Omelija, Jum Dinji ta’ Talb għall-Għożża tal-Ħolqien, Borgo Laudato Si’ – Castel Gandolfo

JUM DINJI TA’ TALB GĦALL-GĦOŻŻA TAL-ĦOLQIEN

QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV

Borgo Laudato Si’ – Castel Gandolfo

It-Tlieta 1 ta’ Settembru 2026

Għeżież ħuti,

Fil-Qari magħżul għal-liturġija tal-lum, il-Jum Dinji ta’ Talb għall-Għożża tal-Ħolqien, qed isirulna żewġ stediniet għall-kontemplazzjoni tal-opri tal-Mulej, taħriġ li żgur mhuwiex tqil fil-kuntest ta’ dawn il-ġonna mill-isbaħ.

Il-Ktieb tal-Għerf iħeġġiġna nikkontemplaw il-ġmiel u l-qawwa tal-ħolqien biex naslu napprezzaw lill-Ħallieq tiegħu (ara Għerf 13:1-9). Tkun ħaġa superfiċjali li nieqfu mal-kontemplazzjoni tan-nar, tar-riħ, tal-ilma ta’ saħħa kbira jew tal-kwiekeb tas-sema mingħajr ma naslu għand il-Ħallieq ta’ tant għoġba.

Is-Salm 18 jixprunana biex nerfgħu ħarsitna u nikkontemplaw is-smewwiet li jirrakkuntaw il-glorja ta’ Alla u l-firxa tas-sema li tħabbar l-opra ta’ jdejh. Il-ħolqien kollu jkellimna fuq il-kobor tal-Ħallieq, biex il-ħarsa u l-qalb tagħna jkunu miftuħa għal misteru hekk għoli.

Anki t-test evanġeliku ta’ Mattew (ara Mt 6:24-34) jistedinna għall-kontemplazzjoni tal-ħolqien, b’enfasi fuq l-imħabba speċjali tal-Mulej għall-bniedem. Meta nammiraw b’għoġba lill-għasafar tas-sema u l-ġilji tal-widien, prezzjużi f’għajnejn il-Ħallieq, dan iwassalna biex nifhmu kemm hi kbira l-imħabba ta’ Alla għalina. Jekk fil-fatt il-Mulej ma jonqosx li jżejjen bi ġmiel mill-akbar u jipprovdi l-meħtieġ lil pjanti u annimali, kemm iktar se jkun attent għall-esiġenzi ta’ wliedu l-maħbuba!

Illejla, aħna u nilqgħu l-istedina biex nieqfu u nirriflettu quddiem l-opri ta’ Alla, ejjew nagħtu bidu għal “Żmien il-Ħolqien”, perjodu ta’ ħames ġimgħat iddedikati lit-talb u lill-impenn fl-għożża tad-“dar komuni”. F’dan il-Jum, għalhekk, u fil-jiem li ġejjin, ejjew nieqfu għal xi minuta mill-ġenn tal-attivitajiet ta’ kuljum biex niggostaw l-armonija kbira li minnha nagħmlu parti. Ejjew inqiegħdu f’“modalità silenzjuża” l-ħsejjes tal-opri umani biex nisimgħu l-vuċi melodjuża tal-ħolqien, fejn Alla, Awtur ta’ kull ħaġa, ikellimna.

Dan it-taħriġ kontemplattiv, li jgħin fil-laqgħa mal-Mulej, huwa l-ewwel pass lejn “konverżjoni ekoloġika awtentika, fejn l-effetti tal-laqgħa ma’ Ġesù Kristu jidhru b’mod ċar fir-relazzjoni mad-dinja ta’ madwarna” (Messaġġ għall-XI-il Jum Dinji ta’ Talb għall-Għożża tal-Ħolqien).

Mill-kontemplazzjoni tal-ħolqien u mil-laqgħa mal-Ħallieq jinbet l-għarfien tal-post speċjali tagħna fi ħdan il-pjan tal-għaġeb ta’ Alla u tar-responsabbiltà personali u kollettiva tagħna fil-ħarsien tal-armonija oriġinali. Hekk, mill-għarfien tagħna tan-nuqqasijiet u l-iżbalji tagħna, jinbet impenn imġedded biex insewwu r-relazzjonijiet bejn il-ħlejjaq skont ir-rieda tal-Ħallieq tagħhom.

Għalhekk il-Messaġġ ta’ dan il-Jum jaqbad “is-sejħa profetika biex ‘indewbu x-xwabel f’sikek tal-moħriet’ (ara Iż 2:4), […] u nibdlu dak li hu ħażin f’ħajja”. Għadu mhux tard wisq, u Żmien il-Ħolqien isejħilna għal konverżjoni profonda: “Dak li ntuża għall-qerda jista’ jiġi indirizzat mill-ġdid lejn il-ħajja, lejn l-għożża tal-foqra, in-nutriment tal-imġewħin u l-ħarsien tal-ħolqien” (Messaġġ għall-XI-il Jum Dinji ta’ Talb għall-Għożża tal-Ħolqien).

Iż-żmien li qed niftħu llum jagħlaq fl-4 ta’ Ottubru, jum li fih niċċelebraw it-tmien ċentinarju mit-Transitu ta’ San Franġisk ta’ Assisi. Minnu tnebbaħ b’mod partikulari l-Papa Franġisku biex kiteb l-Ittra Enċiklika tiegħu Laudato si’ u biex ta l-ħajja lil dan il-Borgo li qed jilqagħna.

Mela ejjew ningħaqdu spiritwalment mal-Fqajjar ta’ Assisi u nagħmlu tagħna l-Kantiku tiegħu ta’ tifħir:

“Laudato sie, mi’ Signore, cum tucte le tue creature,
spetialmente messor lo frate sole, […].
Laudato si’, mi’ Signore, per sora luna e le stelle […].
Laudato si’, mi’ Signore, per frate vento […].
Laudato si’, mi’ Signore, per sor’aqua […].
Laudato si’, mi’ Signore, per frate focu […].
Laudato si’, mi’ Signore, per sora nostra matre terra,
la quale ne sustenta et governa”.

Flimkien ma’ San Franġisk nixtiequ nġeddu l-impenn tagħna biex ngħixu u nippromovu dik il-fraternità universali li hi magħquda b’mod li ma jinfiridx mad-dmir li għandna li nieħdu ħsieb tal-ħolqien.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Agħfas Hawn biex tara aktar kitbiet mill-Papa Ljun XIV fuq LAIKOS.org

ARTIKLU VATICAN NEWS BIR-RITRATTI:

https://www.vaticannews.va/it/papa/news/2026-09/papa-messa-tempo-creato-conversione-responsabilita-cura-ambiente.html

POSTER:

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading