Fiduċja

Kitba u qari ta’ Dun Pawl Sciberras

Il-fiduċja f’Alla hi mfaħħra ħafna fil-Bibbja u hi rrikmandata lill-bniedem biex jgħix moħħu mistrieħ. (Is 12,2; 30,15; Salmi 11; 16; 121; 123; eċċ.). Ġeremija għandu biss kliem sabiħ għall-bniedem li jqiegħed il-fiduċja tiegħu fil-Mulej, u b’kuntrast kliem ta’ saħta għal min jafda fil-bnedmin (Ġer 17,5-7). Abraham baqa’ jissemma b’tifħir għall-fiduċja kbira tiegħu f’Alla (Ġen 22,7-14; Rum 4,18; Lhud 11,17). Imma wliedu, l-Iżraelin, ma mxewx dejjem fuq l-eżempju ta’ Abraham; qiegħdu l-fiduċja tagħhom f’allat oħra u f’qawwiet ta’ saltniet barranin. Għalhekk kienu jċanfruhom il-profeti (Is 30,15; 59,4; Ġer 13,25; eċċ.). L-awturi tas-Salmi, li jfaħħru ħafna l-fiduċja tal-bniedem f’Alla, iwissuna biex fih biss inqiegħdu t-tama tagħna u mhux fil-bnedmin u l-kbarat tagħhom (Salm 118,9; 146,3) jew fil-għana u l-qawwiet tagħhom (Salm 11,28; 49,7; 62,11). Il-fiduċja f’Alla hu element li jidħol ħafna fis-Salmi tat-talb u tal-ilment; (Salmi 27; 121; 123; eċċ.) Dawn jgħallmuna li l-bniedem fil-bżonn u fil-għawġ f’Alla jsib il-faraġ u l-mistrieħ.

Dan hu wkoll il-ħsieb li jnissel fina l-kliem ta’ Ġesù fuq Alla, li hu Missierna li jħobbna u jipprovdilna (Mt 6,24-53; Ġw 16,26-27). Il-fiduċja sħiħa ġgegħelna nafdaw f’Alla, nintelqu f’idejh u nserrħu rasna bih (1 Pt 4,7). Il-fiduċja tiġi mill-fidi: nafdaw f’Alla għax nemmnu li Hu, li jista’ kollox, iħobbna u jieħu ħsiebna. Għalhekk nersqu lejh bil-fiduċja kollha (Lhud 11,6; Rum 5,2). Aktar ma tkun kbira u qawwija l-fidi tagħna f’Alla, aktar tkun kbira u qawwija l-fiduċja tagħna fih. Fidi u fiduċja, bħall-fidi u t-tama, jimxu flimkien.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading