IL-PAPA LJUN XIV
VJAĠĠ APPOSTOLIKU FL-ALĠERIJA, ANGOLA U
L-GUINEA EKWATORJALI
(13–23 ta’ April, 2026)
REGINA CAELI
Kilamba (Angola)
Il-Ħadd, 19 ta’ April, 2026
Għeżież ħuti,
Issa se ningħaqdu fit-talb lil Marija, Regina Caeli, Sultana tas-Sema, biex magħha naqsmu – din Ommna li timxi magħna fil-vjaġġ tagħna – il-ferħ tal-Qawmien.
Mhux l-għan tagħna li b’din l-għanja ta’ ferħ, noħonqu l-għajta ta’ dawk li qed ibatu, imma l-għan hu li inħaddnuhom magħna, ningħaqdu magħhom permezz tal-vuċi tagħna f’armonija ġdida, sabiex anki fl-uġigħ, id-dawl tal-fidi jibqa’ ħaj u miegħu, tama ta’ dinja ġdida.
Jien imnikket għall-aħħar minħabba ż-żjieda fl-attakki fuq l-Ukrajna, attakki li komplew jgħakksu lin-nies ċivili wkoll. Nesprimi s-solidarjetà tiegħi ma’ dawk li qed isofru u niżgura lill-poplu Ukren kollu li qed nitlob għalihom. Inġedded l-appell tiegħi biex jissiktu l-armi u titfittex soluzzjoni permezz tad-djalogu.
Il-waqfien mill-ġlied li tħabbar fil-Libanu jiftaħ xaqq ta’ tama; hu xrara li qed taħji lill-poplu Lebaniż u lil-Lvant kollu. Inħeġġeġ lil dawk kollha li qed jaħdmu għal soluzzjoni diplomatika biex jissuktaw bit-taħdidiet għall-paċi, ħalli l-waqfien mill-ġlied fil-Lvant Nofsani kollu jkun permanenti.
Kristu rebaħ il-mewt u b’din iċ-ċertezza, ilkoll kemm aħna, magħqudin miegħu u fiH bħala Ġisem wieħed, nimpenjaw ruħna llum u kuljum, minkejja l-ostakli u d-diffikultajiet, biex inxerrdu madwarna l-frott tal-Għid li hu mħabba, ġustizzja vera u paċi.
Jalla Omm Ġesù, Omm il-qlub tagħna, tibqa’ dejjem tgħinna nħossu l-preżenza ta’ Binha rxuxtat, ħaj u qawwi, qrib tagħna.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber