Adorazzjoni. 23 Ħadd ta’ Matul is-Sena A

Alla l-qawwi, kif il-ħlejjaq
tnisslu b’kelmtek fi ħdan l-ilma,
Int qassamthom, xi wħud fl-ajru,
iżd’oħrajn fl-imwieġ ħallejthom.

         Missierna, Sliema, u Glorja

Tajt lil dawn ix-xmajjar, l-ibħra;
mas-smewwiet lil fawk xerridthom;
biex sew fuq sew taħt jiżegħdu,
għalkemm jafu bidu wieħed.

Missierna, Sliema, u Glorja

Nitolbuk, Mulej, biex aħna,
li bil-mewġ tad-demm tnaddafna,
ma naqgħux fit-tajn tal-ħtija,
ma nerfgħux tal-mewt it-toqol.

         Missierna, Sliema, u Glorja

Tħalliniex bid-dnub nitgħaffġu
jew nintrefgħu bina nfusna,
biex la nsiru frak quddiemek
lanqas nieħdu xi tisbita.

         Missierna, Sliema, u Glorja

Isma’ talbna, Missier twajjeb,
w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,
li ta’ dejjem hi saltnatkom
mal-Ispirtu Faraġ tagħna.

         Missierna, Sliema, u Glorja

Silenzju 3min

Innu:__________________    

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew                                Mt 18, 15-20 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-knisja. U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan jew pubblikan.

Tassew ngħidilkom, li kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema. Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet, jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”.

Il-Kelma tal-Mulej

Tifħir lilek Kristu

Silenzju      1min

Kemm hu diffiċli li nilqgħu korrezzjoni!! Kemm hi iebsa li nilqa’ twissija mingħand l-oħrajn!! Faċli li nirribella u ngħidlu kelma oħra lura, jew nagħtih xi ċamata sewwa…..    Kemm hi iktar diffiċli li jiena nikkoreġi lil xi ħadd: Mela jien ħa nidħol bejn il-basla u qoxritha! U mhux hekk biex jaħtafni, jew jagħmilli xi vendikazzjoni!! (5 sek pawsa)

O Ġesù, int fakkart lill-appostli fin-neċessità tal-korrezzjoni fraterna. Dak li huwa ħażin ma nistgħux nisktu quddiemu; u bħala nsara Int qed titlob minna biex bl-imħabba, bil-ġentilezza, u bi ħniena kbira u mogħdrija nikkoreġu lil dawk li jiżbaljaw.  (3 sek pawsa)

Fil-Knisja, ma hemm ħadd li hu fuq ħadd, u ħadd mhu perfett. U għalhekk, skont il-kelma tiegħek, o Sinjur, Inti turina n-neċessità li nikkoreġu lil xulxin; u li dan nagħmluh b’imħabba kbira.   (3 sek pawsa)

Ir-responabbiltà tagħnamhix biss li nwissu u nigwidaw lil xulxin; imma wkoll li jkollna neċessità li naċċettaw kelma fraterna ta’ korrezzjoni. Hemm is-salvazzjoni ta’ ruħna fin-nofs, u għalhekk huwa neċessarju li b’umiltà kbira, fejn hemm bżonn nilqgħu l-korrezzjoni ta’ dawk li huma maħturin mill-Ispirtu s-Santu biex imexxuna.

Mulej, agħtina l-grazzja tal-umiltà, agħtina l-grazzja li nilqgħu l-korrezzjoni; u fejn neċessarju bil-kelma, u fuq kollox bl-eżempju nagħtu korrezzjoni aħna. 

Silenzju 2min

Meta jien nasal li nkun umli biżżejjed u nilqa’ korrezzjoni fraterna, kif ukoll nasal li nikkorreġġi lil xi ħadd b’imħabba. Imbagħad iva, kif tgħidilna Int, o Ġesù, meta nkunu flimkien, Int tkun f’nofsna, u tilqa’ kull talba li aħna nagħmlu. (3 sek pawsa)

Din hi x-xewqa tiegħek, o Mulej, li aħna nkunu flimkien, li nkunu komunità ta’ mħabba, ta’ għaqda; li nitolbu flimkien, li naqsmu flimkien il-Kelma, l-Ewkaristija, imma wkoll il-karità. “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 14:35). (3 sek pawsa)

Aħna nistgħu nitolbu weħidna, imma l-qawwa tat-talb flimkien hija qawwa kbira, kif naraw fil-ħajja tal-appostli, u fil-ħidma tal-ewwel Insara. Kemm hu sabiħ li nitgħallmu nitolbu flimkien fil-famili tagħna, mat-tfal u neputijiet tagħna. Kemm barkiet iġibu dawn il-waqtiet fuqna! Imma fuq kollox ikun hemm il-preżenza ta’ Ġesù fostna. “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”.    

Silenzju 2min

Innu: ­­­­­­­­­­­­­­­__________________________

Talbiet tal-Komunitá

Nitolbu minn qalbna lil Alla li huwa ġust, u jisma’ lil qaddejja tiegħu.

Nitolbu għas-saċerdoti, biex fis-sagrament tal-Qrar, iwiddbu lill-midneb b’imħabba u ħniena kbira. Nitolbu.

Nitolbu għall-mexxejja tal-pajjiżi, biex ma jwebbsux qalbhom għal-leħen tiegħek. Nitolbu.       

Nitolbu għall-familji tagħna, biex ngħixu fi spirtu nisrani, u nsibu l-ħin li nitolbu flimkien, biex Int dejjem tgħammar f’nofsna. Nitolbu.

Għalina wkoll hawn miġburin, biex infittxu li nkunu qrib ta’ ħutna l-midinbin, u ngħinnuhom bl-eżempju tagħna. Nitolbu.

Ejjew f’qalbna nagħmlu t-talba personali tagħna

Kant: Dal Misteru