Il-Konverżjoni ta’ Santu Wistin

It-Tmien Ktieb tal-Istqarrijiet

It-tmien ktieb tal-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin ta’ Ippona huwa dwar mument mill-aktar kruċjali fil-ħajja tiegħu, dak tal-konverżjoni tiegħu għat-twemmin nisrani. Huwa kapitlu intens u drammatiku fil-vjaġġ spiritwali ta’ dan il-qaddis kbir tal-Knisja. Il-ktieb jiddeskrivi l-mument deċiżiv tal-konverżjoni tiegħu għall-Kristjaneżmu, pass li kif rajna mill-kotba preċedenti, huwa kien ilu jiġġieled miegħu għal bosta snin.

Iftaħ minn hawn it-Tmien Ktieb tal-Isqarrijiet ta’ Santu Wistin (pdf)

F’waħda mill-katekeżijiet li l-Papa Benedittu XVI kien għamel dwar dan il-qaddis, dik tas-27 ta’ Frar 2008, huwa jitkellem dwar Konverżjoni Tripla ta’ Santu Wistin. Dan għaliex kienet mixja vera u proprja, li tibqa’ mudell għal kull wieħed u waħda minna. Din il-mixja żgur li laħqet il-quċċata tagħha bil-konverżjoni u mbagħad bil-Magħmudija, imma ma għalqitx f’dik il-Velja tal-Għid tas-sena 387, meta f’Milan huwa ġie mgħammed mill-Isqof Ambroġ, baqgħet għaddejja umilment sa tmiem ħajtu, hekk li nistgħu tabilħaqq li mid-diversi tappi tagħha – nistgħu faċilment nagħżlu tlieta – li verament jagħmlu konverżjoni waħda kbira.

L-Ewwel Konverżjoni ta’ Wistin

Il-Papa Benedittu XVI kompla jgħid li, Santu Wistin kien fittiex imqanqal tal-verità: hekk kien sa mill-bidu u mbagħad għal ħajtu kollha. L-ewwel tappa tal-mixja tiegħu ta’ konverżjoni seħħet proprju billi ftit ftit resaq lejn il-Kristjaneżmu. Fir-realtà, hu kien diġà rċieva mingħand ommu Monika, li magħha baqa’ dejjem marbut qatigħ, edukazzjoni Nisranija u, imqar jekk fis-snin ta’ żgħożitu kien għex ħajja mħarbta, dejjem ħass ġibda qawwija lejn Kristu, għax kien xorob l-imħabba għall-isem tal-Mulej fil-ħalib ta’ ommu, kif hu stess jgħid (ara Stqarrijiet III,4,8).

Imma, kompla jikkummenta l-Papa Benedittu dwar il-konverżjoni ta’ Santu Wistin, li anki l-filosofija, fuq kollox dik ta’ impronta Platonika, kienet ikkontribwiet biex ressqitu iktar lejn Kristu, meta wrietu l-eżistenza tal-Logos, ir-Raġuni ħallieqa. Il-kotba tal-filosfi wrewh li hemm ir-Raġuni, li minnha mbagħad tiġi d-dinja kollha, imma ma kinux qalulu kif jista’ jilħaq dan il-Logos, li kien jidher hekk imbiegħed. Kien biss bil-qari tal-ittri ta’ San Pawl, fil-fidi tal-Knisja Kattolika, li hu ra b’mod sħiħ il-verità. Din l-esperjenza Wistin ġabarha f’waħda mill-paġni l-iżjed famużi tal-Istqarrijiet. Hu jirrakkonta li, qalb it-turment tar-riflessjonijiet tiegħu, miġbur fil-ġnien, ħabta u sabta sema’ leħen ta’ tfajjel itennilu kantilena, li qatt ma kien semagħha qabel: tolle, lege, tolle, lege, ħu f’idejk u aqra, ħu f’idejk u aqra. (VIII,12,29). 

Kien hemmhekk li Wistin ftakar fil-konverżjoni ta’ Antonju, missier il-monakiżmu, u b’attenzjoni kbira reġa’ lura għall-kodiċi Pawlin li kellu f’idejh ftit tal-ħin qabel, fetħu u għajnejh waqgħu fuq is-silta mill-Ittra lir-Rumani, fejn l-Appostlu jeżorta biex wieħed iħalli l-opri tal-ġisem u jerġa’ jilbes lil Kristu (13:13-14). Issa fehem li dik il-kelma f’dak il-ħin kienet qed tingħad personalment lilu, kienet ġejja minn Alla permezz tal-Appostlu biex turih x’kellu jagħmel f’dak il-waqt. Hekk ħass jgħibu d-dlamijiet tad-dubju u reġa’ sab ruħu saflaħħar ħieles li jingħata kollu kemm hu għal Kristu: “Int tant reġġajtni lejk”, jikkummenta (Stqarrijiet VIII,12,30). Din kienet l-ewwel konverżjoni deċiżiva tiegħu.

It-Tieni Konverżjoni ta’ Wistin

Wistin kompla jfittex lil Alla kbir u inaċċessibbli. Il-fidi fi Kristu fehmitu li Alla, li jidher hekk imbiegħed, fir-realtà ma kienx hekk. Fil-fatt, hu kien ġie qrib tagħna, sar wieħed minna. Dak Alla, li hadd ma seta’ jara, sar Alla li stajt tmissu, u li sar wieħed minna, illi saflaħħar sar Alla li lilu seta’ jitlob, li għalih u miegħu seta’ jgħix.

Issa kien imsejjaħ biex jgħix kollu kemm hu għall-verità, mal-verità, fil-ħbiberija ta’ Kristu li hu l-Verità. Ħolma sabiħa li damet tliet snin, sakemm, kontra r-rieda tiegħu, ġie kkonsagrat saċerdot f’Ippona u mibgħut biex jaqdi lill-fidili, xorta f’ħajja magħquda ma’ Kristu u għal Kristu, imma għas-servizz ta’ kulħadd.

Din sabha ħaġa tqila ħafna, imma fehem sa mill-bidu li kien biss jekk jgħix għall-oħrajn, u mhux sempliċiment għall-kontemplazzjoni privata tiegħu, li seta’ tabilħaqq jgħix ma’ Kristu u għal Kristu. Hekk, waqt li ċaħad ħajja ta’ meditazzjoni waħidha, Wistin tgħallem, spiss b’diffikultà, iqiegħed il-frott tal-għerf tiegħu għad-dispożizzjoni tal-oħrajn. Tgħallem jikkomunika l-fidi tiegħu lin-nies sempliċi. “Li tipprietka l-ħin kollu, tiddiskuti, ittenni, tedifika, tkun għall-qadi ta’ kulħadd – hi responsabbiltà enormi, piż kbir, sforz immens” (Sermones 339,4). Imma dan il-piż hu ħadu fuqu, għax fehem li proprju hekk seta’ jkun eqreb ta’ Kristu. Fehem li seta’ jasal għand l-oħrajn b’sempliċità u umiltà, u din kienet it-tieni konverżjoni tiegħu.

It-Tielet Konverżjoni ta’ Wistin

Fil-katekeżi tiegħu dwar il-Konverżjoni Tripla ta’ Wistin, il-Papa Benedittu XVI kompla jgħid li, dan il-qaddis, issa kien fadallu l-aħħar tappa tal-mixja, it-tielet konverżjoni: dik li wasslitu biex kull jum ta’ ħajtu jitlob maħfra lil Alla. Għall-bidu ħass li issa li ġie mgħammed, fil-ħajja ta’ komunjoni ma’ Kristu kien ser jasal għall-perfezzjoni. Imma fl-aħħar parti tal-ħajja tiegħu fehem li aħna dejjem għandna bżonn niġu maħsula minn Kristu u mġedda minnu. Għalhekk għandna bżonn ta’ dik il-konverżjoni kontinwa, li tikber bl-umiltà, dik li nafu li aħna midinbin li jinsabu mexjin fit-triq, sakemm il-Mulej inewlilna jdejh għal dejjem u jdaħħalna fil-ħajja eterna.

Kien f’dan l-atteġġjament ta’ umiltà, li hu ħaddan jum wara jum, sal-aħħar mumenti ta’ ħajtu.

Aktar dwar Santu Wistin …

Aktar dwar l-Isqarrijiet ta’ Santu Wistin …

Email: … tsrp@agostinjani.org

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading