Minn D. Edward Vella
Ħafna mill-familji tagħna għaddew mill-esperjenza tal-emigrazzjoni. Illum, meta wieħed jemigra ma jfissirx li mhux ser jara aktar lill-għeżież tiegħu, kif kultant kien jiġri ilu. L-emigrazzjoni ilu kienet iġġorr magħha ħafna aktar tbatija mil-lum. Qabel ma wieħed jitlaq tiġi spontanja li jkun jixtieq jgħid xi ħaġa speċjali lill-familjari tiegħu li jibqgħu jiftakruha. Ġesù qabel it-tlugħ tiegħu fis-sema u għax jaf li mhux ser ikun preżenti mal-appostli tiegħu aktar b’istess mod li kien sa dak il-mument, il-kliem li hu jgħidilhom huma speċjali ħafna.
Il-qari tal-lum l-ewwel net jurina li l-qawmien ta’ Ġesù hija bħal fus ta’ rota fejn tidħol l-esperjenza tal-fidi tagħna; hija l-grajja prinċipali li fuqha tinbena l-fidi tagħna kollha kemm hi u li minnha jitlaq kollox. ‘Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj’; l-aħbar it-tajba li rċevejna aħna titlaq mill-esperjenza tal-Appostli li ltaqgħu miegħU wara li miet u reġa qam. Għad li dam jidrilhom għal 40 jum, xorta waħda ‘xi wħud iddubitaw’ x’ħin rawh mill-ġdid fil-Galilija. Dan jurina kemm l-Appostli kienu umani bħalna u bħalna ma jsibuhiex faċli li jemmnu li Ġesù verament qam; iżda fuq kollox huma jirċievu l-martirju għal din il-verità, u allura żgur li kienu rebħu kull dubju li kellhom.
Ġesù bħala għajnuna għall-missjoni tant diffiċli li kellhom iwettqu, jwegħdhom l-Ispirtu s-Santu biex ikun magħhom: ‘meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm,… u sa truf l-art.’ Xhud huwa dak li kien preżenti u ra b’għajnejh xi ġrajja u li allura jkun jista’ jaħlef li dik il-ħaġa seħħet tabilħaqq. Hekk huma l-Appostli, huma kienu msejħa minn Ġesù, marru warajh, għexu miegħu, rawh ibati u jmut mewt l-aktar ħarxa fuq is-salib, iżda mbagħad reġgħu rawh aktar minn darba wara l-qawmien tiegħu. Hekk huma għandhom post uniku fil-mixja tal-fidi tagħna.
Qabel jitla’ s-sema Ġesù jagħti ordnijiet importanti ħafna lill-Appostli tiegħu: ‘Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.’ Ġesù qed jibgħathom b’missjoni speċifika li jgħammdu u jgħallmu l-Evanġelju mxandar minnu. Hekk kull bniedem għandu din l-opportunità li jitnissel mill-ġdid bħala iben ta’ Alla f’Ġesù, l-Iben uniku tal-Missier, u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Aħna kollha ġejna mgħammdin, iżda xi jfisser tkun mgħammed għalija? Kemm nemmen li dan il-kmand ta’ Ġesù li nisma’ il-Kelma tiegħu mxandra mill-Knisja u ngħixha huwa tabilħaqq l-aktar ħaġa importanti f’ħajti? Infatti l-bqija kollox jgħaddi u rrid inħallih warajja xi darba jew oħra, huwa dak li jixtieq jagħtini Ġesù biss li jibqa’ miegħi għal dejjem.
Mulej Ġesù, int llum rritornajt għal għand il-Missier biex turina fejn hu d-destin waħdieni tagħna u biex tħejjilna post għax tridna nkunu miegħek għal dejjem; għinna ħalli nirbħu t-tentazzjoni li naljenaw ruħna bid-dinja ta’ madwarna, u biex inżommu dejjem ħarsitna fik, int li int l-Mulej u s-Salvatur waħdieni tagħna. Ammen.