Mill-istorja tal-Knisja Nisranija. Kitba ta’ Joe Galea
Il-Monakiżmu jinfirex
Id-deżert tal-Eġittu ma kienx l-uniku post fejn l-Insara fittxew ħajja axxetika. Matul ir-raba’ u l-ħames seklu fis-Sirja, kienu bosta l-eremiti li ħallew id-dinja għas-sejħa tad-deżert. Is-Sirjani kienu jipprattikaw ħajja axxetika, xi drabi eċċentrika ukoll.
Hekk per eżempju għandna lil Xmun Stillita li ta bidu għal tradizzjoni ta’ eremiti li jgħixu fuq kolonni għal bosta snin.(‘Stilita’ ġejja mill-kelma Griega ‘stylites’, li tfisser kolonna.) Kienu dawn l-irħieb illi xerrdu l-Kristjaniżmu fil-Lvant u li ħallew traċċi li għadhom jidhru sal-lum fit-twemmin sew tal-Insara kif ukoll tal-Misilmin. Fir-raba’ seklu dehret ukoll fil-Lvant ir-regola ta’ San Bażilju l-Kbir, regola li fuqha tista’ tgħid jimxu l-komunitajiet monastiċi kollha tal-Lvant.
Fil-punent il-ħajja u l-eżempju tal-missirijiet tad-deżert ħallew impressjoni tajba fuq Santu Wistin tant li kienu dawn il-ġrajjiet li wassluh biex jikteb ir-regola msemmija għalih. Fil-ħames seklu insibu li saħansitra fil-Gallja (Franza) kien hemm numru ta’ eremiti jgħixu dan l-istil ta’ ħajja. Kien f’dan iż-żmien li Ġwanni Kassjanu waqqaf f’Ruma il-Vivarium speċi ta’ monasteru jixbaħ lil dawk li ħalla warajh Pakomju. Iżda tajjeb li nifmhu li l-veru fundatur tal-monakiżmu fil-punent kien San Benedittu fis-sitt seklu. Iżda dwar għaliex dan waqqaf xi ħaġa differenti mill-oħrajn irridu narawh fi studju separat aktar il-quddiem.
Xi difetti
Minkejja l-kontribut sabiħ li taw dawn in-nies tajjeb li nsemmu xi difetti li forsi llum ftit li xejn jissemmew imma li fi żmienhom kienu jispikkaw:
- Imġieba stramba u li xi drabi kienet turi sentimenti neqsin mill-karità lejn l-oħrajn. X’uħud mill-irħieb kienu donnhom jobogħdu l-bnedmin l-oħra u ossessjonati biex jaħarbu mill-kumpanija tal-bnedmin ħuthom anke meta dawn kienu jkunu fil-bżonn.
- Nuqqas ta’ tagħlim u formazzjoni li xi drabi wassal biex dawn il-komunitajiet ħaddnu tagħlim eretikali bħal dak ta’ Nestorju u Ewtike. (Nestorju kien partrijarka ta’ Kostantinopli li ħaddan duttrina li Ġesu’ kellu 2 persuni, waħda divina u oħra umana. Ċaħad ukoll li Marija hi Omm Alla. Ewtike għallem li Kristu kien Alla biss. L-ereżija tiegħu insibuha bħala monofisiżmu.)
Xi drabi it-twemmin eretikali nfirex permezz ta’ dawn in-nies u saħansitra xi idejat minn dawn daħlu fit-twemmin Iżlamiku tal-bidu hekk kif Mawmettu u d-dixxipli tiegħu ġew f’kuntatt ma x’uħud minn dawn l-irħieb.
- Fanatiżmu reliġjuż li jsarraf fi vjolenza. Dan il-fenomenu jidher l-aktar fil-bidu tal-ħames seklu fl-Eġittu fejn sew jekk iddefendew it-twemmin Kattoliku kontra t-tagħlim ta’ Nestorju, ħaduha kontra l-pagani u aktar tard taw appoġġ lil Monofisiżmu ta’ Ewtike, l-irħieb użaw metodi li llum insejħulhom terroristiċi, bi vjolenza, ħsara fuq proprjeta’ u saħansitra qtil.
Tajjeb li nifhmu li dawn id-difetti m’għandhomx itappnu l-idejal tal-Anakoreti, jiġifieri dik li jfittxu dak li hu essenzjali fil-ħajja spiritwali. Għal kuntrarju każijiet bħal dawn juruna kemm in-natura umana hija dgħajfa u li xi drabi tista’ tiddevja u toħroġ mit-triq li l-ogħla idejali jkunu qabdu. Iżda minkejja kollox l-eżempji ta’ dawn il-missirijiet (u ommijiet) tad-deżert għadhom ikellmu u jistiednu il-bniedem tal-lum biex jimxi it-triq tal-ispirtu u l-ħelsien veru.
