Monsinjur Karm Borg
Fid-diskors tiegħu lill-Kulleġġ tal-Kardinali ta’ nhar is-Sibt l-10 ta’ Mejju 2025, fost affarijiet oħra, il-Papa Ljun XIV fisser għaliex huwa għażel l-isem ta’ “Ljun”; waqt li rrefera għall-isfidi li qed tiġġenera l-Intelliġenza Artifiċjali, hu qal hekk: “llum, il-Knisja toffri t-teżor tat-tagħlim soċjali tagħha lil kulħadd bħala risposta għal rivoluzzjoni industrijali oħra u għal żviluppi fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali li qed toħloq sfidi ġodda għad-difiża tad-dinjità umana, il-ġustizzja, u x-xogħol”. Din id-dikjarazzjoni, proprju fil-bidu nett tal-pontifikat tiegħu, hija tassew importanti għaliex tindika li ‘d-dinjità umana’ hija suġġett ta’ interess għall-pontifikat tiegħu hekk kif id-dinjità tal-ħaddiema, kienet tema ċentrali fit-tagħlim tal-Papa Ljun XIII.

Mhux għaġeb mela, li fost temi oħrajn li jitkellem dwarhom fl-ewwel eniċiklika tiegħu, Magnifica Humanitas (Umanità tal-Għaġeb), il-Papa Ljun XIV jittratta b’mod partikulari d-dinjità tal-bniedem.
Hawn, f’din il-kitba, jien għażilt li nagħmel riflessjoni żgħira dwar dan is-suġġett, ispirat minn dan id-dokument u b’referenza għat-tagħlim tal-Papa f’din l-enċiklika.
Dinjità li tah Alla
Fl-enċiklika tiegħu Magnifica Humanitas, il-Papa Ljun XIV jirrifletti fuq id-dinjità tal-persuna umana f’era dejjem iktar influwenzata mill-Intelliġenza Artifiċjali u minn żvilupp teknoloġiku mgħaġġel. Il-messaġġ ċentrali ta’ dan id-dokument hu: li kull bniedem għandu fiħ innifsu dinjità invjolabbli li tiġi minn Alla, dinjità li qatt ma għandha tkun ridotta għall-utilità, il-produttività, jew l-effiċjenza teknoloġika. L-enċiklika tistieden lil kulħadd biex jagħraf il-kobor tal-umanità, u fl-istess waqt tiżgura li l-progress teknoloġiku jservi dejjem lill-persuna umana; pjuttost milli jiddomina jew jieħu post il-valuri umani.
L-enċiklika tiftaħ b’affermazzjoni tal-valur uman. Proprju fil-bidu tagħha, il-Papa Ljun XIV jiddikjara li kull ġenerazzjoni għandha r-responsabbiltà li tgħin l-istorja timmatura f’post “fejn id-dinjità ta’ kull persuna tkun imħarsa, il-ġustizzja mseddqa, fejn il-fraternità tkun possibbli”(M.H. parag. Nru 1).
Valur ugwali
Skont il-Papa Ljun XIV, id-dinjità umana għandha għeruqha mniżżla fit-twemmin li kull persuna hi maħluqa fuq ix-xbieha t’Alla. “Hi dinjità li għandu kull bniedem sempliċement għax hu jeżisti, għax hu mixtieq, maħluq u maħbub minn Alla: l-ebda dnub, l-ebda falliment, l-ebda umiljazzjoni, l-ebda esklużjoni ma’ tista’ tnaqqas mill-valur profond ta’ ħajja umana li hu ried u sejjaħ fl-eżeistenza”(M.H. parag. nru 52). U minħabba din l-oriġini divina, il-valur uman m’għandux jiddependi fuq l-inteliġenza, il-ġid, l-istatus soċjali, l-abiltà fiżika jew suċċessi. Kull persuna għandha valur ugwali; sempliċement għax hi umana.
Il-Papa jenfasizza li din id-dinjità mhix xi ħaġa akkwistata jew xi ħaġa li tagħtihielek is-soċjetà; hija rigal li jiġi qabel l-azzjonijiet umani u ċ-ċirkustanzi kollha. U mela, kull individwu jistħoqqlu rispett, protezzjoni, u oppurtunitajiet għal żvilupp sħiħ. Ċertament dan it-tagħlim huwa eku tad-duttrina soċjali tal-Knisja tul medda twila ta’ żmien u tad-difiża tagħha għad-drittijiet tal-bniedem.
Għas-servizz tal-umanità
F’din l-enċiklika, l-Papa Ljun XIV, juri tħassib sinjifikanti dwar kif qed dejjem tikber l-influwenza tal-Intelliġenza Artifiċjali. Huwa jirrikonoxxi l-fatt li t-teknoloġija tista’ toffri ħafna benefiċċji lis-soċjetà bħal ma huma t-titjib fil-komunikazzjoni, fil-qasam tas-saħħa, u fl-iżvilupp ekonomiku. Madanakollu huwa jwissi kontra l-mentalità teknokratika li tkejjel lill-bniedem biss skont l-effiċjenza jew il-produttività. Meta n-nies ikunu ttrattati sempliċmeent bħala riżorsi, konsumaturi, jew numri, id-dinjità tagħhom tkun imhedda. Il-Papa jinsisti li t-teknoloġija għandha tibqa’ għodda għas-servizz tal-umanità u qatt ma għandha ssir forza li b’xi mod tnaqqas il-libertà tal-bniedem, ir-responsabbiltà, jew il-ġudizzju morali.
Il-Magnifica Humanitas tenfasizza wkoll l-importanza tar-relazzjonijiet. Il-bnedmin mhumiex individwi iżolati, iżda persuni msejħa biex jgħixu f’għaqda ma’ Alla, ma’ xulxin, u mal-ħolqien. Il-vera umanità fl-aqwa tagħha tinsab fis-solidarjetà, il-ġustizzja u l-ġid komuni. Għal din ir-raġuni, il-progress teknoloġiku għandu jkun iggwidat bi prinċipji etiċi li jippromwovu l-inklużjoni pjuttost milli l-eskulużjoni; hekk ikunu protetti l-persuni vulnerabbli u tonqos l-inugwaljanza. Il-Papa jenfasiżża b’mod partikulari l-bżonn tat-trasparenza, il-kontabiltà, u l-governanza responsabbli fl-iżvilupp u fl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali.
Fiċ-ċentru tal-iżvilupp
Bħala konklużjoni, Magnifica Humanitas tippreżenta viżjoni qawwija tad-dinjità umana għad-dinja moderna. Tfakkarna li kull persuna għandha valur bla qies, għaliex hu jew hi maħbuba minn Alla. Waqt li tilqa’ bil-qalb il-benefiċċji tal-avanz teknoloġiku, l-enċiklika ssejjaħ lis-soċjetà moderna biex tpoġġi lill-persuna umana fiċ-ċentru tal-iżvilupp. Bil-ħarsien tad-dinjità, bit-twettiq tal-ġustizzja u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet umani, nistgħu nassiguraw illi t-teknoloġija tikkontribwixxi għal futur iktar uman u iktar ħanin.