Kitba ta’ Joe Galea
Kmieni dan ix-xahar ġibna għadd ta’ statwi żgħar ta’ Ġesù, mgħmulin mill-lastku, id-daqs ta’ 3 ċemtimetri, biex inqassmuhom lit-tfal li jkunu għall-Quddiesa tal-Ħadd. Fit-tielet ġimgħa ta’ Mejju dawn l-istatwi kienu parti minn storja ħelwa.
Wieħed tekniku tal-elettriku għandu minn dawn l-istatwetti u bihom qed jagħmel ġest żgħir li fi ftit jiem qanqal l-interess ta’ eluf ta’ nies fuq is-midja soċjali. Meta dan il-ħaddiem ikun jaħdem fil-għoli, qed iħallii warajh statwetti minn dawn għal sħabu l-ħaddiema biex isibuhom waqt li jkunu hemm fuq. Qiegħed fuq il-midja soċjali filmat tax-xogħol normali tiegħu qalb il-‘wires’ tal-elettriku. Jidher qed iwaħħal bil-kolla x-xbihat żgħar ta’ Ġesù filwaqt li qed jiġi ffilmjat minn wieħed minn sħabu l-ħaddiema.
Jigħid: “Inħalli lil Ġesù biex isibu ‘lineman’ ieħor. Amen.” (Lineman hu ħaddiem li jispeċjalizza biex jinstalla, isewwi u jżomm f‘kundizzjoni tajba l-linji tas-sistemi ta’ trasmissjoni tal-enerġija.)Għalkemm dan ix-xogħol spiss jitlob saħħa fiżika u ħafna risku, l-aktar meta l-ħaddiema jitilgħu ħafna fil-għoli, jgħaddu minn kundizzjonijiet estremi ta’ temp u jaħdmu qrib ‘cables’ ta’ vultaġġ għoli, dan it-tekniku ma tilifx l-okkażjoni biex jevanġelizza.
Jidher li l-ġest sempliċi tiegħu miss il-qlub ta’ eluf li jkunu ‘online’. Il-filmat diġà qabeż in-nofs miljun u rebaħ aktar min 85,000 ‘like’, kif ukoll mijiet ta’ kummenti minn dawk li apprezzaw dan il-mod ta’ kif wieħed jixxerja b’mod sempliċi imma li jfisser ħafna l-fidi f’nofs ix-xogħol ta’ kuljum. Għalhekk kiteb: “Stħajjel li inti l-‘lineman’ ta’ warajja, li kellek ġurnata kerha u ltqajt ma din l-istatwetta ta’ Ġesu. Amen.”
Fost il-kummenti kien hemm dawn: “Jiena wkoll nagħmel dan. Għalkemm fil-livell tal-art, qed inħabbat fil-bieb tal-ġenna u nitkellem ma’ San Pietru.” “Nieħu gost nagħmel hekk. Dejjem inġorr miegħi xi statwetti minnhom kif nitlaq mid-dar biex inkun nista’ noħodhom kulfejn inkun.” “Togħġobni din. Ix-xogħol tiegħek hu perikouż. Grazzi għal dak kollu li qed tagħmel.”
Aħna kif nista’ nagħmlu xi ħaġa hekk? Forsi l-ġurnata tagħna ma tinvolvix li nixxabbtu ma’ arbli tal-elettriku jew naħdmu fil-għoli, imma xorta waħda nistgħu nsibu modi sempliċi biex nevanġelizzaw fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
- Nistgħu nħallu nota m’messaġġ ta’ inkuraġġiment jew xi vers tal-Bibbja f’naħat fejn jgħaddu n-nies.
- Inġorru xbiha żgħira reliġjuża, santa jew kuruna tar-Rużarju biex nagħtuhom lil xi ħadd li jixtieqhom.
- Noffru għajnuna lil min għaddej minn żmien ta’ diffikultà.
- Naqsmu mal-oħrajn kliem ta’ tama minlok tgergir jew kritika.
- Nitolbu fis-skiet għal sħabna tax-xogħol, il-familjari u l-ħbieb tagħna qabel ma nibdew il-ġurnata.
Xi drabi, l-inqas ġesti jistgħu jkunu sinjali qawwija ta’ tama għal dawk li l-aktar jeħtiġuhom.

