Adorazzjoni. 20 Ħadd matul is-Sena A

Salm 103

“Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.

Hu li jaħfer dnubietek kollha;

ifejjaq il-mard tiegħek kollu;

jifdi lil ħajtek mill-qabar;

iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena;

ixabba’ bil-ġid snin ħajtek,

u bħal tal-ajkla tiġġedded żgħożitek.”

Bierek, ruħ tiegħi, l-Mulej! Bierku, tal-ġid kollu li jagħmel magħna; tal-barkiet li jixħet fuqna, tal-grazzji u d-doni li Hu jżejjinna u jimliena bihom… Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej.

Silenzju       1min.

Nfaħħrek, Mulej, b’qalbi kollha; nxandar għeġubijietek kollha!

Nifraħ u nithenna bik; ngħanni lil ismek, tul il-jiem kollha ta’ ħajti. 

Ħallina ħa nfaħruk u nirringrazzjawk, talli għażilt li tibqa’ tgħammar fostna fis-Sagrament tal-Ewkaristija. Grazzi tal-istedina li lejla għamiltilna, biex niġu u nqatgħu ftit ħin miegħek. Mingħajrek, Mulej, aħna m’aħna xejn.           (3 sek pawsa)

O Ġesù, meta ma nafx lejn min indur, nagħraf li nista’ ndur lejk, għax naf li se tkun hawn, lest biex tilqagħni u tismani. Meta ma nafx x’għandi nagħmel, naf li Int se tkellimni f’qalbi. Meta ma nistax insib tweġiba, Int dejjem ikollok waħda lesta għalija. Meta ħadd ma jimpurtah, Int jimpurtak minni. Meta nkun ferħan, int taqsam miegħi l-ferħ. Meta naqa’, Inti terfgħani. Jekk jien neħtieġ il-maħfra, Int l-persuna li tagħtini l-maħfra mill-ewwel.

Għalhekk: “Bierek, ruħ tiegħi, l-Mulej, u la tinsiex il-ġid kollu li Hu għamel miegħek”. 

Silenzju       1min          

Innu:

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew                         Mt 15, 21-28

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn Tir u Sidon. U ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat u tgħid: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David; binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna!”. Iżda hu ma weġibhiex kelma. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: “Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna”. Imma hu qalilhom: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael”.

Iżda hi resqet, inxteħtet quddiemu u qaltlu: “Għinni Mulej!”. Hu weġibha: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi”. “Hekk hu, Mulej – qaltlu – iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom!”. Imbagħad wieġeb Ġesù u qalilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq”. U minn dak il-ħin stess bintha fieqet

Il-Kelma tal-Mulej

Tifħir lilek Kristu

Silenzju       1 min

Malcolm Muggeridge, producer imsemmi u awtur magħruf, fl-1968 iddikjara li qed iħoss xewqa kbira li jsir nisrani. Xewqa li twettqet xi snin wara meta ġie mgħammed fil-Knisja Kattolika. Meta ħarġet l-aħbar, Muggeridge rċieva ittra mingħand waħda soru li kitbitlu hekk:

“Sur Muggeridge, Waħda mis-sorijiet tagħna, ilha 43 sena titlob għall-awtur ta’ dan l-artiklu li jien qed nibgħatlek. Kienet titlon għalih, għax fehmet li min kitbu kien qiegħed ifittex il-verità. U talbet għalih biex isib dak li kien jixtieq. Jidher lit-talb ta’ din is-soru ma kienx għalxejn għax bħalma taf tajjeb, l-awtur ta’ dan l-artiklu kont int… ġuvnot ta’ xi għoxrin sena… 43 sena ilu!”          (5 sek pawsa)

Illum, fl-Evanġelju niltaqgħu ma’ omm perseveranti, mara ta’ fidi kbira, omm li titlob lil Ġesú biex jeħles lil bintha, li kienet maħkuma mix-xitan. Ejjew, aħna nħarsu lejn din il-mara u nimitawha fit-talb tagħna. Xi kultant naħsbu li l-Mulej ittarrax, li l-Mulej insiena, u mhux jisma’ t-talb li qed nagħmlulhu.    (3 sek pawsa)

Taqtax qalbek, ħares lejn din il-mara tal-Evanġelju, ħares lejn dik is-soru tal-istorja li damet 43 sena titlob għal dak iż-żgħażugħ. Irridu paċenzja u perseveranza, u nħallu kollox fir-rieda ta’ Alla.      

Silenzju                 2min

Din il-mara Kangħanija, b’umiltà u fidi kbira, tistqarr, li hi, kienet lesta li tieħu mill-fdal tal-ħniena ta’ Ġesú. Imma meta Ġesú jara l-fidi ta’ din il-mara, jagħtiha ħniena bl-abbundanza. Hekk għandu jkun it-talb tagħna.           (3 sek pawsa)

Xi drabi, bi kburija, nistgħu naħsbu li għandna dritt għall-ħniena ta’ Alla. Nippretendu li Alla jagħtina dak il-ħin stess dak li nitolbuh. U għalkemm nistgħu nirrealizzaw li l-ħniena mhix mistħoqqa, rridu nħallu l-verità tidħol fil-fond ta’ qalbna. L-Evanġelista qed jippreżentalna l-mod ta’ kif għandna nitolbu u b’liema dispożizzjoni interjuri tagħna, rridu nersqu quddiem Alla: trid tkun waħda ta’ umiltà. Kemm hi ħaġa sabiħa, li t-talba li nagħmlu lil Alla, dejjem tispiċċa b’dan il-kliem ta’ Ġesú: ‘ikun li trid int’.                                                                                                        (3 sek pawsa)

Mulej, int għani fil-ħniena, u tagħmel ħniena ma’ kulħadd, nitolbuk agħtina qalb umli u perseveranti, ħalli meta nersqu lejk u nitolbuk, qatt ma naqtgħu qalbna, imma bħal mara Kangħanija, nagħrfu x-xejn tagħna, u b’fidi kbira nemmnu, li Int se tismagħna u tilqa’ t-talb tagħna.           

Silenzju       3min

Innu:_______________________

Talbiet tal-Komunitá

Miġburin f’dar il-Mulej, biex infaħħru lil Alla għall-ħniena u t-tjieba tiegħu, nitolbuh iberikna u jżommna dejjem fl-imħabba tiegħu.

Mulej, ħenn għalina u ismagħna.

Ieqaf, Mulej, mal-Knisja tiegħek fil-ħidma tagħha biex twassal il-Bxara t-Tajba tas-salvazzjoni lill-ġnus kollha.

Mulej, ħenn għalina u ismagħna.

Tħalli qatt il-ġnus, li għal mijiet ta’ snin għożżew l-Evanġelju tiegħek, jiċħdu l-wirt nisrani li ħallewlhom missirijiethom, imqarrqin mill-frugħat u l-materjaliżmu tad-dinja ta’ llum.    

Mulej, ħenn għalina u ismagħna.

Mulej, nissel fina l-umiltà u l-perseveranza, ħalli meta nersqu lejk fit-talb tagħna, nħallu dejjem li seħħ ir-rieda tiegħek f’ħajjitna

Mulej, ħenn għalina u ismagħna.

Fil-ħniena tiegħek, imliena bil-frott tal-Ispirtu s-Santu: agħtina s-sabar, it-tjieba u l-ħlewwa ma’ kulħadd.

Mulej, ħenn għalina u ismagħna

Kant: Dal Misteru

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading