Omelija tal-Papa Ljun XIV f’Kilamba, l-Angola

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, IL-KAMERUN, L-ANGOLA U L-GUINEA EKWATORJALI
(13-23 TA’ APRIL 2026)
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
Spjanata ta’ Kilamba (l-Angola)
It-III Ħadd tal-Għid, 19 ta’ April 2026

Għeżież ħuti,

B’qalbi mimlija gratitudni qed niċċelebra l-Ewkaristija fostkom. Nirringrazzja lil Alla ta’ dan id-don u nirringrazzja lilkom tal-akkoljenza festuża!

F’dan it-Tielet Ħadd tal-Għid il-Mulej kellemna bil-Vanġelu tad-dixxipli ta’ Għemmaws (ara Lq 24:13-35). Inħallu ddawwalna din il-Kelma tal-ħajja.

Żewġ dixxipli tal-Mulej, b’qalbhom midruba u mnikkta, iħallu Ġerusalemm biex imorru lura fir-raħal tagħhom ta’ Għemmaws. Raw imut lil dak Ġesù li fih kienu fdaw u li warajh kienu mxew u, issa, delużi u mirbuħa, jirritornaw lejn djarhom. Fit-triq kienu “jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara” (v. 14). Iħossu l-bżonn jitkellmu fuq hekk, jerġgħu jirrakkontaw dak li raw, jaqsmu dak li għexu, imma bir-riskju li jibqgħu mjassara fl-uġigħ, magħluqin għat-tama.

Ħuti, f’din ix-xena tal-bidu tal-Vanġelu jien nilmaħ mera tal-istorja tal-Angola, ta’ dan il-pajjiż mill-isbaħ u midrub, li għandu ġuħ u għatx għat-tama, għall-paċi u għall-fraternità. Fil-fatt, il-konverżazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dixxipli mat-triq, li jerġgħu jaħsbu b’diqa f’dak li ġara lill-Imgħallem tagħhom, tfakkarna fit-tbatija li minnha kien immarkat dan il-pajjiż tagħkom: gwerra ċivili twila bit-tkaxkir tagħha ta’ tilwim u firdiet, ta’ riżorsi moħlija u ta’ faqar.

Meta għal żmien twil inkunu mgħaddsa fi storja hekk immarkata mit-tbatija, ikollna r-riskju taż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws: li nitilfu t-tama u nibqgħu pparalizzati mill-qtigħ il-qalb. Fil-fatt huma jimxu, imma xorta baqgħu mwaħħlin mal-ġrajjiet li seħħu tlitt ijiem qabel meta raw lil Ġesù jmut; jitkellmu bejniethom, imma bla ma jittamaw fi triq li minnha jistgħu joħorġu; għadhom jitkellmu fuq dak li ġara, bl-għeja ta’ min ma jafx kif ħa jerġa’ jibda, lanqas jekk hux possibbli li jagħmel dan.

Għeżież, l-Aħbar it-tajba tal-Mulej, illum ukoll għalina, hi proprju din: Huwa ħaj, hu rxoxta u jterraq magħna aħna u nimxu t-triq tat-tbatija u tal-imrar, u jiftħilna għajnejna biex nistgħu nagħrfu l-ħidma tiegħu u jagħtina l-grazzja li nibdew mill-ġdid u nerġgħu nibnu l-futur.

Il-Mulej jimxi maż-żewġ dixxipli delużi u neqsin mit-tama u, waqt li jsir sieħeb tagħhom fit-triq, jgħinhom jerġgħu jpoġġu flimkien il-biċċiet ta’ dik l-istorja, u jħarsu lil hemm mit-tbatija, jiskopru li mhumiex waħidhom fil-mixja u li hemm jistenniehom futur, li fih jgħix Alla tal-imħabba. U meta hu jieqaf jiekol magħhom, joqgħod mal-mejda u jaqsam il-ħobż, allura “nfetħulhom għajnejhom u għarfuh” (v. 31).

Hawn tidher għalina wkoll, għalikom, għeżież ħuti Angolani, it-triq biex nerġgħu nibdew: minn naħa ċ-ċertezza li l-Mulej jimxi magħna u jagħdirna, u mill-oħra l-impenn li hu jitlob minna.

Il-kumpanija tal-Mulej induquha fuq kollox fir-relazzjoni miegħu, fit-talb, fis-smigħ tal-Kelma tiegħu li tħeġġeġ lil qalbna bħal dik taż-żewġ dixxipli, u fuq kollox fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Huwa hawn li aħna niltaqgħu ma’ Alla. Għalhekk, hemm bżonn dejjem li tgħassu fuq dawk ix-xejriet ta’ reliġjożità tradizzjonali, li ċertament huma parti mill-għeruq tal-kultura tagħkom, imma fl-istess waqt jirriskjaw li jħawdu u jħalltu elementi maġiċi u superstizzjonijiet li ma jgħinux fil-mixja spiritwali. Ibqgħu fidili għal dak li tgħallem il-Knisja, afdaw fir-Ragħajja tagħkom u żommu ħarsitkom imsammra fuq Ġesù, li juri ruħu b’mod partikulari fil-Kelma u fl-Ewkaristija. Fit-tnejn li huma nesperimentaw li Kristu Rxoxt jimxi magħna u, magħqudin fih, anki aħna negħlbu l-imwiet li jassedjawna u ngħixu ta’ rxuxtati.

Ma’ din iċ-ċertezza li m’aħniex waħidna fit-triq jingħaqad ukoll impenn ġeneruż li jista’ jdewwi l-ġrieħi u jerġa’ jkebbes it-tama. Fil-fatt, jekk dawn it-tnejn ta’ Għemmaws jagħrfu lil Ġesù meta jaqsam il-ħobż għalihom, dan ifisser li anki aħna rridu nagħrfuh hekk: mhux biss fl-Ewkaristija, imma kull fejn hemm ħajja li ssir ħobż maqsum, kull fejn xi ħadd isir don ta’ kompassjoni bħalu.

L-istorja ta’ pajjiżkom, il-konsegwenzi għadhom diffiċli li intom tissaportu, il-problematiċi soċjali u ekonomiċi u d-diversi forom ta’ faqar isejħu l-preżenza ta’ Knisja li taf timxi ma’ oħrajn u taf tilqa’ l-karba ta’ wliedha. Knisja li, bid-dawl tal-Kelma u l-ikel tal-Ewkaristija, taf tixgħel mill-ġdid it-tama mitlufa. Knisja magħmula minn persuni bħalkom li hekk jingħataw bħalma Ġesù jaqsam il-ħobż għaż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws. L-Angola għandha bżonn ta’ isqfijiet, saċerdoti, missjunarji, reliġjużi, lajċi li għandhom f’qalbhom ix-xewqa li jaqsmu ħajjithom u jagħtuha għal xulxin, li jħabirku fl-imħabba u fil-maħfra lil xulxin, li jibnu spazji ta’ fraternità u ta’ paċi, li jwettqu ġesti ta’ kompassjoni u ta’ solidarjetà ma’ min għandu l-aktar bżonn.

Bil-grazzja ta’ Kristu Rxoxt nistgħu nsiru dan il-ħobż maqsum li jibdel ir-realtà. U bħalma l-Ewkaristija tfakkarna li aħna ġisem wieħed u ruħ waħda, magħqudin mal-Mulej wieħed, anki aħna nistgħu u rridu nibnu pajjiż fejn jiġu megħluba għal dejjem il-firdiet tal-qedem, fejn jgħibu l-mibegħda u l-vjolenza, fejn il-pjaga tal-korruzzjoni tiġi mfejqa minn kultura ġdida tal-ġustizzja u tal-qsim. Hekk biss ikun possibbli futur ta’ tama, fuq kollox għal tant żgħażagħ li tilfuha.

Ħuti, illum hemm bżonn li nħarsu lejn il-futur bit-tama u li nibnu t-tama tal-futur. La tibżgħux tagħmlu dan! Kristu Rxoxt, li jimxi t-triq magħkom u għalikom jinqasam bħal ħobż, jinkuraġġikom biex tkunu xhieda tal-qawmien tiegħu u protagonisti ta’ umanità ġdida u ta’ soċjetà ġdida.

Għeżież, f’din il-mixja tistgħu sserrħu fuq il-qrubija u fuq it-talb tal-Papa! Imma jien ukoll naf li nista’ nserraħ fuqkom, u nirringrazzjakom! Nafdakom fil-ħarsien u fl-interċessjoni tal-Verġni Marija, Sidtna ta’ Muxima, biex dejjem tweżinkom fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading