinna nimitaw lill-ewwel dixxipli: ninġabru biex flimkien niċċelebraw l-Ewkaristija. Fiha nisimgħu il-kelma ta’ Ġesù, nitolbu, nistqarru l-fidi tagħna, naqsmu bejnietna d-doni ta’ Alla bil-karità, noffru ħajjitna f’għaqda mas-Sagrifiċċju ta’ Kristu, nitmantnu bil-Ġisem tiegħu u b’Demmu, biex min-naħa tagħna nsiru xhieda tal-Qawmien tiegħu, kif tindika l-kelma “Messa”, jigifieri “ħruġ”, “missjoni” (cfr KKK, 1332).
L-Ewkaristija tal-jum tal-Ħadd hi indispensabbli għall-ħajja nisranija. Għada se nibda Vjaġġ Appostoliku fl-Afrika, u propju xi Martri tal-Knisja Afrikana tal-ewwel sekli, il-Martri ta’ Abitene, dwar dan, ħallewlna testimonjanza mill-isbaħ. Quddiem l-offerta li jsalvaw ħajjithom basta jirrinunzjaw li jiċċelebraw l-Ewkaristija, wieġbu li ma setgħux jgħixu mingħajr iċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Mulej. Hu hemmhekk li l-fidi tagħna ssib l-ikel tagħha u titkattar. Hu hemmhekk li l-isforzi tagħna, minkejja l-limmitazzjonijiet, bil-grazzja t’Alla jsiru azzjonijiet ta’ membri tal-uniku ġisem – il-ġisem ta’ Kristu – fit-twettiq ta’ proġett kbir ta’ salvazzjoni li jħaddan fih il-ġeneru uman kollu. Hu permezz tal-Ewkaristija li jdejna wkoll isiru “idejn l-Irxoxt”, xhieda tal-preżenza tiegħu, tal-ħniena tiegħu, tal-paċi tiegħu, fis-sinjali tax-xogħol, tas-sagrifiċċji, tal-mard, tal-mogħdija tas-snin, li spiss huma mnaqqxa fihom, bħal fit-tenerezza ta’ tmellisa, ta’ tgħanniqa, ta’ ġest ta’ karità.
Għeżież ħuti, f’dinja li tant għandha bżonn il-paċi, dan għalina hu impenn daqs qatt qabel biex nibqgħu dejjem kostanti u fidili għal-laqgħa Ewkaristika tagħna mal-Irxoxt, biex tkun għalina l-bidu tax-xhieda tal-karità u nkunu nies li jġibu r-rikonċljazzjoni.
Tgħinna nagħmlu dan l-imbierka Verġni Marija għax kienet l-ewwel waħda li emmnet mingħajr ma rat (cfr Ġw 20,29).
Wara r-Regina Caeli
Għeżież ħuti,
Illum, ħafna Knejjes Orjentali qed jiċċelebraw l-Għid skont il-kalendarju Ġuljan. Minn qalbi nagħti l-awguri tal-paċi lil dawk il-komunitajiet kollha, f’komunjoni ma’ Kristu Rxoxt. Ma dawn l-awguri nżid talb sfiq għal dawk li qed isofru minħabba l-gwerra, b’mod partikolari l-għażiż poplu Ukren. Jalla d-dawl ta’ Kristu jagħti l-faraġ lill-qlub imġarrba u jsaħħaħ fihom it-tama. Qatt m’għandha tnin l-attenzjoni tal-komunità internazzjonali għad-dramm ta’ dil-gwerra!
Jien qrib daqs qatt qabel tal-maħbub poplu tal-Libanu f’dawn il-jiem ta’ wġigħ, ta’ biża’ u ta’ tama invinċibbli f’Alla. Il-prinċipju tal-umanità mnaqqax fil-kuxjena ta’ kull persuna jgawdi l-għarfien tal-liġijiet internazzjonali, u jġorr miegħu d-dmir morali li l-popolazzjonijiet ċivili jkunu mħarsa mill-atroċitajiet tal-gwerra. Nagħmel appell lill-partijiet fil-kunflitt biex iwaqqfu l-armi u b’urġenza jfittxu soluzzjoni paċifika.
Nhar l-Erbgħa li ġej jaħbat it-tielet anniversarju minn mindu beda l-kunflitt imdemmi fis-Sudan. Kemm sofferenzi għall-popolazzjoni, vittma innoċenti ta’ dan id-dramm diżuman! Inġedded l-appell imqanqal tiegħi lill-partijiet li qed jiġġieldu biex isikktu l-armi u mingħajr ebda prekundizzjoni, jibdew djalogu sinċier bl-għan li malajr kemm jista’ jkun itemmu dil-gwerra fratriċida.
U issa nagħti merħba lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini, partikolarment lill-fidili li ċċelebraw il-Ħadd tal-Ħniena Divina fis-Santwarju ta’ Santo Spirito in Sassia.
Insellem lill-Musikverein Kleinraming, mid-Djoċesi ta‘ Linz fl-Awstrija u lil fidili li ġew mill-Polonja; kif ukoll liż-żgħażagħ tal-Kulleġġ Saint Jean de Passy minn Pariġi u lil dawk ta’ diversi nazzjonalitajiet tal-Moviment tal-Fokolarini. Insellem lill-pellegrinaġġ tal-komunità minn San Benedetto Po u lil dawk li se jagħmlu l-Konfermazzjoni minn Santarcangelo di Romagna u San Vito.
Għada se nibda vjaġġ appostoliku ta’ għaxart ijiem f’erba’ pajjiżi Afrikani: l-Alġerija, il-Camerun, Angola u l-Guinea Ekwatorjali. Nitlobkom biex jekk jogħġobkom takkumpanjawni bit-talb tagħkom. Grazzi!
Il-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd!ss
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber