Il-Mirakli Ewkaristiċi (102)
minn Manwel Cutajar
Il-Mirakli Ewkaristiċi mill-Aspett Bibliku…fit-Testment il-Ġdid (6)
Wara li fl-artikli preċedenti tkellimna dwar ir-rwoli u s-sehem ta’ personaġġi Bibliċi fosthom il-Profeta Isaija, San Ġwann Battista, Santa Eliżabetta, u l-Verġini Marija u rajna kif il-missjoni tagħhom kienet kollha kemm hi indirizzata lejn il-Miġja ta’ Sidna Ġesu Kristu fid-dinja għall-Fidwa tal-umanità kollha, issa nitkellmu dwar l-għaqda tant qawwija tal-Verġni Marija mal-Ewkaristija Divina.
Nibda bil-kunċett teoloġiku u l-frażi Marjana li tesprimi veritajiet profondi u l-aktar qaddisa.
Il-frażi “Ad Jesum per Mariam” hija kunċett bil-Latin li jfisser:“Għand Ġesù permezz ta’ Marija”. Hu kunċett u prinċipju spiritwali u teoloġiku fundamentali fil-Knisja Kattolika tad-devozzjoni Marjana Kattolika, oriġinat minn San Lwiġi-Marija Grignion de Montfort (1673–1716) li kien saċerdot u predikatur Franċiż tas-seklu 18. Huwa jibqa’ magħruf l-aktar għall-ħidma missjunarja kbira tiegħu fost il-foqra, id-devozzjoni profonda tiegħu lejn il-Verġni Marija, u l-kitbiet spiritwali tiegħu fosthom it-“Trattat tad-Devozzjoni Vera lejn Marija”.
Sussegwentment, dal-kunċett influwenza profondament il-Kattoliċiżmu u ġie assoċjat mill-qrib minn Papiet u teoloġi. Hekk, pereżempju, il-frażi Totus Tuus (Jiena kollni tiegħek) hija espressjoni spiritwali u l-motto Araldiku Papali tal-Papa San Ġwanni Pawlu II li tinkludi direttament il-prinċipju teoloġiku ta’ Ad Iesum per Mariam. It-tnejn huma konnessi profondament mat-tagħlim ta’ de Montfort u l-prattika li wieħed jiddedika ruħu kompletament lil Ġesù permezz tal-Verġni Marija. Fil-fatt, dil-frażi toriġina minn talba tradizzjonali itwal miktuba minn de Montfort innifsu li tibda hekk:“Totus tuus ego sum,et omnia mea tua sunt.” li bil-Malti tfisser:“Jiena kollni tiegħek, u kulma għandi huwa tiegħek”
Dal-kunċett huwa strutturat f’kunċetti teoloġiċi oħra ewlenin:
L–Inkarnazzjoni: Il-Knisja Kattolika temmen u tgħallem li hekk kif Kristu daħal fid-dinja permezz ta’ Marija Santissima, hekk ukoll l-umanità trid terġa’ lura għand Ġesù permezz tal-interċessjoni u l-eżempju Matern ta’ Marija Santissima.
Interċessjoni Spiritwali: Ir-rwol ta’ Marija Santissima hu prinċipalment li tipponta lill-bnedmin lejn Binha Ġesù u tiggwidhom lejn it-tagħlim u s-Salvazzjoni Tiegħu. Hekk, fit-Tieġ ta’ Kana, l-istruzzjoni tagħha kienet: “Agħmlu dak kollu li jgħidilkom.” (Ġwanni 2:5), isservi bħala l-bażi biblika għal dan.
Konsagrazzjoni, Tama u Fidi Totali: Prattika spiritwali popolari—spiss imsejħa “Devozzjoni Vera lejn Marija”—hija dik ta’ meta persuna tafda l-ħajja spiritwali kollha tagħha, it-talb u l-ħtiġijiet kollha tagħha lil Ommna Marija, bit-Tama u l-Fidi sħiħa li hi tippreżentahom lil Binha Ġesù.
L-Enċiklika Ecclesia de Eucharistia
Il-Knisja Kattolika temmen u tgħallem li teżisti relazzjoni profonda u inseparabbli bejn l-Ewkaristija u l-Verġni Marija Santissima. Fid-dawl tal-Kotba Mqaddsa, b’mod speċjali l-Evanġeli, it-Tradizzjoni, u t-tagħlim tal-Papiet—fosthom l-Enċiklika Ecclesia de Eucharistia tal-Papa San Ġwanni Pawlu II — Marija Santissima hija meqjusa bħala l-“Mara tal-Ewkaristija” u mudell tal-Fidi Ewkaristika.
Il-Papa San Ġwanni Pawlu II jippreżenta lill-Verġni Marija bħala “Mara tal-Ewkaristija” għall-affiljazzjoni u l-għaqda devota tagħha tul ħajjitha kollha mal-offerta Sagrifiċjali ta’ Binha Ġesù.
Il-Knisja tgħallem li r-rabta ta’ Marija Santissima mal-Ewkaristija għandha l-għeruq tagħha f’diversi aspetti ewlenin fosthom:
- Omm il-Ġisem Ewkaristiku
L-aktar konnessjoni fundamentali hija li l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu, tassew preżenti realment fl-Ewkaristija Divina, ġew iffurmati fil-ġuf ta’ Marija Santissima.
“Carne Christi, Carne Mariae”: Il-Knisja tikkwota lil Sant’Ambroġju u Santu Wistin biex tgħallem li “l-Ġisem li nikkonsagraw huwa l-Ġisem imwieled mill-Verġni Marija”.
Sant’Ambroġju ta’ Milan (340 – 397 AD): Fil-kitbiet tiegħu dwar is-Sagramenti (De Sacramentis, (speċifikament fil-Kotba 4 u 5), jiddefendi b’mod qawwi r-realiżmu Ewkaristiku. Huwa jgħallem li l-istess bħalma l-Inkarnazzjoni kienet opra sopranaturali li saret fil-ġuf ta’ Marija barra mill-liġijiet tan-natura, hekk ukoll bil-Konsagrazzjoni Ewkaristika l-ħobż u l-inbid jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm reali ta’ Kristu mwieled mill-Verġni Marija.
Sant’Ambroġju kien jorbot b’mod dirett it-twelid ta’ Ġesù mill-Verġni Marija mal-Misteru tal-Konsagrazzjoni tal-Ewkaristija fil-Quddiesa. Skont Sant’Ambroġju, mhux biss il-Ġisem ta’ Kristu huwa ġenwinament dak imwieled minn Marija, iżda l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li ħadmet fil-Verġni Marija hija l-istess qawwa li taġixxi fuq l-altar waqt il-Konsagrazzjoni Ewkaristika fil-quddiesa.
Santu Wistin ta’ Ippona (354-430 AD): Il-frażi eżatta “Caro Christi,caro Mariae” hija spiss attribwita lilu. Huwa għallem b’mod ċar (partikolarment fl-ispjegazzjoni tiegħu fuq Salm 98,vers 9) li Ġesù ħa l-Ġisem Tiegħu mill-ġisem ta’ Marija “suscepit de terra terram, quia caro de terra est, et de carne Mariae carnem accepit” li bil-Malti tfisser “Huwa ħa l-art mill-art, għax il-ġisem huwa mill-art, u mill-ġisem ta’ Marija ħa l-Ġisem”.
L-Ewwel Tabernaklu: Fit-Tħabbira, Marija Santissima saret l-Ewwel Tabernaklu ħaj, li fih hemm il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità ta’ Ġesù.
Kontinwità tal-Inkarnazzjoni: L-Ewkaristija Divina titqies bħala kontinwazzjoni tal-Inkarnazzjoni, fejn l-istess Ġesù li twieled minn Marija jsir preżenti realment fuq l-artal.
- Ħajja “Ewkaristika”
F’ħajjitha kollha Marija għexet b’attitudni “Ewkaristika”—waħda ta’ Sagrifiċċju totali, Radd il-ħajr, u Fidi. Meta Marija kkonċepiet lil Ġesù fir-realtà fiżika tal-Ġisem u d-Demm Tiegħu, hija antiċipat fiha nfisha dak li Sagramentalment jiġri f’kull min jemmen li fit-Tqarbin jirċievi l-istess Ġisem u Demm taħt l-ispeċi tal-ħobż u l-inbid.
Il-Fiat u l-Amen: Il-Papa San Ġwanni Pawlu II enfasizza analoġija profonda bejn il-Fiat ta’ Marija (“ħa jsir minni “) fit-Tħabbira, u l–Amen li jgħid kull min jemmen meta jirċievi l-Ewkaristija Divina.
It-tnejn jirrappreżentaw sottomissjoni u ċediment sħiħa u totali għar-rieda ta’ Alla. ”Għalhekk, teżisti analoġija profonda bejn il-Fiat li qalet Marija bi tweġiba lill-anġlu, u l-Amen li kull min jemmen jgħid meta jirċievi t-Tqarbin. Hekk kif Marija intalbet temmen li Binha kien l-Iben ta’ Alla, hekk ukoll aħna mitluba nemmnu li l-istess Iben ta’ Alla jsir preżenti fl-umanità u d-divinità sħiħa tiegħu fl-Ewkaristija.” (Ecclesia de Eucharistia, par.55)
(Tifsira ta’ dil-Analoġija Ewlenija
Hawnhekk il-Papa San Ġwanni Pawlu Il jiddeskrivi b’mod teoloġiku u tant sabiħ l-paralleliżmu bejn Marija Santissima u l-Kattoliċi, Insara u kull min jemmen fl-Ewkaristija u jersaq biex jirċievi l-Ewkaristija:
- Il-“Fiat”: Fit-Tħabbira tal-Anġlu, Marija ntalbet temmen dak li jidher impossibbli: li hi, Verġni, kienet se tikkonċepixxi lill-Iben ta’ Alla permezz tal-Ispirtu s-Santu. Billi wieġbet, “Ħa jsir minni skont kelmtek” (Luqa 1:38), hija ddisponiet il-ġuf tagħha b’Fidi kbira f’Alla biex tħalli lil Ġesù Kristu jgħammar fiha fiżikament u jitwieled minnha.
- L-“Amen”: Meta aħna nirċievu l-Ewkaristija, aħna wkoll niġu mitluba minn Alla l-Imbierek biex nemmnu f’Misteru li jisboq il-fehim uman: li taħt l-ispeċi umli tal-ħobż u l-inbid, Ġesù Kristu—l-Iben ta’ Alla u l-Iben ta’ Marija—isir preżenti bis-sħiħ. Meta ngħidu “Amen,” aħna wkoll bħal Marija ikunu qed naffermaw, “Iva, nemmen li dan hu tassew Ġesù,” tagħna u nimpenjaw irwieħna biex inħallu lil Sidna Ġesù Kristu jiġi jgħammar fina.)
Offerta fuq is-Salib: Marija qagħdet f’riġlejn is-Salib, tingħaqad bid-dulur tagħha mas-Sagrifiċċju ta’ Binha. Peress li l-Ewkaristija hija l-“memorjal” ta’ das-Sagrifiċċju, Marija Santissima hija magħquda ma’ kull ċelebrazzjoni tal-Quddiesa.
- Mudell għall-Adorazzjoni Ewkaristika
Marija Santissima għandha tkun għalina l-Insara l-mudell perfett ta’ kif aħna għandna nersqu lejn Ġesù fl-Ewkaristija u nadurawH.
Adorazzjoni fil-Ġisem: Hekk kif żammet, rabbiet, u ħabbet lit-tarbija Ġesù, hija adoratu. Il-Knisja tgħallem li dil-istess imħabba Materna għandha tiggwidana fl-Adorazzjoni Ewkaristika tagħna.
Gwida għall-Ewkaristija: Il-Papa San Ġwanni Pawlu II stqarr li Marija Santissima tista’ tiggwida lill-fidili kollha Kattoliiċi u Insara lejn l-Ewkaristija għax għandha relazzjoni profonda ma’ das-Sagrament ta’ Imħabba.
- Hija tgħallem lill-Knisja biex tilqa’ lil Kristu bl-Imħabba u l-umiltà.
- “Il-Madonna tas-Sagrament Imqaddes”
Filwaqt li l-Ewkaristija hija għall-Adorazzjoni ta’ Kristu biss, il-Knisja Kattolika tradizzjonalment rabtet id-devozzjoni lejn Marija mal-Adorazzjoni tal-Ewkaristija Divina.
Komunjoni Spiritwali: Marija hija meqjusa bħala gwida fl-esperjenza tal-komunjoni spiritwali, li tgħin lill-fidili “jilqgħu għal darb’oħra f’qalbhom dik il-Qalb li kienet tħabbat flimkien ma’ tagħha”
Il-Magnificat: Il-Magnificat li lissnet Marija Santissima, hu Innu li jirrifleti Tifhir, Radd il-ħajr u Fiduċja f’Alla.
Mudell tal-Fidi Ewkaristika: Il-ħajja ta’ tifħir ta’ Marija Santissima u l-qagħda tagħha li tkabbar lill-Mulej—maqbuda fil-kantiku tant qaddis Magnificat — isservu bħala mudell għad-dispożizzjoni spiritwali li aħna għandna jkolllna meta nersqu biex nirċievu ġewwa fina l-Ewkaristija Divina.
Il-Magnificat, jew il-Kantiku ta’ Marija, huwa innu sabiħ ta’ tifħir imlissna mill-Verġni Marija Mqaddsamniżżla fl- Evanġelju ta’ Luqa (1:46–55).
Marija tlissen dit-talba ferrieħa u tant qaddisa waqt iż-Żjara tagħha lill-kuġina tagħha, Eliżabetta, li kienet tqila bit-tarbija Ġwanni Battista.
Dettalji Ewlenin u Tifsira
It-titlu ġej mill-kelma tal-ftuħ tat-traduzzjoni tal-Vulgata Latina: “Magnificat anima mea, Dominum”(“Ruħi tfaħħar lill-Mulej”).
Hija riflessjoni u espressjoni qawwija dwar il-Imħabba u Ħniena ta’ Alla, lill-umanità kollha fl-imgħoddi, fil-preżent u fil-ġejjieni bit-Twelid tal-Messija Sidna Ġesù Kristu, L-Iben ta’ Alla, imwieled mill-Verġni Marija Santissima .
Huwa wieħed mill-eqdem innijiet Kristjani li jintalab jew jitkanta spiss fil-Knisja Kattolika, u fi knejjes ta’ Denominazzjonijiet Kristjani oħra..