Omelija tal-Papa Ljun XIV fl-ajruport ta’ Yaoundé-Ville

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, IL-KAMERUN, L-ANGOLA U L-GUINEA EKWATORJALI
(13-23 TA’ APRIL 2026)
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
Ajruport ta’ Yaoundé-Ville
Is-Sibt 18 ta’ April 2026

Għeżież ħuti, il-paċi magħkom! Il-paċi ta’ Kristu, li l-preżenza tiegħu ddawwal il-mixja tagħna u ssikket it-tempesti tal-ħajja.

Qed niċċelebraw din il-Quddiesa fi tmiem iż-żjara tiegħi fil-Kamerun, u ninsab grat ħafna lejkom għal kif ilqajtuni u għall-mumenti ta’ ferħ u ta’ fidi li għexna flimkien.

Kif smajna fil-Vanġelu, il-fidi ma teħlisniex mit-taqlib u t-tiġrib, u f’xi mumenti jista’ jidher li l-biża’ qed jieħu l-kontroll f’idejh. Imma aħna nafu li mqar f’dawn, kif ġralhom id-dixxipli fuq il-baħar tal-Galilija, Ġesù ma jitlaqniex waħidna.

Tliet evanġelisti jagħtuna l-episodju li għadna kemm smajna, kull wieħed bil-mod tiegħu, b’messaġġ differenti skont il-qarrejja li lilhom jindirizza. San Mark (ara 6:45-52) jippreżenta lill-Mulej li jasal għand id-dixxipli, waqt li huma qed jitħabtu biex jaqdfu minħabba r-riħ kontrihom, li, imma, jikkalma malli hu jitla’ magħhom fuq id-dgħajsa. San Mattew (ara 14:22-33) iżid dettall: Pietru ried imur ħdejn l-Imgħallem billi jimxi fuq il-mewġ. Imma malli niżel mid-dgħajsa, inħakem mill-biża’ u beda jegħreq. Kristu jaqbdu minn driegħu, isalvah u jċanfru għax ma emminx.

Fil-verżjoni ta’ San Ġwann, li ġiet imxandra llum (ara Ġw 6:16-21), is-Salvatur, miexi fuq l-ilmijiet, joqrob lejn id-dixxipli u jgħidilhom: “Jiena hu, la tibżgħux” (v. 20), u l-Evanġelista jinsisti li “kien ġa dalam” (v. 17). Għat-tradizzjoni Għebrajka l-“ilmijiet”, bil-fond tagħhom u l-misteru tagħhom, ifakkru spiss fid-dinja tal-imwiet, fil-kaos, fil-periklu, fil-mewt. Jevokaw, flimkien mad-dlamijiet, il-qawwa tal-ħażen, li l-bniedem waħdu ma jistax jaħkem. Imma fl-istess waqt, fil-memorja tal-għeġubijiet tal-eżodu, huma jidhru wkoll bħala post ta’ passaġġ, il-post tal-qsim mnejn Alla, bil-qawwa kollha, jeħles il-poplu tiegħu mill-jasar.

Il-Knisja daqet tant drabi, hija u tbaħħar matul is-sekli, tempesti u “rjieħ kontriha”, u anki aħna nistgħu nidentifikaw ruħna mas-sentimenti ta’ biża’ u ta’ dubju li ġarrbu d-dixxipli huma u jaqsmu l-għadira ta’ Tiberija. Huwa dak li nħossu fil-mumenti li fihom naħsbu li qed negħrqu, mifnija minn forzi kontrina, meta kollox jidher mudlam u nħossuna waħidna u dgħajfa. Imma mhuwiex hekk. Ġesù jinsab magħna, dejjem, aqwa minn kull qawwa tal-ħażen; f’kull buffura hu jilħaqna u jtennilna: “Jiena ninsab hawn miegħek: la tibżax”. Għalhekk aħna nerġgħu nqumu minn kull waqgħa u ma nħallu l-ebda tempesta twaqqafna, imma nibqgħu mexjin, bil-kuraġġ u bil-fiduċja, dejjem. U grazzi għalih li, kif qal il-Papa Franġisku, tant “irġiel u nisa […] jagħtu ġieħ lill-poplou tagħna, jagħtu ġieħ lill-Knisja tagħna […]: bil-qawwa li għandhom biex jibqgħu mexjin ’il quddiem f’ħajjithom, bil-familja, bix-xogħol, bil-fidi tagħhom” (Katekeżi, 14 ta’ Mejju 2014, 2).

Ġesù jersaq qrib tagħna: ma jsikkitx it-tempesti minnufih, imma jilħaqna qalb il-perikli, u jistieden lilna wkoll, fil-ferħ u fin-niket, biex nibqgħu flimkien, solidali, bħad-dixxipli, fuq l-istess dgħajsa, biex ma nibqgħux inħarsu mill-bogħod lejn min qed ibati, imma nsiru proxxmu tiegħu, biex nersqu qrib ta’ xulxin. Ħadd ma għandu jitħalla waħdu jħabbat wiċċu mas-saram tal-ħajja, u kull komunità għandha d-dmir, allura, li toħloq u twieżen strutturi ta’ solidarjetà u ta’ għajnuna reċiproka fejn, quddiem il-kriżijiet – sew jekk soċjali, politiċi, ta’ saħħa jew ekonomiċi – kulħadd jista’ jagħti u jirċievi l-għajnuna, skont il-ħiliet u skont il-bżonnijiet tiegħu. Kliem Ġesù, “jiena hu”, ifakkarna li, f’soċjetà msejsa fuq ir-rispett tad-dinjità tal-persuna, is-sehem ta’ kulħadd hu importanti u għandu valur uniku, indipendentement mill-istatus jew mill-pożizzjoni ta’ kull persuna f’għajnejn id-dinja.

Allura l-eżortazzjoni “la tibżgħux” tieħu dimensjoni wiesgħa, anki fuq livell soċjali u politiku, bħala inkuraġġiment biex naffrontaw problematiċi u sfidi – partikularment dawk marbuta mal-faqar u mal-ġustizzja – flimkien, b’sens ċiviku u responsabbiltà ċivili. Il-fidi ma tifridx l-ispiritwali mis-soċjal, anzi, tagħti lin-Nisrani l-qawwa li jinteraġixxi mad-dinja, biex iwieġeb għall-bżonnijiet ta-oħrajn, speċjalment ta’ min hu l-aktar dgħajjef. Għas-salvazzjoni ta’ komunità mhumiex biżżejjed l-isforzi individwali u iżolati ta’ persuni: hemm bżonn ta’ deċiżjoni komuni, li tintegra d-dimensjoni spiritwali u etika tal-Vanġelu fil-qalba tal-istituzzjonijiet u l-istrutturi, u tagħmel minnhom strumenti għall-ġid komuni, u mhux postijiet ta’ kunflitt, jew ta’ interess, jew teatru ta’ ġlidiet vojta.

Ikellimna dwar dan l-Ewwel Qari (ara Atti 6:1-7), fejn naraw kif il-Knisja taffronta l-ewwel kriżi tagħha biex tikber. Iż-żieda mgħaġġla fl-għadd tad-dixxipli (v. 1) iġġib għall-komunità sfidi ġodda fit-tħaddim tal-karità, u għalhekk l-Appostli ma jirnexxilhomx aktar waħidhom jipprovdu għal dawn. Xi ħadd jittraskura l-qadi tal-imwejjed, u għalhekk jiżdied it-tgergir u sens ta’ inġustizzja jibda jhedded l-għaqda. Is-servizz ta’ kuljum lill-foqra kien prattika essenzjali fil-Knisja bikrija, u kien jimmira biex iwieżen lil min hu l-aktar dgħajjef, b’mod partikulari l-iltiema u r-romol. Imma kien hemm bżonn li dan jiġi integrat mal-ħtiġijiet tat-tħabbir u tat-tagħlim, li wkoll kienu fundamentali, u s-soluzzjoni ma kinitx waħda sempliċi. Hawn l-Appostli nġemgħu, qasmu t-tħassib li kellhom, ikkonfrontaw ruħhom fid-dawl tat-tagħlim ta’ Ġesù u talbu flimkien, u waslu biex jegħlbu x-xkiel u n-nuqqas ta’ ftehim li mal-ewwel daqqa t’għajn dehru li ma jistgħux jingħelbu. U hekk taw il-ħajja lil xi ħaġa ġdida, billi għażlu rġiel “li għandhom isem tajjeb u li huma mimlijin bl-Ispirtu u bl-għerf” (v. 3), u, bit-tqegħid tal-idejn, iddestinawhom għal servizz prattiku li kien anki missjoni spiritwali. Taw widen għal-leħen tal-Ispirtu s-Santu u qagħdu attenti għall-karba ta’ min kien qed ibati, u hekk mhux biss evitaw qasma interna fil-komunità, imma għanewha, b’ispirazzjoni divina, bi strumenti ġodda u adegwati biex hi setgħet tkompli tikber, u hekk bidlu mument ta’ kriżi f’okkażjoni ta’ għana u ta’ żvilupp għal kulħadd.

Xi drabi l-ħajja ta’ familja u ta’ soċjetà titlob ukoll dan: il-kuraġġ li nibdlu drawwiet u strutturi, biex id-dinjità tal-persuna tibqa’ dejjem fiċ-ċentru u jingħelbu nuqqas ta’ ugwaljanza u emarġinazzjoni. Wara kollox, Alla meta sar bniedem identifika ruħu ma’ dawk fl-aħħar post, u dan jagħmel il-kura preferenzjali tal-foqra għażla fundamentali għall-identità Nisranija tagħna (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 198; Eżortazzjoni appostolika Dilexi te, 16-17).

Ħuti, aħna llum qed insellmu lil xulxin. Kulħadd jerġa’ lura għall-ħidma tas-soltu u d-dgħajsa tal-Knisja tissokta bir-rotta tagħha lejn id-destinazzjoni, bil-grazzja ta’ Alla u bl-impenn ta’ kulħadd. Ejjew inżommu ħajja f’qalbna t-tifkira tal-mumenti sbieħ li għexna flimkien; imqar qalb id-diffikultajiet inkomplu nagħmlu wisa’ għal Ġesù, inħalluh idawwal u joħloq mill-ġdid kull ġurnata bil-preżenza tiegħu. Il-Knisja fil-Kamerun hi ħajja, żagħżugħa, għanja fid-doni u fl-entużjażmu, dinamika fil-varjetà tagħha u meraviljuża fl-armonija tagħha. Bl-għajnuna tal-Verġni Marija, Omm tagħna, warrdu dejjem iżjed il-preżenza festuża, u anki mill-irjieħ kontrikom, li ma jonqsu qatt fil-ħajja, agħmlu okkażjoni ta’ maturazzjoni fis-servizz hieni ta’ Alla u tal-aħwa, fil-qsim bejn xulxin, fis-smigħ, fit-talb u fix-xewqa li tikbru flimkien.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading