Vjaġġ profond. Niċċelebraw l-Evanġelju tal-21 Ħadd tas-Sena A

Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?”. U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti”.
“Imma intom min tgħidu li jien?”, staqsiehom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj”. U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet”. Imbagħad lid-dixxipli tiegħu wissiehom biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li huwa l-Messija. Mt 16, 13-20

  1. Riflessjoni/talba:

i. F’dak iż-żmien, meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?”. U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti”. “Imma intom min tgħidu li jien?”, staqsiehom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj”.

Meta wasal fil-post
li l-Griegi iddedikaw lil alla Pan (nofsu bniedem, nofsu mogħża)
fejn Erodi l-Kbir bena tempju tal-irħam abjad biex iqim lil Cesari Awgustu
u li ibnu, Erodi Filippu, semmih Ċesarija ta’ Filippu biex jafferma l-awtorità tiegħu,

Ġesù jpoġġi mistoqsijiet lid-dixxipli tiegħu
biex iqabbadhom vjaġġ li jwassal f’post ġdid:

l-esperjenza personali tal-profondità ta’ Alla f’Bin il-bniedem
il-ħelsien mill-idolatrija ta’ kull “mogħża”, tal-poter tad-dinja, tal-jien assolut.

Irrifletti:
• Fejn kellek esperjenza tal-misteru t’Alla?

ii. U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet”.

Ġesù ma jieqafx biss biex isaqsi
iżda wkoll biex jafferma:

quddiem l-iġbla għolja bin-niċeċ tal-idoli
hemm blata li fuqha tinbena l-Knisja:
il-fidi ta’ Pietru fl-imħabba infinita tal-Missier

quddiem l-għar mudlam u fond ta’ Pan
li diversi kienu jqisuh “il-bieb tal-infern” (Hades/Sheol)
Ġesù jassigura li l-bibien tal-infern ma’ jgħelbuhiex

Quddiem il-poteri tad-dinja
Ġesù iwassal għall-esperjenza tal-hena
ta’ min jitmexxa minn Alla u jmexxi biex jeħles.

Irrifletti
• Fejn doqt l-hena tal-laqgħa mal-imħabba t’Alla?

iii. Imbagħad lid-dixxipli tiegħu wissiehom biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li huwa l-Messija.

Wara li staqsa u fisser,
Ġesù jistedinna għas-skiet:

Mhux biex iħassar il-festi
mhux biex isikket lid-dixxipli
iżda biex iwassal għal pass ieħor:

qabel ma titkellem fuq Ġesù, importanti li tgħixu!
Jekk ma tafx tieqaf fis-skiet quddiem il-misteru t’Alla,
lil Alla tispiċċa tużah biex taħkem mhux biex taħdem għall-ġid.

Irrifletti

• Ieqaf ftit fis-skiet quddiem il-misteru ta’ Alla.

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading