Kelma tal-Ħajja Settembru 2026

“L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu; mela l-imħabba hi l-milja tal-Liġi” (Rm 13, 10).

Nistgħu nikkmandaw lil xi ħadd biex iħobb? Jekk b’imħabba nifhmu sentiment, mela żgur li ma nistgħux; iżda jekk nagħrfu li l-imħabba hi don ta’ Alla, l-affarijiet ma jibqgħux l-istess.

Din il-Kelma tal-Ħajja hi meħuda mill-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani fejn hu jitkellem dwar ir-rabta li hemm bejn il-Liġi u l-imħabba, u jisħaq li l-imħabba hi l-milja tal-Liġi. Ftit qabel, hu jgħid mnejn hi ġejja l-imħabba: “Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin” (Rm 5, 8). U l-ewwel ittra ta’ San Ġwann tgħidilna: “Hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna” (1Ġw 4, 10).

“L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu; mela l-imħabba hi l-milja tal-Liġi.”

Ħadd minna ma jista’ jagħti minn dak li m’għandux. Santu Wistin fehmu tajjeb dan meta dar lejn Alla u talbu: “Għinni ngħix dak li tikkmandani, u kkmandani dak li trid”[1]. Aħna rċevejna d-don kbir tal-imħabba ta’ Alla u msejħin biex ma nżommuhx għalina biss, imma biex naqsmuh mal-oħrajn. Aħna nistgħu mhux biss nilqgħu l-imħabba ta’ Alla, imma nistgħu nsiru wkoll dawk li jagħtuha: aħna l-maħbubin imsejħin biex inkunu dawk li jħobbu filwaqt li nieħdu sehem mill-ħajja stess tal-Missier li jħobb, tal-Iben il-Maħbub u tal-Ispirtu s-Santu li hu l-Imħabba.

San Pawl jiżgurana li m’għandniex dejn ieħor ħlief dak li nħobbu lil xulxin, għax min iħobb ikun qed iwettaq il-Liġi [2].

“L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu; mela l-imħabba hi l-milja tal-Liġi.”

Chiara Lubich tisħaq li: “L-imħabba vera ma tagħmel ħsara lil ħadd, u għalhekk twassalna biex ngħixu l-kmandamenti kollha, bla ma nħallu barra ebda wieħed minnhom, ladarba l-għan ewlieni tagħhom hu li nevitaw dak kollu li jagħmel ħsara lilna u lil ħutna”[3].

Meta nifhmu l-kmandamenti tal-Liġi b’dan il-mod, dawn ma jibqgħux obbligu imma jsiru don ġej mingħand Alla li jħobbna, u mhux biss ma jrażżnux imħabbitna, imma jagħtuha libertà sħiħa.

“L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu; mela l-imħabba hi l-milja tal-Liġi.”

L-ewwel pass li jeħtieġ nagħmlu biex inwettqu l-imħabba b’mod sħiħ hu li ma nagħmlux deni lill-proxxmu. Iżda mbagħad imħabbitna trid tkun kreattiva. Il-Papa Franġisku jfakkarna: “Mhux biżżejjed li ma nagħmlux ħsara lill-proxxmu, iżda jeħtieġ nagħżlu li nagħmlu l-ġid u nieħdu kull okkażjoni biex nagħtu xhieda li aħna dixxipli ta’ Ġesù”[4].

Mela, kif ser ngħixu din il-Kelma tal-Ħajja? Irridu npoġġu l-imħabba fiċ-ċentru ta’ ħajjitna. U nħobbu lill-oħrajn b’mod konkret kif iħobb Ġesù: hu l-milja tal-imħabba li tagħti lilha nnifisha b’mod sħiħ lil Alla u lill-bnedmin. Hu jgħallimna l-kejl tal-imħabba.

“L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu; mela l-imħabba hi l-milja tal-Liġi.”

Doris, tfajla mill-Iskozja tirrakkonta: “Immur inżur regolarment post li jagħti kenn lil dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom, u kull meta mmur insib ruħi f’dinja differenti għal kollox minn dik li ngħix fiha jien. Naf li ma tantx jgħodd dak li nħoss, imma li jgħodd kemm inħobb. Darba kien hemm raġel li b’dieqa kbira fuq wiċċu qalli li ma riedx ikompli jgħix u kien lest li jneħħi ħajtu. Bqajt ħdejh, nisma’ biss dak li kellu xi jgħid; u mbagħad ħadna kafè u panina flimkien. Fhimt li biex turi l-imħabba, hu biżżejjed li tisma’ lill-persuna l-oħra u tkun hemm għaliha. Meta wasal il-ħin biex nitlaq, dan ir-raġel għannaqni miegħu, tbissem u qalli kemm hu importanti dak li konna qed nagħmlu aħna, mhux biss għalih, imma għal dawk kollha li kienu f’dik id-dar. Indunajt kemm hi kbira l-qawwa tal-imħabba. Il-gratitudni tiegħu mlietni bil-ferħ, u din kienet xi ħaġa tassew qawwija għalija”.

Claudio Cianfaglioni u il-grupp tal-Kelma tal-Ħajja

[1] Agostino, Confessioni, 10, 29, 40.

[2] Ara Rm 13, 8.

[3] C. Lubich, Kelma tal-Ħajja Settembru 1993, Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi, (Opere di Chiara Lubich 5), Città Nuova, Ruma 2017, pġ. 531.

[4] Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali, 3 ta’ Jannar 2018.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading