Messaġġ tal-Papa Ljun XIV waqt l-Angelus tat-12-il Ħadd matul is-Sena

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 21 ta’ Ġunju, 2026

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (Mt 10,26-33) hu u jibgħat lid-dixxpli għall-missjoni, fost kollox jagħmlilhom din l-eżortazzjoni: “Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut” (v.27).

Jiġbed parallel bejn dak li nisimgħu “b’widnejna”, jiġifieri fis-sigriet ta’ qalbna, ma’ dak li aħna msejħin biex inxandru lil kulħadd, waqt li jfakkarna li t-tħabbir tal-Evanġelju, qabel kollox, hu li naqsmu l-laqgħa personali miegħu, unika għal kull wieħed u waħda minna, mal-oħrajn.

Infatti, il-qawwa tal-appostolat, lil hinn mit-teknika u l-istrumenti, tieqaf fuq l-opra tal-Ispirtu s-Santu li hemm fina u fuq l-awtentiċità tat-tweġiba tagħna.  San Tumas ta’ Akwinu kien iqis li l-predikazzjoni hi li nittrażmettu lill-oħrajn dak li nkunu kkuntemplajna aħna: “contemplata aliis tradere” (cfr Summa Theologiae, III, q. 40, a. I, ad 2)

U m’għandniex nasħbu li “l-kuntemplazzjoni” hi esperjenza esklussiva ta’ xi qaddisin jew tal-monaċi u tal-eremiti.  Ilkoll nistgħu nagħmlu dan billi, fost l-impenji tal-ħajja ta’ kuljum, nagħmlu sforz biex ikollna mumenti ta’ kwiet li fihom nistgħu noqogħdu fis-skiet quddiem Alla, nisimgħu leħnu, nafdawlu l-ferħ u l-inkwiet tagħna, nirrevedu ħajjitna miegħu.  Dan jagħmilna dejjem aktar nies ta’fidi soda u konxja, u bħala konsegwenza appostli kredibbli u ħielsa, irġiel u nisa kapaċi jirriflettu dwar id-dawl tal-Evanġelju f’kull ambjent u f’kull sitwazzjoni tal-ħajja, u nkunu xhieda tiegħu anke fejn il-valur tiegħu mhux mifhum jew aċċettat.

San Mattew- l-awtur tas-silta Biblika li qed nirreferu għaliha – kien qed jikteb għall-komuntiajiet li ma kellhomx ħajja faċli. Kienu qed iħabbtu wiċċhom ma’ ostilità u persekuzzjonijiet (kif għadu jiġri llum ukoll lil bosta nsara f’diversi nħawi tad-dinja), u kienet kbira t-tentazzjoni li jaqtgħu qalbhom u jinħakmu mill-għejja u l-biża’.  Illum, bħal dak iż-żmien, hija sfida li bniedem jibqa’ fidil għat-tagħlim ta’ Ġesù u tħabbir il-Kelma tiegħu: iwieġeb għall-mibegħda bl-imħabba, għall-arroganza bl-umiltà, għall-qtigħ il-qalb bil-perseveranza.  Għalhekk hu neċessarju li nħawlu l-għeruq tal-fidi tagħna u tal-missjoni tagħna f’relazzjoni sfiqa miegħU (cfr Franġisku, Eż. App. Evangelii gaudium, 8).  Dan itina l-qawwa biex ma nċedux u biex inkomplu nittrżamettu lil kulħadd, f’kull ċirkostanza, il-messaġġ tiegħu ta’ tama, ta’ mħabba u ta’ paċi.  Id-dinja tant għandha bżonnu dan!

Jalla l-Verġni Marija tgħin lil kulħadd ikun dixxiplu missjunarju tal-Mulej Ġesù, kulħadd skont il-vokazzjoni tiegħu/tagħha.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ kien iċċelebrat il-Jum Dinji tar-Rifuġjati, imniedi mill-Ġnus Magħquda, fl-okkażjoni tal-75 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tar-rifuġjati, li għandu l-għan li jipproteġi lil min hu persegwitat jew imġiegħel iħalli art twelidu, daru u l-familja.  Nawgura li l-ispirtu li qanqal it-tiswir ta’ dan l-istrument internazzjonali tant importanti, ikompli llum idwwal il-kuxjenzi ta’ min hu responsabbli fost in-nazzjonijiet.  Ħadd ma jista’ jdawwar wiċċu n-naħa l-oħra quddiem min qed ifittex protezzjoni u sigurtà.  Inħeġġeġ ukoll lil kulħadd biex jilqa’ lil min hu vittma tal-persekuzzjonijiet sabiex dan ikun jista’ jgħix fil-paċi, bid-dinjità u jħares lejn il-futur bit-tama.

Nixtieq nagħti merħba lill-membri tal-Catholic Pentecostal International Dialogue.  “Il-Knisja temmen hi u titlob”, aħna u nirrflettu flimkien il-prinċipju “lex orandi, lex credendi” li llum il-ġurnata hu tant rilevanti.

Insellem b’għożża lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini ġejjin minn diversi pajjiżi.  Waqt li nindirizza l-pellegrini li ġew mill-Brażil, niżgurahom mit-talb tiegħi għaż-żgħażagħ li mietu xi jiem ilu f’inċident tat-traffiku fl-Istat ta’ Ceará.

Insellem lill-adoloxxenti li għamlu l-Griżma minn żewġ parroċċi f’Ozieri, fis-Sardinja.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading