Il-Papa Ljun XIV lill-Awtoritajiet f’Luanda

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-PAPA LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, FIL-CAMEROON, F’ANGOLA U FIL-GUINEA EKWATORJALI
(13–23 ta’ April, 2026)
LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU
INDIRIZZ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Presidential Palace (Luanda)
Saturday, 18 April 2026

Sur President,
Distini Awtoritajiet Ċivili
u Membri tal-Korp Diplomatiku,
Sinjuri,

Hu ta’ ferħ kbir għalija li ninsab fostkom.  Nesprimi l-gratitudni tiegħi lilek, Sur President, talli stedintni biex inżur l-Angola u għall-kliem ġentili li indirizzajtli.  Ġejt fostkom bħala pellegrin, infittex is-sinjali tal-preżenza t’Alla f’din l-art li Hu tant iħobb.

Qabel ma nkompli, nixtieq niżgura talbi għall-vittmi tax-xita qawwija u l-għarar li laqtu l-provinċja ta’ Beneguela, u nuri l-qrubija tiegħi lejn il-familji li tilfu djarhom.  Naf ukoll li intom, il-poplu ta’ Angola, magħqudin f’katina kbira ta’ solidarjetà ma’ dawk milquta.

Nixtieq niltaqa’ magħkom fi spirtu ta’ paċi u nafferma li l-poplu tagħkom għandu teżori li la jistgħu jinxtraw u l-anqs jittieħdu.  B’mod partikolari fikom jgħammar ferħ li lanqas l-aktar ċirkostanzi kuntrarji ma jistgħu jitfuh.  Dan il-ferħ — li ​​ġarrab il-prova tan-niket, tal-għadab, tad-diżappunt u tat-telf — jibqa’ sħiħ u jerġa’ jitwieled kontinwament fost dawk li żammew qlubhom u moħħhom ħielsa mis-seħer tal-għana. Tafu sew li wisq drabi n-nies ħarsu — u għadhom iħarsu — lejn l-artijiet tagħkom biex jagħtu, jew, aktar żgur, biex jakkwistaw.  Hemm bżonn jitkisser daċ-ċiklu ta’ interessi li r-realtà u l-ħajja nfisha, jirriduċieha  f’merkanzija.

Għad-dinja kollha, l-Afrika hi ġibjun ta’ ferħ u tama, virtuwijiet li ma niddejjaq xejn insejħilhon “politiċi” għax iż-żgħażagħ tagħha u l-foqra tagħha għadhom joħolmu u jittamaw.  Mhumiex kuntenti b’dak li diġà hawn; jirsistu biex jgħolew aktar ‘il fuq, jitħejjew għal-responsabbiltajiet kbar, u jkunu parti attiva fit-tfassil tal-ġejjieni tagħhom.  Tabilħaqq, l-għerf ta’ poplu ebda ideoloġija ma tista’ toħonqu, u x-xewqa kbira li tgħammar fil-qalb tal-bniedem hi prinċipju ta’ trasformazzjoni soċjali ferm aktar profond minn kull programm politiku jew kulturali.  Jien ninsab fostkom, għas-servizz tas-setgħat l-aktar nobbli li janimaw il-persuni u komunitajiet, li jagħmlu lill-Angola mużajk rikk u vibranti.  Nixtieq nisma’ u nagħmel kuraġġ lil dawk li diġà għamlu għażla favur toroq ta’ tjubija, ta’ ġustizzja, ta’ paċi, tat-tolleranza u r-rikonċiljazzjoni.  Fl-istess ħin, flimkien ma’ miljuni ta’ nies ta’ rieda tajba, li huma l-għana primarju ta’ dal-pajjiż, jien nitlob għall-konverżjoni ta’ dawk li jagħżlu toroq kuntrarji u jostakolaw l-iżvilupp armonjuz u fratern.

Għeżież ħbieb, semmejt il-ġid materjali li s-setgħat qawwija, saħansitra f’pajjiżkom stess, iridu jieħdu taħt idejhom.  Kemm tbatija, kemm imwiet, kemm diżastri soċjali u ambjentali ġġib magħha l-loġika tal-estrattiviżmu!  Naraw li f’kull livell jitħaddem mudell ta’ żvilupp li jiddiskrimina u jeskludi, filwaqt li jippretendi li jimponi ruħu bħala l-unika għażla vjabbli.  B’għarfien profond tat-tħassib tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, sittin sena ilu il-Papa Pawlu VI kien diġà kkundanna “l-aspett senili u definittivament antikwat ta’ ċivilizzazzjoni kummerċjali, edonistika u materjalisa li għadha qed tipprova tippreżenta ruħha bħala l-bieb tal-futur.  Kien osserva: “Fl-eċċessi tagħha wkoll, ir-reazzjoni istintiva ta’ bosta żgħażagħ kontra din l-illużjoni tikseb ċertu importanza.  Dil-ġenerazzjoni qed tistenna xi ħaġa oħra”: (Eż. App. Gaudete in Domino,  VI).  Intom xhieda – grazzi għad-dehen li jifforma ħsibijietkom u s-sensibbiltajiet tagħkom – li l-ħolqien hu armonija fl-għana tad-diversità.  Il-poplu tagħkom għadda mit-tbatija minn żmien għal ieħor meta l-arroganza ta’ ftit kissret din l-armonija.  Hu jġorr fih il-marki mhux biss tal-isfruttament materjali imma wkoll tal-prużunzjoni li l-idea tkun imponuta fuq ħaddieħor.  Hemm urġenza li l-Afrika tegħleb is-sitwazzjonijiet u d-dinamiki tal-kunflitt u ostilità li jkissru n-nisġa soċjali u politika ta’ bosta pajjiżi, jiġġeneraw il-faqar u l-esklużjoni.  Hu biss permezz tal-laqgħa li l-ħajja twarrad.  Id-djalogu hu l-ewwel pass.  Dan ma jfissirx li ma jkunx hemm nuqqas ta’ qbil li jista’ jiddeġenera f’kunflitt.

Il-venerabbli predeċessur tiegħi, il-Papa Franġisku, kien offra riflessjoni li ma tintesiex dwar dan: “Quddiem il-kunflitt, xi wħud sempliċement iħarsu lejh u jibqgħu mexjin qisu qatt ma kien xejn, jaħslu jdejhom biex jistgħu jkomplu mexjin b’ħajjithom.  Oħrajn jidħlu fil-kunflitt b’tali mod li jibqgħu mjassrin minnu, jitilfu x-xefaq, jitfgħu fuq l-istituzzjonijiet il-konfużjonijiet u d-delużjonijiet tagħhom, u hekk l-għaqda ssir ħaġa impossibbli.  Imma hemm it-tielet mod, l-aħjar wieħed, kif wieħed iġib ruħu quddiem il-kunflitt.  Hu li jaċċetta li jġarrab il-kunflitt, isewwih u jibdlu f’ħolqa li tgħaqqad proċess ġdid.  ‘Henjin dawk li jġibu l-paċi’ (Mt 5:9)”.

L-Angola jista’ jkollha tkabbir importanti jekk, l-ewwel ħaġa, min hu fl-awtorità tal-pajjiż jemmen fin-natura varjata tar-rikkezzi tiegħu.  Tibżgħux min-nuqqas ta’ qbil; twarrbux l-ideat taż-żgħar jew il-ħolm tax-xjuħ; agħrfu kif issolvu l-kunflitti billi tittrasformawhom f’mogħdijiet ta’ tiġdid.   Il-ġid komuni jiġi qabel kull interess partikolari, toħloqx konfużjoni bejn l-idea tiegħek personali u dak li hu ta’ ġid kollettiv.  L-istorja għad tagħtik raġun minkejja li għalissa tista’ ssib oppożizzjoni minn xi wħud.

Tkellimt dwar il-ferħ u t-tama karatteristiċi tas-soċjetà tagħkom.  Filwaqt li dawn spiss jitqiesu ħaġa merament personali, sentimenti privati, fil-verità huma forza profonda u ta’ karattru – forza li tirreżisti kull forma ta’ rassenjazzjoni u kull tentazzjoni li bniedem jingħalaq fih innifsu.  Id-despoti u t-tiranni, kemm tal-ġisem kif ukoll tal-ispirtu, lill-bnedmin jirrenduhom passivi, imewtu l-ħeġġa; jippreferu poplu suxxettibbli għall-inerzja, doċli u li jbaxxi rasu quddiem il-poter.  Għax, b’ħasra, aħna ninsabu verament paralizzati mill-biżgħat u l-immaġinazzjoni; infittxu kenn fil-fanatiżmu, fis-sottomissjoni, fil-ħsejjes itarrxu tal-medja, fit-tlellix tad-deheb, fil-mit identitarju.

In-nuqqas ta’ kuntentizza, is-sens ta’ impotenza, meta ninsew għeruqna huma elementi ta’ firda aktar milli ta’ għaqda.  Joħolqu klima ta’ tbegħid mill-isfera pubblika, stmerrija għall-isfortuna tal-oħrajn u n-negazzjoni tal-fraternità.  Din id-diskordja tkisser ir-relazzjonijiet kostituttivi li kull persuna għandha magħha nfisha, mal-oħrajn u mar-realtà.  Kif osserva wkoll il-Papa Franġisku: “L-aħjar mod kif wieħed jiddomina u javvanza bla ħadd ma jżommu hu billi jiżra’ n-nuqqas ta’ tama u kontinwament irewwaħ il-qtigħ il-qalb, imqar jekk taħt il-maskra tad-difiża ta’ ċerti valuri. Illum f’ħafna pajjiżi qed jintuża l-mekkaniżmu politiku li wieħed ikebbes in-nar, joħloq iktar tensjoni u jippolarizza” (Enċ. Fratelli tutti, 15).

Il-veru ferħ ibegħedna minn din l-aljenazzjoni – ferħ, li permezz tal-fidi nagħrfuh bħala rigal tal-Ispirtu s-Santu.  Kif kiteb San Pawl: “il-frott tal-Ispirtu hu l-imħabba, il-ferħ, il-paċi” (Gal 5,22).  Tabilħaqq, il-ferħ jintensifika l-ħajja u jwassal għall-ħolqien tal-komunità: kull persuna tifraħ hi u tuża l-ħiliet relazzjonali tagħha, tqiegħed fis-seħħ il-kontribut tagħha għall-ġid komuni u tirċievi rikonoxximent bħala persuna unika u denja fi ħdan komunità ta’ tkattir tal-laqgħat li jseddqu l-ispirtu. 
Il-ferħ jaf ifassal mogħdijiet anke fl-aktar żoni mudlama ta’ staġnar u tbatija.  Għalhekk, ejjew neżaminaw qlubna, għeżież ħbieb, għax mingħajr il-ferħ ma jistax ikun hemm tiġdid; mingħajr interjorità mhemmx ħelsien, mingħajr laqgħa mhemmx politika; mingħajr l-ieħor mhemmx ġustizzja.

Flimkien tistgħu tagħmlu mill-Angola proġett ta’ tama.  Il-Knisja Kattolika, li naf kemm hu apprezzat is-servizz li tagħti lil pajjiżkom, tixtieq tkun ħmira fl-għaġna u trawwem tisdiq ta’ mudell ġust ta’ koeżistenza, ħieles minn kull għamla ta’ jasar li jimponu l-elite mgħobbijin b’ħafna ġid imma b’ferħ falz.  Hu biss meta nibqgħu magħqudin flimkien li nistgħu nimmoltiplikaw it-talenti ta’ dal-poplu meraviljuż, anki fil-periferiji urbani u fl-aktar żoni rurali imbegħda, fejn il-ħajja hi vibranti u fejn qed jitħejja l-ġejjieni tal-poplu. Ejjew inneħħu l-ostakli li jxekklu l-iżvilupp uman integrali, bix-xogħol u t-tama, spalla ma’ spalla ma’ min hu skartat mid-dinja imma hu magħżul minn Alla.  Għax it-tama tagħna rxuxtat: “Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka” (Salm 118,22), Ġesù Kristu, il-milja tal-bniedem u tal-istorja.

Alla jbierek lill-Angola!

Grazzi.

Miġjub għall-Malti  minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading