Messaġġ tal-Papa Ljun XIV waqt l-Angelus tas-17-il Ħadd matul is-Sena

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Piazza della Libertà (Castel Gandolfo)
Il-Ħadd 26 ta’ Lulju, 2026

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Il-qofol tat-tagħlim ta’ Ġesù hu l-misteru tas-Saltna t’Alla.  L-Evanġelju tal-lum iqabbel dal-misteru ma’ ġawhra u ma’ teżor (cfr Mt 13,44-52).  Il-parabboli jikxfulna s-sorpriża ta’ min isib dak li lanqas biss seta’ jittama li jikseb — tant li l-fatt li jbigħ jew iħalli kollox warajh ma jibqax jidher bħala sagrifiċċju, iżda gwadann.  Fil-fatt, sa mill-ewwel paġni, l-evanġelisti jiddeskrivu bħala irreżistibbli s-sejħa għas-sekwela ta’ Ġesù: ħielsa, veru, iżda urġenti u kapaċi tqanqal tweġiba minnufih għax imħeġġa mix-xewqa.  Dan hu l-ewwel aspett importanti ta’ kif Alla hu qrib u juri ruħu: il-laqgħa mas-Saltna tiegħu hi bidla fid-direzzjoni li mhux talli ma tillimitax, talli twessa’ l-ħajja.  Jekk issa hemm xi ħaġa li hemm bżonn tinbidel, hi li tkattar il-possibiltajiet mhux tnaqqashom.

Hemm ukoll it-tieni aspett li Ġesù jidher li jtih ħafna importanza: probabbilment dak li sab it-teżor fl-għalqa kien bidwi; iżda kien negozjant dak li għaraf il-valur kbir tal-ġawhra, forsi xi vjaġġatur.  Għandna wkoll żewġ parabboli oħra li fihom il-protagonisti huma sajjieda, u skriba espert ta’ ħwejjeġ antiki u ġodda.  Hemm oħrajn, imbagħad, li fihom nilmħu s-Saltna: mara li tgħaġen id-dqiq, oħra li torganizza darha, re li jippjana l-gwerra, raġel li jipproġetta torri, amministraturi li jikkontrollaw pagamenti jew investimenti, ragħajja u bdiewa.  Insomma s-Saltna t’Alla turi s-sbuħija bla qies tagħha permezz ta’ toroq differenti, iżda ssejjaħ lil kulħadd – irġiel, nisa, żgħażagħ u anzjani, foqra u għonja – għal tiġdid profond.  Kulħadd jista’ jifhem u jinġibed lejn dis-Saltna. 

Illum ukoll, il-Knisja hi komunjoni ta’ bnedmin differenti minn xulxin fil-provenjenza, fil-kultura, fil-ħiliet, fil-livell ta’ reponsabbiltà, iżda lkoll imsejħin biex jagħrfu lil xulxin bħala “ħaġa waħda” f’Ġesù Kristu: huwa Hu t-teżor moħbi, il-ġawhra prezzjuża, ix-xibka li tiġbor fiha lill-imxerrdin.  Sa mill-bidunett, infatti, Ġesù sejjaħ u ġabar madwaru persuni li, altrimenti ,qatt ma setgħu jiltaqgħu flimkien.  U propju dan wera li Alla ma jagħmilx preferenzi bejn il-persuni, ma’ jħares lejn wiċċ ħadd u l-għażla tiegħu hi favur iż-żgħir u l-imwarrab.

Ħuti, ma jibqgħalna xejn aktar ħlief nitolbu don, l-istess don li talab iż-żgħażugħ Re Salamun (cfr 1 Slaten 3,5.7-12).  Id-don li nagħrfu liema hi l-ġawhra l-aktar prezzjuża, li nagħrfu liema hu t-teżor li minħabba fih ikun jaqbel li tbigħ kollox.  Filwaqt li l-industrija tal-konsumiżmu tilgħab bil-gosti tagħna billi dejjem tipproponilna bżonnijiet ġodda biex tbigħilna tweġibiet li ma jissodisfawx u li ximindaqqiet jivvelenaw il-qalb – jeħtieġ nitgħallmu nagħżlu dak li verament jiswa: it-teżor tar-relazzjoni tagħna ma’ Alla, li jiftaħna għall-ferħ u jgħinna ngħixu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna bl-aħjar mod possibbli.

Jalla l-interċessjoni ta’ Marija, Tron tal-Għerf, torjenta x-xewqa tagħna għall-ħajja lejn Ġesù biex tkun tista’ titwettaq fil-milja kollha tagħha.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti.

Ilbieraħ, fil-Libanu kien beatifikat Elia Hoayek, Patrijarka ta’ Antjokja tal-Maroniti bejn l-1899 u l-1931 u fundatur tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Maroniti tal-Familja Mqaddsa.  Mexxa l-Knisja Maronita għal aktar minn tletin sena b’dedikazzjoni kbira u sensibbiltà pastorali.  Bniedem ta’ djalogu u tama, kien punt imdawwal ta’ riferiment ekkleżjali, soċjali u politiku tant li hu magħruf bħala “Missier il-Kbir Libanu”.  Jalla t-talb u l-interċessjoni tal-Beatu l-ġdid jakkumpanjaw dejjem lill-fidili Maroniti fid-dinja kollha biex jiksbu d-don tal-paċi għall-poplu kollu tal-Libanu li hu tant għal qalbi.

Qed insegwi bi tħassib kbir il-vjolenza li għadha għaddejja u qed tiżdied fl-Art Imqaddsa – vjolenza li dan l-aħħar ħasdet il-ħajja ta’ ħafna vittmi ċivili fix-Xatt tal-Punent u wkoll f’Gaża.  Nagħmel appell minn qiegħ qalbi biex jerġgħu jibdew in-negozjati li jfittxu soluzzjoni politika xierqa, imsejsa fuq id-dinjità u d-drittijiet ugwali ta’ kull persuna umana, u biex ikunu rifjutati l-azzjonijiet militari kollha u kull deċiżjoni unilaterali, partikolrment dawk li jonqsu mir-rispett lejn l-istatus quo tal-imkejjen sagri ta’ kull fidi reliġjuża.


Bl-istess mod inġedded l-appell tiegħi dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani kollu, fejn iż-żjieda ta’ operazzjonijiet militari ġabet mill-ġdid aktar vjolenza u distruzzjoni li qed ipoġġu f’riskju l-ħajja ta’ għadd kbir ta’ nies ċivili u qed iħarrxu s-sitwazzjoni tan-nuqqas ta’ ilma tax-xorb u tad-dawl.  Minn qigħ qalbi nħeġġeġ lill-partijiet kollha biex iwaqqfu l-attakki u b’urġenza jerġgħu jiftħu spazji ta’ djalogu u ta’ diplomazija, sabiex malajr kemm jista’ jkun jaslu għall-paċi tant mixtieqa mir-reġjun kollu.

Inkomplu nitolbu għall-popli kollha tad-dinja li qed isofru minħabba l-gwerra.  Jalla l-Mulej imiss il-qlub u jdawwal l-imħuħ ta’ min hu responsabbli biex minnufih iġibu r-rikonċijazzjoni u l-paċi.

Nesprimi l-qrubija tiegħi u nistieden lil kulħadd jitlob għall-persuni milquta u għal dawk li qed jagħtu l-għajnuna fin-nirien qerrieda li dal-ġranet ħakmu żoni fi Franza u fi Spanja

Illum qed niċċelebraw is-VI Jum Dinji tan-Nanniet u l-Anzjani bit-tema meħuda mill-Profeta Iżaija: “Iżda jien ma ninsik qatt” ( 49,15).  Niżżuħajr lill-Mulej ilkoll flimkien għad-don tal-anzjani kemm għall-Knisja kif ukoll għas-soċjetà u nimpenjaw ruħna biex nirrispettaw u nivvalorizzaw l-irwol prezzjuż tagħhom u biex dejjem niggarantulhom l-attenzjoni xierqa u l-għajnuna li jeħtieġu.

Insellem b’għożża lilkom ilkoll li hawn preżenti, residenti u minn diversi nħawi tal-Italja u tad-dinja!

Nagħti merħba partikolari lill-pellegrini membri tal-“Opera della Chiesa” u lill-Isqfijiet li qed jakkumpanjawhom; merħba u tislima lit-tfal tal-“Casa della Misericordia” minn Chortkiv, fl-Ukrajna, mistednin tal-Parroċċa ta’ San Mikiel Arkanġlu F’Nocera Inferiore; lill-adoloxxenti mill-Parroċċa ta’ Manerbio; lill-parteċipanti tal-“Incontro Internazionale dei Giovani”, organizzat fit-tieni ċentinarju mill-mewt ta’ Santa Giovanna Antida Thouret; lill-pellegrini żgħażagħ tal-moviment tal-istudenti kattoliċi Önze-Lieve-Vrouw Ster-Der-Zee minn Maldegem, fil-Belġju, kif ukoll lill-alljievi tal-Iskola tal-Carabinieri ta’ Velletri, akkumpanjati mill-Kappillan u l-Uffiċjali tagħhom.

Insellem lill-Membri tal-Catholic Men Association of Cameroon.  Ħsieb partikolari jmur lejn il-parteċipanti tas-“Sagra delle Pesche” f’Castel Gandolfo li ġew hawn u ġabu magħhom il-frott biex iberkuh.

Illejla f’Ruma, fuq ix-xmara Tevere, se ssir il-purċissjoni tal-Madonna “fiumarola”: 

Jalla Marija, Omm Ġesù, lill-parteċipanti kollha f’din it-tradizzjoni sabiħa u lilna lkoll, taqlgħalna l-grazzja li ngħixu kuljum skont it-tagħlim tal-Evanġelju!

U lilkom ilkoll nawguralkom minn qalbi il-Ħadd it-tajjeb!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading