Ma nistax ngħid li nħobb lil Alla u nkun razzist. Omelija mill-Isqof Joe Galea Curmi

It-Tnejn, 4 ta’ Mejju 2026: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fit-Tnejn tal-ħames ġimgħa tal-Għid. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Dak hu li jħobbni” (Ġw 14:21). Hawnhekk, fl-Evanġelju skont San Ġwann, Ġesù llum jitkellem kontinwament fuq min iħobbu verament. U jgħid: “Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni”. U iktar ’il quddiem jgħid: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti” (Ġw 14:23).

X’naraw f’dan il-kliem ta’ Ġesù lid-dixxipli tiegħu? L-ewwel nett, l-enfasi kbira fuq l-imħabba. Ġesù qed jgħid li fir-relazzjoni tagħna miegħu, hi l-imħabba li għandha tmexxina, għax aħna rċevejna mingħandu l-imħabba. U għalhekk, anke meta nitkellmu fuq x’għandna nagħmlu, bħalma jgħid Ġesù hawn, mhux il-biża’ li għandu jmexxina imma l-imħabba. Dan hu punt importanti ħafna għall-ħajja tagħna, għax jista’ jiġrilna li kultant nisimgħu min ibeżża’, min jaħseb li jekk ibeżża’ lin-nies, se jressaqhom lejn Alla. Imma hawn Ġesù qed jgħid il-kontra: hi l-imħabba li għandha tmexxina u tressaqna lejn Alla. U hi l-imħabba wkoll li għandha tmexxina biex inħarsu l-kmandamenti ta’ Alla u l-kelma li jgħidilna Ġesù.

Hawnhekk Ġesù jgħaqqad flimkien l-imħabba u l-ubbidjenza lejn il-kmandamenti. Mhumiex kontra xulxin dawn, anzi hu jgħid: turi kemm verament tħobbni meta tħares il-kelma tiegħi. Għalhekk l-imħabba mhijiex sempliċiment sentiment li tħoss, u daqshekk, jew inkella kelma li tgħid u daqshekk. Imma l-imħabba turi ruħha proprju fil-ħarsien tal-kmandamenti ta’ Alla, u f’li aħna nimxu skont il-kelma li jgħidilna Ġesù. Fil-fatt kien Ġesù stess li għaqqad il-kmandamenti kollha fl-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn il-proxxmu. Għalhekk tajjeb niftakru li hi din l-imħabba li għandha tmexxina u li turi ruħha, imbagħad, fl-affarijiet ta’ kuljum, fl-għażliet li nagħmlu kuljum. Meta Ġesù jgħid: “Min iżomm il-kmandamenti tiegħu u jħarsihom, dak hu li jħobbni”, x’ifisser dan b’mod konkret? Ħa nsemmi xi eżempji

Ġesù jgħallimna kif kull bniedem, hu min hu, għandu u għandha d-dinjità tiegħu jew tagħha. Għalhekk, jien ma nistax ngħid li nħobb lil Alla u nkun razzist – jiġifieri li nħares lejn ħaddieħor u nara biss il-kulur tal-ġilda, jew inkella n-nazzjon minn fejn ġej jew fejn ġejja, jew ir-reliġjon, u neskludi lin-nies minħabba f’hekk. Ġesù jgħallimna li kull persuna għandha d-dinjità tagħha, u aħna għandna ngħożżu u nħobbu kull persuna, hi min hi. Għalhekk, jekk veru nħobbu lil Ġesù, inħarsu l-kelma tiegħu, u nistmaw u nuru rispett lejn kull bniedem.

Ġesù jgħallimna wkoll li għandna naħfru lill-oħrajn. Għalhekk, jekk veru nħobbu lil Ġesù, għandna nimxu skont il-kelma tiegħu u nħarsu dil-kelma li naħfru lill-oħrajn; li f’qalbna ma jkollniex il-mibegħda, l-ispirtu ta’ vendikazzjoni. Anke meta nirċievu azzjoni ħażina, li jkollna f’qalbna tassew li naħfru bħalma wriena hu u bħalma għallimna hu.  Ġesù jurina wkoll kif għandna nirrispettaw il-ħajja umana f’kull waqt tagħha – mill-ewwel mument tat-tnissil, sat-tmiem naturali. Għalhekk, jekk veru aħna nħobbu lil Ġesù, inħarsu dil-kelma tiegħu li nuru rispett lejn il-ħajja umana u nipproteġuha. Ġesù jgħallimna wkoll kif għandna nkunu onesti fil-mod kif nittrattaw lil xulxin. Għalhekk, jekk aħna rridu tassew inħobbu lil Ġesù, inħarsu l-kmandament tiegħu li nittrattaw lil xulxin b’onestà, li nimxu b’integrità fir-relazzjonijiet tagħna u fl-għażliet tagħna. Ġesù jurina wkoll kemm hu importanti li bil-kelma tagħna aħna nnisslu l-paċi, l-għaqda, u l-kliem tagħna ma jkunx kliem li jweġġa’, li jinsulenta lill-oħrajn. Jekk veru nħobbu lil Ġesù, hekk għandna nimxu, inħarsu din il-kelma tiegħu. Ara kemm dawn huma affarijiet konkreti, tal-ħajja ta’ kuljum.

B’dal-mod li nuru li tassew inħobbu lil Ġesù. Hu jgħid imbagħad xi ħaġa verament kbira, meta jgħid: min iħares il-kelma tiegħi u jħobbni verament “aħna niġu u ngħammru għandu” (Ġw 14:23). Jiġifieri li jkollna f’ħajjitna verament il-preżenza ta’ Alla fina, jekk aħna qed nagħmlu ħilitna biex ngħixu dil-kelma tiegħu. Kemm hi sabiħa, għax hi din il-preżenza li ġġib f’ħajjitna ħafna paċi, li tgħinna biex aħna nimxu ’l quddiem fil-ħajja tagħna, fit-triq it-tajba. Nafu li għandna bżonn ħafna l-għajnuna ta’ Alla għal dan kollu, biex inħarsu dil-kelma tiegħu. Fil-fatt hu jgħid li jibgħat l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur, biex jagħtina dil-qawwa u jfakkarna kontinwament fil-kelma tiegħu (ara Ġw 14:26).

Nitolbu lill-Mulej biex aħna nagħmlu ħilitna, bil-limitazzjoni tagħna, kultant bid-difetti kollha tagħna, ħalli l-Ispirtu ta’ Alla jġib fina din it-trasformazzjoni, din il-bidla. Irridu niftakru li l-imħabba lejn Ġesù mhijiex imħabba sempliċiment ta’ ammirazzjoni, imma hija mħabba li ġġib fina trasformazzjoni, bidla, ħalli ngħixu tassew kif irid hu.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading