Il-Magħmudija ta’ Wistin, il-mewt ta’ Monika, u lura fl-Afrika

Id-Disa’ Ktieb tal-Istqarrijiet

Id-disa’ ktieb tal-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin huwa dwar wieħed mill-aktar taqsimiet profondi u emozzjonanti f’din l-opra klassika tal-letteratura nisranija. Wara li fil-ktieb ta’ qabel Wistin kiteb dwar il-konverżjoni tieghu, hawn huwa jiddeskrivi l-perjodu ta’ wara din il-bidla, fejn jibda jgħix b’mod konkret il-fidi li kien għadu kemm skopra. Huwa jagħtina rakkont dwar ħajja mimlija paċi, riflessjoni u gratitudni lejn Alla, iżda wkoll mumenti ta’ telfa u nostalġija, speċjalment marbuta ma’ ommu, Monika.

Iftaħ minn hawn id-Disa Ktieb tal-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin (pdf)

Wieħed mill-punti ċentrali tad- Disa’ Ktieb huwa dwar l-irtirar ta’ Wistin mill-ħajja pubblika u professjonali tiegħu bħala għalliem tar-retorika. Wara li kkonverta, huwa ħass li kellu jabbanduna l-karriera tiegħu biex jiddedika ruħu kollha għal ħajja aktar spiritwali. Dan juri bidla radikali fil-prijoritajiet tiegħu: mill-ambizzjoni ta’ suċċess mondan għal tfittxija aktar profonda tal-verità u tal-paċi interjuri.

Hawn, Wistin jgħaddi żmien fil-kampanja, fejn flimkien ma’ ħbieb u familjari tiegħu, fosthom Nebridju, deskritt minnu bħala ħabib ħelu li kkonverta għall-Kattoliċiżmu, għex ħajja kasta fl-Afrika, u miet ftit wara l-konverżjoni tiegħu.

Verekundu, ħabib ieħor li kien sid tal-proprjetà fil-kampanja f’Cassiciacum, fejn Wistin u sħabu kienu jirtiraw biex jistudjaw u jitolbu. Huwa għen l-irtir spiritwali tagħhom iżda, f’dak iż-żmien ma setax jingħaqad bis-sħiħ mal-ħajja ċelibi tagħhom għax kien miżżewweġ.

Magħhom kien hemm Alipju, ħabib tal-qalb li tgħammed flimkien ma’ Wistin u ma’ ibnu, Adeodatus. Kif ukoll Evodju, li, wara li kkonverta, huwa telaq mill-karriera sekulari tiegħu biex jingħaqad mal-komunità ta’ Wistin.

Flimkien magħhom, Wistin jidħol f’ħajja ta’ meditazzjoni, ta’ studju u ta’ talb. Din il-komunità żgħira ssir għalih spazju fejn jitħejja għall-magħmudija tiegħu, li finalment jirċievi f’Milan. Il-magħmudija kienet mument qawwi ta’ bidu ġdid, simbolu ta’ purifikazzjoni u ta’ għaqda ma’ Alla.

F’Ostia Tiberina, Wistin u ommu Monika kellhom esperjenza ta’ kontemplazzjoni spiritwali tremenda, deskritta minnu stess f’dan il-kliem:

“Jien u ommi konna weħidna, b’minkbejna mistreħin fuq ħogor it-tieqa li tagħti għall-ġnien tad-dar fejn konna, hemm, qrib Ostia Tiberina, ‘il bogħod mill-ħamba tan-nies; konna qegħdin nistrieħu mit-tbatija ta’ vjaġġ twil qabel ma naqsmu bil-baħar. Tkellimna bejnietna t-tnejn bi ħlewwa liema bħalha, insejna l-imgħoddi u frixna ħsibijietna fuq dak li kellu jgħaddi minn għalina. Żammejna quddiemna l-verità, li hi int, u bdejna nistaqsu ‘l xulxin xi tkun il-ħajja ta’ dejjem tal­-qaddisin li għad trid tiġi, dik il-ħajja li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet u li qatt ma tnisslet f’qalb il­ bniedem. Ressaqna fomm qalbna għatxana lejn ix-xmara tas-sema ħierġa mill-għajn tiegħek, il-għajn tal-ħajja li tinsab għandek, biex nissaqqu bl-ilma tagħha kemm nistgħu u nifhmu b’xi mod ħaġa hekk tal-għaġeb.

“ld-diskors tagħna waqa’ fuq il-hena tas-sensi tal-ġisem, u rajna li dan il-hena, kbir kemm hu kbir u mogħni bl­-aqwa dawl tal-art, ma jista’ qatt jixxiebaħ mal-ferħ ta’ dik il-ħajja, mhux biss, iżda anqas jistħoqqlu jissemma. Il-ħeġġa ta’ mħabbitna refgħetna ‘l fuq lejn dak li hu fih innifsu, u minn quddiem moħħna għaddew waħda wara l-oħra l-ħwejjeġ kollha maħluqa u sal-istess sema, minn fejn ix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb isawbu dawlhom fuq l-art. Waqt li qgħadna naħsbu u nitħaddtu u nistagħġbu fuq l-egħmeijel tiegħek aħna tlajna aktar ‘il fuq fina nfusna sa ma ġejna quddiem l-erwieħ tagħna; minn hemm bqajna għaddejjin u wasalna f’art il-ġid li ma jintemmx, fejn inti titma’ għal dejjem lil Iżrael bl-ikel tal-verità.”

Mhux ta’ b’xejn li din l-esperjenza spiritwali tagħhom bqajna nirreferu għaliha bħala l-Estasi ta’ Ostia.

Minn din l-intimità spiritwali kbira ta’ bejniethom, faċilment naslu biex nimmaġinaw n-niket kbir li ġarrab Wistin u t-toqol li għadda minnu meta ftit taż-żmien wara, Monika mietet. Kien hu stess li għalaqilha għajnejha. Huwa jiddeskrivi dan in-niket tiegħu b’mod sinċier u uman, iżda wkoll minn perspettiva ta’ fidi. Huwa jitlob għal ruħha u jirrifletti fuq kif il-fidi tgħin biex wieħed jifhem u jaċċetta telfa daqstant kbira.

Dan huwa għalih mument ta’ tranżizzjoni mill-ħajja l-antika għal dik il-ġdida, mit-triq tat-tfittxija għal waqt tal-iskoperta, minn rabtiet ma’ din id-dinja għat-tama eterna. Huwa jkompli juri kif il-konverżjoni mhijiex biss mument wieħed, iżda proċess kontinwu ta’ bidla u ta’ maturità spiritwali.

Nistgħu ngħidu li dan il-ktieb joffrilna messaġġ qawwi ta’ tama, ta’ fidi u ta’ mħabba, u jibqa’ relevanti għal kull min qed ifittex sens aktar profond fil-ħajja tiegħu, l-aktar f’mumenti diffiċli tal-ħajja li lkoll ngħaddu minnhom.

Aktar dwar Santu Wistin …

Aktar dwar l-Isqarrijiet ta’ Santu Wistin …

Email: … tsrp@agostinjani.org

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading